Language of document : ECLI:EU:F:2012:173

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

5 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑76/11

Diana Grazyte

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Perijodu deċennali ta’ referenza — Bidu tad-dekorrenza — Punt ta’ skadenza — Newtralizzazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa għal organizzazzjoni internazzjonali — Applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Grazyte titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal- Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Ħlas ta’ Drittijiet Individwali (PMO), tal-25 ta’ Awwissu 2010, li jirrifjuta lir-rikorrenti l-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż inkorsi mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ġurisdizzjoni sħiħa — Tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċett — Azzjoni intiża li tikkundanna istituzzjoni għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

2.      Uffiċjali — Rikorsi tal-uffiċjali — Ġurisdizzjoni sħiħa — Tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċett — Azzjoni intiża li tikkundanna istituzzjoni għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b); Kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 21)

3.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Membru tal-persunal temporanju li għandu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ assenjazzjoni — Residenza abitwali barra minn dan l-Istat matul il-perijodu ta’ referenza — Determinazzjoni tal-punt ta’ skadenza tal-imsemmi perijodu — Newtralizzazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa għal Stat jew organizzazzjoni internazzjonali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b); Kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 21)

1.      Talbiet intiżi li jikkundannaw istituzzjoni għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni u għall-interessi kumpensatorji għandhom jitqiesu bħala li għandhom l-istess għan bħal talbiet li għandhom effett li titressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Ħlas ta’ Drittijiet Individwali li ma tagħtix lill-persuna kkonċernata l-allowance għall-espatrijazzjoni, peress li fit-tilwim ta’ natura pekunjarja, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti Komunitarja fl-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħtiha l‑missjoni li tagħti soluzzjoni sħiħa lill‑kawżi li jitressqu quddiemha, jiġifieri b’mod partikolari li tiddeċiedi fuq id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-membru tal-persunal, ħlief li tirrinvija lill-istituzzjoni inkwistjoni, u taħt il-kontroll tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ tali parti tas-sentenza taħt il-kundizzjonijiet preċiżi li hija tiffissa.

(ara l-punt 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, punt 67

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta persuna li tkun qed titlob sabiex tibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni tkun ħadmet għal diversi aġenziji distinti, id-data li fiha l-perijodu ta’ referenza jiskadi hija dik tad-dħul fil-kariga ta’ din il-persuna mal-aġenzija kkonċernata, kif previst mill-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju li fuq il-bażi tiegħu qed jintalab il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni.

(ara l-punt 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il‑Kummissjoni, C‑211/06 P, punti 38 u 39

3.      Fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza previst fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, b’analoġija mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kull perijodu li matulu l-persuna eżerċitat karigi għal Stat jew għal organizzazzjoni internazzjonali għandhom jiġu nnewtralizzati, u dan ifisser li l-fatt li eżerċitat karigi fis-servizz ta’ Stat jew f’organizzazzjoni internazzjonali ma jċaħħadx il-persuna kkonċernata mid-dritt li tibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni iżda li l-bidu ta’ dekorrenza tal-perijodu ta’ referenza għandu barra minn hekk jiġi kkunsidrat, sabiex jiġi vverifikat li din tal-aħħar verament għaddiet għaxar snin barra mit-territorju Ewropew tal-Istat fejn hija għandha jew kellha n-nazzjonalità mingħajr ma taħdem matul dawn l-għaxar snin fis-servizz ta’ Stat jew f’organizzazzjoni internazzjonali.

L-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludi ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi sostnut li, sabiex jiġi ddeterminat il-bidu ta’ dekorrenza tal-perijodu ta’ skadenza, ma hemmx lok li jiġu nnewtralizzati l-perijodi ta’ attività mwettqa f’isem Stat jew organizzazzjoni internazzjonali.

(ara l-punti 50 u 51)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Settembru 2007, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, F‑108/05, punt 74