Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2019 mill-International Tax Stamp Association Ltd (ITSA) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-16 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża T-396/18, ITSA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-553/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: International Tax Stamp Association Ltd (ITSA) (rappreżentant: F. Scanvic, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża ITSA vs Il-Kummissjoni (T-396/18) u tirrikonoxxi l-locus standi u l-interess ġuridiku tar-rikorrenti;

tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/573 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-elementi ewlenin tal-kuntratti tal-ħżin tad-dejta li għandhom jiġu konklużi bħala parti minn sistema ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk 1 , ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta’ sistema ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk 2 , kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/576 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk 3 .

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra r-Regolament Delegat 2018/573, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/574 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/576. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti f’dik il-kawża kontra dawn it-tliet atti tal-Kummissjoni.

Skont ir-rikorrenti, iż-żewġ regolamenti kkontestati jaffettwawha direttament, kif ukoll il-membri tagħha. Il-kriterji l-oħrajn tal-Artikolu 263 TFUE huma wkoll kollha ssodisfatti. Barra minn hekk, jekk is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata teħtieġ atti ta’ implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri, dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija deċiżjoni li jillimita r-rikors għal terz indipendenti għal wieħed mill-ħames karatteristiċi ta’ sigurtà li għandhom jitpoġġew fuq il-prodotti tat-tabakk. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma hijiex biżżejjed fiha nfisha.

Fil-mertu, ir-rikorrenti targumenta li l-atti kkontestati jiksru l-Artikolu 8 tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk 4 . Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi li l-operazzjonijiet tat-tikkettar tat-tabakk jiġu fdati lill-industrija tat-tabakk filwaqt li t-tliet atti kkontestati tal-Kummissjoni jipproċedu preċiżament b’dan il-mod. Ir-rikorrenti żżid li l-protokoll ippreċitat, għalkemm għadu ma daħalx fis-seħħ, ġie ffirmat u konkluż mill-Unjoni, u jipprojbixxi lill-Unjoni milli tieħu atti kuntrarji għall-imsemmi protokoll.

Iċ-ċirkustanza li d-Direttiva 2014/40/UE 5 ma tipprojbixxix espressament li l-operazzjonijiet inkwistjoni jiġu fdati lill-industrija tat-tabakk ma għandhiex effett: minn naħa, din id-direttiva tista’ u għandha tiġi interpretata b’konformità mal-imsemmi protokoll; min-naħa l-oħra, jekk jitqies li tali interpretazzjoni ma hijiex possibbli, hija d-direttiva nfisha li tkun kuntrarja għall-imsemmi protokoll u, għaldaqstant, għat-trattati Ewropej.

____________

1 ĠU 2018, L 96, p. 1.

2 ĠU 2018, L 96, p. 7, u rettifika ĠU 2018, L 252, p. 47.

3 ĠU 2018, L 96, p. 57.

4 L-Ewwel Protokoll għall-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, adottat f’Seoul fit-12 ta’ Novembru 2012.

5 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, u rettifika ĠU 2015, L 150, p. 24).