Language of document : ECLI:EU:C:2015:31

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2015 (1)

Kawża C‑686/13

X AB

vs

Skatteverket

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta förvaltningsdomstol (l-Isvezja)]

“Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa nazzjonali fuq id-dħul — Libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE — Moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 63(1) TFUE — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali tal-qligħ u tat-telf fil-kuntest tat-trasferiment ta’ sehem — Sehem f’kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor — Waqfien tal-attività tal-kumpannija sussidjarja — Teħid inkunsiderazzjoni, għal finijiet fiskali, ta’ telf kapitali sa fejn ikun ibbażat fuq telf minħabba r-rata tal-kambju”





I –    Introduzzjoni

1.        It-tilwima dwar id-dritt fiskali Svediż li fuqha hija bbażata din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta mill-fatt li, fir-Renju tal-Isvezja, il-qligħ u t-telf mit-trasferiment ta’ ċerti ishma f’kumpanniji ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul. Filwaqt li hija favorevoli għal min ikun qiegħed jagħmel qligħ, din il-leġiżlazzjoni hija żvantaġġuża għal min ikun qiegħed iġarrab telf. Madankollu, sa fejn tali telf ikun ibbażat fuq ir-riskju marbut mar-rata tal-kambju u sa fejn dan ir-riskju jikkonċerna prinċipalment attivitajiet transkonfinali, il-libertajiet fundamentali jistgħu jeżiġu li t-telf jittieħed inkunsiderazzjoni. Dan huwa l-punt li l-qorti nazzjonali hija meħtieġa li tikkjarifika qabel ma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tibda l-proċedura sabiex twaqqaf l-attività tal-kumpannija sussidjarja tagħha li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indirizzat problema simili fil-kuntest tal-kawża Deutsche Shell, li kienet tikkonċerna telf minħabba r-rata tal-kambju fil-kuntest tal-waqfien tal-attività ta’ stabbiliment permanenti barra mill-pajjiż. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kien hemm ksur tal-libertà ta’ stabbiliment (2). Fil-kawża ineżami huwa meħtieġ li jiġi diskuss sa fejn il-konstatazzjoni magħmula fis-sentenza Deutsche Shell tista’ tiġi applikata għal telf minħabba r-rata tal-kambju fil-kuntest tal-waqfien tal-attività ta’ kumpannija sussidjarja.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Ir-Renju tal-Isvezja japplika taxxa fuq id-dħul. Fil-kuntest ta’ din it-taxxa huwa ntaxxat ukoll, bħala prinċipju, id-dħul mit-trasferiment ta’ ishma f’kumpanniji b’kapital azzjonarju.

4.        Madankollu, hija applikata eċċezzjoni fir-rigward ta’ ishma li jkunu miżmuma minn ċerti kumpanniji, b’mod partikolari minn kumpanniji b’kapital azzjonarju, għal finijiet kummerċjali. Skont l-Artikolu 5(1) tal-Kapitolu 25a tal-inkomstskattelag (1999:1229) (Liġi Svediża dwar it-taxxa fuq id-dħul), bħala prinċipju, qligħ li jirriżulta mit-trasferiment ta’ tali sehem ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5(2) tal-imsemmi kapitolu, telf kapitali jista’ jitnaqqas biss fil-każ li qligħ kapitali korrispondenti kien jiġi ntaxxat.

5.        Skont l-Artikolu 14(1) tal-Kapitolu 24 tal-Liġi Svediża dwar it-taxxa fuq id-dħul, sabiex qligħ jew telf kapitali ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali huwa meħtieġ li s-sehem ikun jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet segwenti:

“1.      Is-sehem ma jkunx ikkwotat fuq Borża.

2.      In-numru totali tal-voti marbuta mal-ishma kollha miżmuma mid-detentur tal-ishma fil-kumpannija li fiha jkollu ishma jammonta għal minn tal-inqas 10 % tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma kollha fil-kumpannija.

3.      Is-sehem ikun miżmum għall-finijiet tan-negozju eżerċitat mid-detentur tal-ishma jew minn kumpannija li, fid-dawl ta’ relazzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà jew ta’ organizzazzjoni, tista’ titqies li hija marbuta mill-qrib mad-detentur tal-ishma.”

6.        Dispożizzjonijiet simili japplikaw għal dividendi mħallsa fir-rigward ta’ tali ishma li, bħala prinċipju, huma wkoll eżentati mit-taxxa. In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali tad-dividendi u tal-qligħ kapitali huwa maħsub sabiex jiġi evitat li l-qligħ tal-kumpanniji jiġi ntaxxat iktar minn darba.

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali

7.        It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna talba mill-kumpannija Svediża X AB għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul dovuta minnha.

8.        Fis-sena 2003, X stabbilixxiet kumpannija sussidjarja Brittanika. L-ishma fil-kumpannija kienu maħruġa f’dollari Amerikani. Bejn l-2003 u l-2009, X żiedet diversi drabi l-kapital investit fil-kumpannija sussidjarja tagħha.

9.        Barra minn hekk, wara l-istabbiliment tal-kumpannija sussidjarja, X ittrasferixxiet ishma fil-kumpannija sussidjarja tagħha lill-kumpannija parent tagħha stess, b’tali mod li X attwalment iżżomm biss 45 % mill-ishma.

10.      X qiegħda tippjana — fi stadju li għadu ma ġiex iddeterminat — il-waqfien tal-attività tal-kumpannija sussidjarja Brittanika tagħha, li apparentament il-leġiżlazzjoni Svediża tikkunsidrah bħala t-trasferiment ta’ sehem fil-kumpannija sussidjarja. F’dan il-kuntest, hija qiegħda tistenna li ġġarrab telf minħabba r-rata tal-kambju peress li sadanittant kien hemm bidla fir-rata tal-kambju bejn il-krone Svediż u d-dollaru Amerikan. Skont id-dispożizzjonijiet Svediżi dwar telf kapitali minn ishma miżmuma għal finijiet kummerċjali, X ma tistax tinvoka tali telf għal finijiet fiskali.

11.      F’dan il-kuntest, X ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem l-iSkatterättsnämnden (Kummissjoni Svediża tad-dritt fiskali) sabiex jiġi kkjarifikat jekk ir-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni, għal finijiet fiskali, it-telf minħabba r-rata tal-kambju jikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-Unjoni. Peress li l-iSkatterättsnämnden wieġbet fin-negattiv, X fetħet proċeduri legali.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Fis-27 ta’ Diċembru 2013, il-Högsta förvaltningsdomstol, li quddiemha attwalment tinsab it-tilwima, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti skont l-Artikolu 267 TFUE:

“L-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 63 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-[Istat] ta’ residenza ta’ impriża ma [j]ippermettix lil din tnaqqas telf fil-kambju li huwa parti integrali minn telf kapitali fuq sehem li għandha f’kumpanija residenti fi Stat Membru ieħor, fejn l-Istat Membru ta’ residenza tal-ewwel impriża japplika sistema li taħtha l-qligħ u t-telf kapitali fuq dawn l-ishma [ma humiex] inklużi fil-kalkolu tal-bażi tat-taxxa?”

13.      F’Marzu u f’April 2014 ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Taljana, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika Portugiża, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja, mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

V –    Evalwazzjoni legali

14.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq li jiġi kkjarifikat jekk Stat Membru, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul, jistax jeskludi l-qligħ u t-telf minn trasferiment ta’ ishma f’kumpannija mingħajr ma jikser, b’dan il-mod, il-libertà ta’ stabbiliment jew il-moviment liberu tal-kapital. Il-qorti tar-rinviju tqis li tali ksur huwa possibbli peress li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, lanqas it-telf minħabba r-rata tal-kambju ma jittieħed inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali.

15.      Qabel nindirizza din id-domanda, nixtieq nenfasizza li l-kwistjoni ta’ jekk il-kumpannija X tistax effettivament iġġarrab telf minħabba r-rata tal-kambju kif ukoll il-portata ta’ dan it-telf għandhom jiġu ddeterminati mill-qorti tar-rinviju (3). Mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li t-telf minħabba r-rata tal-kambju diġà mmaterjalizza. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li sehem f’kumpannija jinħareġ f’munita barranija ma jimplikax neċessarjament li ser ikun hemm telf minħabba r-rata tal-kambju mal-waqfien tal-attività ta’ din il-kumpannija. Inkun nista’ nidentifika mingħajr ebda dubju tali possibbiltà biss fil-każ li, mal-waqfien tal-attività tal-kumpannija sussidjarja tagħha, X, bħala l-proprjetarja tal-ishma, ikollha biss dritt li titħallas il-kapital nominali tagħha f’munita barranija. Għall-kuntrarju, jekk f’tali ċirkustanzi X ikollha dritt fir-rigward tal-assi tal-kumpannija sussidjarja, jista’ ma jkunx faċli li wieħed jiddetermina b’mod iżolat it-telf dovut għar-rata tal-kambju, u dan anki meta l-assi jiġu llikwidati f’munita barranija fil-kuntest tal-likwidazzjoni tal-kumpannija. Peress li l-livelli tal-prezzijiet fl-ekonomiji involuti u r-rata tal-kambju tal-munita tagħhom jinfluwenzaw reċiprokament lil xulxin, ser ikun pjuttost diffiċli li wieħed jagħmel distinzjoni bejn bidliet reali fil-valur tal-assi u sempliċi bidliet fir-rati tal-kambju.

16.      Għalhekk, f’dawn il-konklużjonijiet, sabiex nagħti risposta għad-domanda preliminari magħmula, ser nassumi — bħalma għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deutsche Shell (4) — li fil-kawża ineżami jista’ jiġi ddeterminat b’mod iżolat telf minħabba r-rata tal-kambju fil-kuntest tal-waqfien tal-attività tal-kumpannija sussidjarja.

A –    Libertà fundamentali applikabbli

17.      Fl-ewwel lok, tqum il-kwistjoni ta’ jekk leġiżlazzjoni bħal dik Svediża għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikolu 49 TFUE jew fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital taħt l-Artikolu 63(1) TFUE. Bħala prinċipju, peress li l-kawża ineżami tikkonċerna sehem f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, iż-żewġ libertajiet fundamentali jistgħu jkunu kkonċernati.

18.      Għalhekk, għandu jiġi identifikat l-ewwel nett is-suġġett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun intiża li tapplika biss għal ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-azzjonijiet tagħha, tali leġiżlazzjoni tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. Għall-kuntrarju, meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu jikkonċernaw ishma miksuba bl-iskop waħdieni li jsir investiment, mingħajr ma tkun tista’ tiġi eżerċitata influwenza fuq l-amministrazzjoni jew il-kontroll tal-impriża, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital (5).

19.      Skont l-Artikolu 14(1) tal-Kapitolu 24 tal-Liġi Svediża dwar it-taxxa fuq id-dħul, il-leġiżlazzjoni Svediża tapplika, fost oħrajn, għal ishma li ma jkunux ikkwotati fuq Borża, irrispettivament mill-ammont ta’ ishma miżmuma. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni la tapplika biss għal ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u lanqas ma tapplika biss għal ishma li jkunu miksuba bl-iskop waħdieni li jsir investiment.

20.      F’sitwazzjoni bħal din, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ partikolari ineżami sabiex jiġi kkjarifikat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt l-Artikolu 49 TFUE jew taħt l-Artikolu 63(1) TFUE (6). F’dan ir-rigward, il-libertà ta’ stabbiliment hija iktar speċifika peress li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, tikkonċerna biss ishma li jippermettu l-istabbiliment u t-tmexxija ta’ kumpannija.

21.      Fil-kawża ineżami, X kienet inizjalment l-unika proprjetarja tal-ishma fil-kumpannija sussidjarja Brittanika tagħha. Peress li dan kien jinvolvi l-istabbiliment tal-kumpannija sussidjarja, X taqa’ mingħajr ebda dubju fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

22.      Madankollu, il-kawża ineżami tikkonċerna r-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni, għal finijiet fiskali, it-telf minħabba r-rata tal-kambju li jirriżulta mill-waqfien tal-attività tal-kumpannija sussidjarja. F’dan l-istadju, X kienet diġà naqqset is-sehem tagħha fil-kumpannija sussidjarja għal 45 %. Minħabba li X ma żammitx il-maġġoranza tal-ishma, tista’ tqum il-kwistjoni ta’ jekk X, peress li issa ma għadhiex tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija sussidjarja, għadhiex protetta taħt il-libertà ta’ stabbiliment.

23.      Madankollu, inqis li fil-kawża ineżami għandha tiġi applikata bi prijorità l-libertà ta’ stabbiliment. L-ewwel nett, il-prospett ta’ żvantaġġi mal-waqfien tal-attività jista’ diġà jiskoraġġixxi l-istabbiliment ta’ kumpannija sussidjarja, b’tali mod li X tinsab fi kwalunkwe każ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma teżiġix neċessarjament maġġoranza tal-ishma sabiex sitwazzjoni tkun tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. B’hekk, f’kawża partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li sehem ta’ 34 % kien biżżejjed, waħdu, sabiex ikun hemm “influwenza definittiva [determinanti]” (7). F’kawża oħra, fejn kienu involuti ċirkustanzi partikolari, sehem ta’ ftit iktar minn 25 % kien biżżejjed għall-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward (8).

24.      Għaldaqstant, fil-kawża ineżami għandu jiġi evalwat jekk hemmx ksur tal-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikolu 49 TFUE li, minħabba n-natura speċjali tagħha, għandha tingħata prijorità fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital taħt l-Artikolu 63(1) TFUE.

B –    Restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment

25.      B’hekk, tqum il-kwistjoni ta’ jekk ikunx hemm ksur tal-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikolu 49 TFUE meta, għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul dovuta minnhom, kumpanniji partikolari Svediżi ma jkunux jistgħu jinvokaw bħala telf kapitali marbut ma’ ishma partikolari f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor it-telf minħabba r-rata tal-kambju.

26.      Skont l-Artikolu 54 TFUE, anki l-kumpanniji jibbenefikaw mid-dritt għal-libertà ta’ stabbiliment fl-Unjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE tipprojbixxi, b’mod partikolari, restrizzjonijiet fir-rigward tal-istabbiliment u tat-tmexxija ta’ kumpanniji sussidjarji fi Stat Membru ieħor. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-libertà ta’ stabbiliment ma tipprojbixxix biss lill-Istat ospitanti iżda wkoll lill-Istat ta’ oriġini milli jostakolaw l-istabbiliment ta’ kumpannija fi Stat Membru ieħor (9).

27.      B’hekk, l-Isvezja, bħala l-Istat ta’ oriġini, tista’ tostakola lil kumpannija bħalma hija X, li tkun suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul Svediża, fir-rigward tal-istabbiliment jew tat-tmexxija ta’ kumpannija sussidjarja fi Stat Membru ieħor billi tirrifjuta li tirrikonoxxi għal finijiet fiskali telf minħabba r-rata tal-kambju li jirriżulta fil-kuntest tal-waqfien tal-attività tal-kumpannija sussidjarja.

28.      Skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (10). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti ddeċidiet li leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tikkostitwixxi restrizzjoni meta l-istabbiliment li jinsab barra mill-pajjiż ikun żvantaġġat meta mqabbel ma’ dak li jinsab fil-pajjiż (11). B’hekk, ikun hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment min-naħa tal-Istat ta’ oriġini meta l-istabbiliment barra mill-pajjiż ikun iddiskriminat meta mqabbel mal-istabbiliment fil-pajjiż. Dan jista’ jseħħ b’mod manifest (ara l-parti 1) jew b’mod mistur (ara l-parti 2). Barra minn hekk, fil-parti 3, ser jiġi eżaminat jekk, fil-kawża ineżami, jistax ikun hemm ukoll ksur tal-libertà ta’ stabbiliment min-naħa tal-Istat ta’ oriġini permezz ta’ restrizzjoni mhux diskriminatorja.

1.      Diskriminazzjoni manifesta

29.      Fil-kawża ineżami ma jistax jingħad li hemm diskriminazzjoni manifesta fil-konfront tal-istabbiliment li jinsab barra mill-pajjiż. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Svediża, li teskludi għal finijiet fiskali kemm il-qligħ u kemm it-telf mit-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija, tapplika irrispettivament minn jekk ikunux ikkonċernati ishma f’kumpannija nazzjonali jew barranija. Għaldaqstant, bħala prinċipju, ma hemm ebda differenza fit-trattament fiskali ta’ stabbiliment nazzjonali jew barrani fil-forma ta’ kumpannija sussidjarja.

2.      Diskriminazzjoni moħbija

30.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza fit-trattament ma jipprojbixxux biss diskriminazzjoni manifesta bbażata fuq in-nazzjonalità ta’ kumpannija jew fuq il-post fejn tkun stabbilita, iżda jipprojbixxu wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal għall-istess riżultat (12). Id-dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza fit-trattament jinkludu, b’mod partikolari, il-libertajiet fundamentali sa fejn dawn jinkludu l-obbligu ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-konfront taċ-ċittadini nazzjonali, bħalma huwa l-każ fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE.

31.      Madankollu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna biss l-obbligi tal-Istat ospitanti. Fil-fatt, ġeneralment l-Istat ta’ oriġini ma jostakolax libertà fundamentali billi jistabbilixxi regoli differenti fir-rigward ta’ ċittadini differenti, b’mod partikolari billi jipprevedi l-istess regoli għall-persuni kollha li jkunu residenti fih, iżda billi jiddistingwi bejn it-trattament ta’ attivitajiet transkonfinali u t-trattament ta’ attivitajiet nazzjonali. F’dan ir-rigward iżda l-libertajiet fundamentali jeżiġu ugwaljanza fit-trattament ukoll min-naħa tal-Istat ta’ oriġini. Barra minn hekk, l-istess bħalma jagħmlu d-diskriminazzjonijiet min-naħa tal-Istat ospitanti fuq il-bażi tan-nazzjonalità ta’ kumpannija jew fuq il-bażi tal-post fejn tkun stabbilita, forma moħbija ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ attivitajiet transkonfinali min-naħa tal-Istat ta’ oriġini tista’ wkoll tostakola l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali. Għaldaqstant, il-prinċipju ġurisprudenzjali msemmi għandu jiġi applikat ukoll, mutatis mutandis, għall-evalwazzjoni tar-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment min-naħa tal-Istat ta’ oriġini.

32.      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni, għal finijiet fiskali, il-qligħ u t-telf mit-trasferiment ta’ ishma huwiex forma moħbija ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-persuni taxxabbli li jkunu proprjetarji ta’ ishma f’kumpannija li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor meta mqabbla ma’ persuni taxxabbli li jkunu proprjetarji ta’ ishma f’kumpannija nazzjonali.

33.      Skont il-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diskriminazzjoni moħbija fuq il-bażi tan-nazzjonalità (13), tali diskriminazzjoni għandha titqies li hija stabbilita jekk il-leġiżlazzjoni Svediża, fil-parti l-kbira tal-każijiet, tkun ta’ żvantaġġ għall-persuni taxxabbli li jittrasferixxu ishma f’kumpannija li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor.

34.      F’dan ir-rigward hemm żewġ perspettivi. Minn naħa, wieħed jista’ jsostni li l-possibbiltà — li l-konstatazzjoni definittiva tagħha għandha fi kwalunkwe każ issir mill-qorti tar-rinviju (14) — ta’ telf minħabba r-rata tal-kambju hija iktar reali fil-każ ta’ ishma miżmuma f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Madankollu, huwa minnu wkoll li anki l-valur ta’ ishma f’kumpanniji nazzjonali huwa suġġett għal riskju marbut mar-rata tal-kambju, u dan mhux biss meta l-investiment ikun iddenominat f’munita barranija iżda wkoll meta l-kumpannija nazzjonali stess tkun għamlet investimenti ddenominati f’munita barranija. B’dan premess, il-valur ta’ ishma f’kumpannija barranija huwa iktar suxxettibbli li jkun influwenzat mill-valur ta’ munita barranija minħabba li l-probabbiltà li kumpannija barranija tinvesti f’assi ddenominati f’munita barranija hija ikbar milli fil-każ ta’ kumpannija nazzjonali.

35.      Min-naħa l-oħra, tali perspettiva tinjora kompletament il-fatt li l-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni la tieħu inkunsiderazzjoni, għal finijiet fiskali, it-telf mit-trasferiment ta’ ishma u lanqas il-qligħ. Dan ifisser li l-bidliet fir-rata tal-kambju, li jkollhom effett fuq il-valur ta’ sehem, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali, la fil-każ li dawn il-bidliet iwasslu għal telf u lanqas fil-każ li jwasslu għal qligħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jingħad li jkun hemm diskriminazzjoni moħbija fil-konfront ta’ stabbiliment li jkun jinsab barra mill-pajjiż fil-każ biss li l-ishma barranin ikunu ġeneralment iktar suxxettibbli li jġarrbu telf minħabba r-riskju tar-rata tal-kambju meta mqabbla mal-ishma nazzjonali.

36.      Madankollu, fil-fehma tiegħi dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fuq il-bażi tas-sitwazzjoni fattwali fir-Renju tal-Isvezja, jekk f’dan ir-rigward għandux jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Svediża toħloq diskriminazzjoni moħbija fil-konfront tal-istabbiliment barrani. F’dan ir-rigward, fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-karatteristika partikolari li l-ishma ta’ X fil-kumpannija sussidjarja Brittanika tagħha ma kinunx inħarġu fil-munita tal-Istat ospitanti, jiġifieri fil-lira sterlina, iżda f’munita terza, jiġifieri fid-dollaru Amerikan. Madankollu, tali approċċ xorta waħda ma jistax jeskludi l-possibbiltà ta’ diskriminazzjoni moħbija fir-rigward ta’ attività transkonfinali peress li din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta ħafna iktar spiss fil-kuntest ta’ stabbiliment barrani milli fil-kuntest ta’ stabbiliment nazzjonali. Madankollu, minkejja dan, mill-informazzjoni fattwali disponibbli f’din il-kawża, ma jirriżultax li riskju marbut mar-rata tal-kambju jimmaterjalizza ruħu iktar spiss minn riskji oħra marbuta mal-attività ekonomika, li għalihom huma esposti kemm il-kumpanniji nazzjonali u kemm dawk barranin.

37.      Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ma tista’ tiġi kkonstatata ebda diskriminazzjoni fir-rigward ta’ stabbiliment barrani min-naħa tal-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni.

3.      Restrizzjoni mingħajr diskriminazzjoni

38.      B’hekk, fadal li jiġi eżaminat jekk xorta waħda jistax jingħad li hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni Svediża tostakola l-istabbiliment minn X fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tiddiskrimina kontra tali stabbiliment, la b’mod manifest u lanqas b’mod moħbi, meta mqabbel ma’ stabbiliment nazzjonali.

39.      Bħala prinċipju, l-Istat ospitanti jista’ jirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment anki permezz ta’ leġiżlazzjoni li tapplika mingħajr ebda distinzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità ta’ kumpannija jew fuq il-bażi tal-post fejn tkun stabbilita (15). Barra minn hekk, skont ir-regola ġenerali, għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (16).

40.      Madankollu, fil-passat esprimejt diversi drabi d-dubju tiegħi dwar jekk, fil-qasam tad-dritt fiskali, hijiex possibbli restrizzjoni ta’ libertà fundamentali mingħajr diskriminazzjoni (17). L-impożizzjoni ta’ kwalunkwe taxxa tostakola jew tagħmel inqas attraenti attività ekonomika. Madankollu, jekk taxxa tista’ tipprovdi raġuni għal evalwazzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni fuq il-bażi tal-libertajiet fundamentali, anki f’dawk il-każijiet fejn din it-taxxa la tkun diskriminatorja b’mod manifest u lanqas b’mod moħbi u għalhekk tkun imposta b’mod uniformi fuq iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, kwalunkwe deċiżjoni ta’ Stat Membru dwar l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq sitwazzjoni partikolari u kull żieda fit-taxxa jkunu kkaratterizzati mid-dritt tal-Unjoni. Dan iwassal sabiex ma tkunx osservata s-sovranità fiskali tal-Istati Membri li huma jgawdu taħt is-sistema attwali ta’ tqassim ta’ kompetenzi fi ħdan l-Unjoni. Għaldaqstant, taxxa imposta b’mod kompletament ħieles minn diskriminazzjoni ma għandhiex, bħala prinċipju, twassal għal restrizzjoni ta’ libertà fundamentali.

41.      Madankollu, din il-perspettiva tista’ tiddaħħal inkwistjoni permezz tas-sentenza Deutsche Shell, li ġiet diskussa fid-dettall mill-partijiet li pparteċipaw f’din il-proċedura. F’dik is-sentenza, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kien hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment minħabba n-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali telf minħabba r-rata tal-kambju fil-każ li kumpannija tkun stabbilixxiet fergħa fi Stat Membru fejn tkun tintuża munita differenti minn dik tal-Istat ta’ oriġini u fil-każ li t-telf minħabba r-rata tal-kambju li jirriżulta mal-waqfien tal-attività jimmaterjalizza fl-Istat ta’ oriġini. Fil-fatt, f’tali każ il-kumpannija tkun suġġetta għal riskju ekonomiku ikbar (18). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferiet għal ebda diskriminazzjoni relatata ma’ dan.

42.      Madankollu, l-Avukat Ġenerali Sharpston ibbażat il-proposta ta’ deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li fit-tranżazzjonijiet bejn l-istabbiliment prinċipali ta’ kumpannija u l-fergħa tagħha jista’ jkun hemm riskju marbut mar-rata tal-kambju fil-każ biss li din tistabbilixxi l-fergħa tagħha barra mill-pajjiż. Għaldaqstant, kienet identifikata diskriminazzjoni moħbija fil-konfront tas-sitwazzjoni transkonfinali meta mqabbla mas-sitwazzjoni nazzjonali u ma kienet identifikata ebda restrizzjoni li ma kinitx tinvolvi diskriminazzjoni. Fil-kawża ineżami ma tistax tiġi identifikata tali diskriminazzjoni moħbija. B’differenza mill-każ ta’ tranżazzjonijiet bejn partijiet ta’ kumpannija, il-valur ta’ sehem nazzjonali jista’ jkun espost ukoll għal riskju marbut mar-rata tal-kambju (19).

43.      Ħlief għal dan il-punt, il-fatt li fis-sentenza Deutsche Shell isir biss riferiment għal telf minħabba r-rata tal-kambju ma jikkonvinċinix. Jekk il-fatt li tali telf ma jittiħidx inkunsiderazzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, ikollu jiġi kkunsidrat, b’mod simetriku fil-każ li l-Istat Membru jintaxxa l-qligħ minħabba r-rata tal-kambju, li t-taxxa hekk imposta fuq qligħ mir-rata tal-kambju tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni. Ir-riżultat paradossali ta’ dan ikun li Stat Membru jkun qiegħed jirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment kemm jekk jintaxxa u kemm jekk ma jintaxxax tali sitwazzjonijiet fattwali.

44.      Anki jekk wieħed jassumi li fid-dritt fiskali jista’ jkun hemm restrizzjoni ta’ libertà fundamentali anki jekk ma jkunx hemm diskriminazzjoni, fil-kawża ineżami xorta waħda ma jistax jiġi konkluż li hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jkunx hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment min-naħa tal-Istat ospitanti f’dawk il-każijiet fejn leġiżlazzjoni tapplika għall-operaturi ekonomiċi kollha u ma tkunx intiża li tirregola l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u fejn l-effetti restrittivi li jista’ jkollha din il-leġiżlazzjoni jkunu wisq aleatorji u wisq indiretti sabiex ikunu ta’ natura tali li jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment (20). Fl-aħħar mill-aħħar, dak li huwa deċiżiv f’dan ir-rigward huwa jekk leġiżlazzjoni li ma timplika ebda diskriminazzjoni tistax tinfluwenza b’mod serju d-deċiżjoni ta’ operatur ekonomiku fir-rigward ta’ investiment (21). Jekk din il-ġurisprudenza tiġi applikata wkoll għal ostakolu min-naħa tal-Istat ta’ oriġini għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, fil-kawża ineżami xorta waħda ma jistax jingħad li hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment minħabba li t-telf minħabba r-rata tal-kambju ma jittiħidx inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali. Fil-fatt, sa mill-mument li tittieħed id-deċiżjoni fir-rigward ta’ investiment, diġà jkun hemm, minn naħa, il-perspettiva tal-possibbiltà ta’ telf minħabba r-rata tal-kambju, li ma jkunx jista’ jiġi invokat għal finijiet fiskali, u, min-naħa l-oħra, il-perspettiva tal-possibbiltà ta’ qligħ minħabba r-rata tal-kambju, li ma jistax ikun intaxxat. L-effetti restrittivi tal-fatt li t-telf li jista’ jkun hemm mir-rata tal-kambju fil-kuntest ta’ sehem f’kumpannija ma jkunx jista’ jitnaqqas huma, f’dan il-kuntest, wisq aleatorji u wisq indiretti sabiex ikunu jistgħu jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment.

45.      Minn dan isegwi, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

C –    Sussidjarjament: ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment

46.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, għall-kuntrarju tal-opinjoni tiegħi, li fil-kawża ineżami hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment minħabba l-fatt li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni, għal finijiet fiskali, telf minħabba r-rata tal-kambju, ikollu f’dak il-każ jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

47.      Il-partijiet li pparteċipaw fil-proċedura ressqu żewġ raġunijiet f’dan is-sens: iż-żamma tal-koerenza fiskali (ara l-punt 1) u ż-żamma tat-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri (ara l-punt 2).

1.      Koerenza fiskali

48.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa li tinżamm il-koerenza ta’ sistema fiskali nazzjonali tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati (22). L-Istati Membri jistgħu jużaw din ir-raġuni sabiex jevitaw li persuna taxxabbli tibbenefika unilateralment minn vantaġġ fiskali mingħajr fl-istess ħin ma tkun suġġetta għal żvantaġġ fiskali korrispondenti.

 Rabta diretta bejn l-iżvantaġġ u l-vantaġġ

49.      Għaldaqstant, ikun hemm ġustifikazzjoni biss fil-każ li jkun hemm rabta diretta bejn vantaġġ fiskali u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ piż fiskali partikolari (23). Barra minn hekk, in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (24).

50.      Fil-kawża ineżami jista’ jkun hemm tali rabta bejn, minn naħa, il-piż fiskali li jirriżulta mill-fatt li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni telf minħabba r-rata tal-kambju li jirriżulta mit-trasferiment ta’ sehem u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-fatt li lanqas il-qligħ minħabba r-rata tal-kambju ma jittieħed inkunsiderazzjoni.

51.      Fis-sentenza Deutsche Shell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li ma kienx hemm rabta diretta bejn it-teħid inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali ta’ telf minħabba r-rata tal-kambju u dak ta’ qligħ mir-rata tal-kambju. Fil-fatt, il-fatt li t-telf minħabba r-rata tal-kambju mġarrab mill-persuni taxxabbli kkonċernati ma jittiħidx inkunsiderazzjoni ma kien ikkumpensat permezz ta’ ebda vantaġġ fiskali għal dawn tal-aħħar (25).

52.      Madankollu, fis-sentenza iktar reċenti K, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet approċċ differenti f’dan ir-rigward. It-tilwima fil-kawża li wasslet għas-sentenza K kienet tikkonċerna wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali ta’ telf kapitali minn investiment barrani. F’dik il-kawża, iżda, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ telf minn investiment ta’ kapital u l-intaxxar ta’ qligħ miksub minn tali investiment (26). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li kienet l-istess persuna taxxabbli li kienet is-suġġett kemm tal-vantaġġ u kemm tal-iżvantaġġ (27), u dan minkejja li, minħabba li t-tranżazzjoni ta’ trasferiment isseħħ darba biss, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf kapitali mġarrab mill-persuna taxxabbli ma setax jiġi kkumpensat, għal din l-istess persuna taxxabbli, permezz ta’ vantaġġ fiskali ulterjuri.

53.      Dawn id-deċiżjonijiet differenti huma bbażati fuq perspettiva differenti tal-vantaġġ meta kkunsidrat flimkien mal-piż fiskali. Filwaqt li fis-sentenza Deutsche Shell il-vantaġġ kien irrikonoxxut biss fir-rigward tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali ta’ qligħ effettivament miksub mill-persuna taxxabbli, fis-sentenza K il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li kien hemm vantaġġ minħabba li l-persuna taxxabbli ma kellhiex tkun intaxxata fuq il-qligħ tagħha meta dan eventwalment jimmaterjalizza. Fi kliem ieħor, filwaqt li s-sentenza Deutsche Shell teżamina s-sitwazzjoni tal-persuna taxxabbli a posteriori, is-sentenza K teżaminaha a priori. B’hekk, qabel tibda l-investiment tagħha fi Stat Membru, il-persuna taxxabbli tkun tista’ tipprevedi li l-eventwali qligħ li tista’ tikseb ma huwiex ser jiġi ntaxxat. Madankollu, din il-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ tgawdi minn dan il-vantaġġ jekk eventwalment l-investiment tagħha jissarraf f’telf.

54.      Meta jitqiesu l-għanijiet tal-libertajiet fundamentali, il-perspettiva meħuda fis-sentenza K hija preferibbli. Il-libertajiet fundamentali għandhom jiżguraw li operatur ekonomiku fis-suq intern ma jkunx skoraġġut milli jwettaq attivitajiet transkonfinali. Għaldaqstant, sa fejn dak li huwa inkwistjoni huwa t-teħid ta’ deċiżjoni dwar investiment qabel tinbeda l-attività, bħalma huwa l-istabbiliment ta’ sussidjarja fil-kawża ineżami, is-sitwazzjoni f’dan il-mument hija wkoll deċiżiva.

55.      Minn dan isegwi li l-fatt li t-telf minħabba r-rata tal-kambju mġarrab fil-kuntest tat-trasferiment ta’ sehem f’kumpannija barranija ma jittiħidx inkunsiderazzjoni huwa bħala prinċipju ġġustifikat mill-koerenza tas-sistema fiskali Svediża minħabba li lanqas ma huwa ntaxxat qligħ minħabba r-rata tal-kambju

 Proporzjonalità

56.      Madankollu, permezz ta’ leġiżlazzjoni li tħares il-koerenza fiskali, Stat Membru ma għandux imur lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

57.      F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni ta’ jekk ir-Renju tal-Isvezja setax iħares daqstant ieħor il-koerenza tas-sistema fiskali billi jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul tiegħu, kemm it-telf minħabba r-rata tal-kambju u kemm il-qligħ minħabba r-rata tal-kambju li jirriżultaw mit-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija, soluzzjoni li kienet tkun iktar favorevoli għal X.

58.      Fil-fehma tiegħi, iżda, din is-soluzzjoni ma hijiex mezz inqas oneruż sabiex titħares il-koerenza fiskali. Fil-fatt, tali soluzzjoni twassal sabiex persuna taxxabbli li tikseb qligħ minħabba r-rata tal-kambju jkollha tħallas it-taxxa fuqu. Madankollu, dan iwassal għal restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment jekk wieħed jirrikonoxxi li X hija suġġetta għal tali restrizzjoni fil-kawża ineżami.

59.      Barra minn hekk, pożizzjoni differenti twassal sabiex l-Istati Membri ma jkunux liberi sabiex jiddeċiedu liema sitwazzjonijiet fattwali effettivament jintaxxaw. Fil-fehma tiegħi, tali riżultat ikun inkompatibbli mas-sovranità fiskali rrikonoxxuta lill-Istati Membri skont it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni.

60.      B’hekk, fl-eventwalità li fil-kawża ineżami l-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju tal-opinjoni tiegħi, tqis li hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, il-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni tista’ tkun iġġustifikata mill-għan li titħares il-koerenza fiskali.

2.      Tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri

61.      Għall-kuntrarju, ir-raġuni ta’ ġustifikazzjoni mressqa minn uħud mill-partijiet li pparteċipaw fil-proċedura u bbażata fuq iż-żamma tat-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri ma tippermettix li tiġi ġġustifikata eventwali restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

62.      Il-kawża ineżami ma ddaħħalx inkwistjoni t-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, ma hemm ebda dubju li qligħ minn trasferiment ta’ sehem f’kumpannija, li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, jaqa’ taħt il-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Isvezja. F’dan ir-rigward, iżda, ir-Renju tal-Isvezja ma huwiex jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu.

D –    Konklużjoni preliminari

63.      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. Anki jekk wieħed jirrikonoxxi li l-leġiżlazzjoni Svediża tikkostitwixxi restrizzjoni, tali restrizzjoni hija ġġustifikata minħabba l-għan li titħares il-koerenza fiskali.

VI – Konklużjoni

64.      Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari magħmula mill-Högsta förvaltningsdomstol:

L-Artikolu 49 TFUE, li japplika f’każ bħal dak ineżami fil-kawża prinċipali, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-Istat ta’ residenza ta’ kumpannija parent ma jippermettix tnaqqis għal telf minħabba r-rata tal-kambju, li jkun jagħmel parti integrali minn telf kapitali fuq sehem li jkollha għal finijiet kummerċjali f’kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija parent japplika sistema li fil-kuntest tagħha l-qligħ u t-telf kapitali minn tali ishma ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-bażi tat-taxxa.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Sentenza Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129).


3 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punt 25).


4 – Ara s-sentenza Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punt 27).


5 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kronos International (C‑47/12, EU:C:2014:2200, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


6 – Ara s-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑35/11, EU:C:2012:707, punti 93 u 94), Beker und Beker (C-168/11, EU:C:2013:117, punti 27 u 28), Bouanich (C-375/12, EU:C:2014:138, punti 29 u 30) u Kronos International (C‑47/12, EU:C:2014:2200, punti 36 u 37).


7 – Ara s-sentenza SGI (C‑311/08, EU:C:2010:26, punti 34 u 35).


8 – Ara s-sentenza Scheunemann (C‑31/11, EU:C:2012:481, punti 25 sa 30).


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Daily Mail u General Trust (81/87, EU:C:1988:456, punt 16), National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 35) u Nordea Bank Danmark (C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 18).


10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 36 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi AMID (C‑141/99, EU:C:2000:696, punt 27), Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763, punti 32 sa 34), Papillon (C‑418/07, EU:C:2008:659, punti 21 u 22), National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 37), DI VI Finanziaria SAPA di Diego della Valle (C‑380/11, EU:C:2012:552, punti 34 sa 36) u Nordea Bank Danmark (C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 19).


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza vis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 30 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


13 – Ara s-sentenza Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47).


14 – Ara s-sentenza Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 40).


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑299/02, EU:C:2004:620, punt 15), Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u, EU:C:2010:300, punt 53) kif ukoll Venturini (C‑159/12 sa C-161/12, EU:C:2013:791, punt 30).


16 – Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.


17 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża X (C‑498/10, EU:C:2011:870, punt 28) u fil-Kawża Hervis Sport- és Divatkereskedelmi(C‑385/12, EU:C:2013:531, punti 83 u 84).


18 – Sentenza Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punt 30).


19 – Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


20 – Ara s-sentenza Semeraro Casa Uno et (C‑418/93 sa C‑421/93, C‑460/93 sa C‑462/93, C‑464/93, C‑9/94 sa C‑11/94, C‑14/94, C‑15/94, C‑23/94, C‑24/94 u C‑332/94, EU:C:1996:242, punt 32); ara, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza Pelckmans Turnhout (C‑483/12, EU:C:2014:304, punt 24) u, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza DIP et (C‑140/94 sa C‑142/94, EU:C:1995:330, punt 29 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


21 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:323, punti 60 u 61).


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bachmann (C‑204/90, EU:C:1992:35, punt 21), Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 68), u SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punt 33).


23 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Svensson u Gustavsson (C‑484/93, EU:C:1995:379, punt 18), ICI (C‑264/96, EU:C:1998:370, punt 29), Rewe Zentralfinanz (C‑347/04, EU:C:2007:194, punt 62) u SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C-41/13, EU:C:2014:1758, punt 33).


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punt 39), Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, EU:C:2009:709, punt 47) u Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 92).


25 – Sentenza Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punt 40).


26 – Sentenza K (C‑322/11, EU:C:2013:716, punt 69).


27 – Ara s-sentenza K (C‑322/11, EU:C:2013:716, punti 69 u 70).