Language of document : ECLI:EU:F:2009:107

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Settembru 2009

Kawża F-16/08

Joachim Behmer

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċedura ta’ attribuzzjoni tal-punti ta’ mertu fil-Parlament Ewropew – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Motivazzjoni mogħtija matul il-kawża”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. Behmer jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-4 ta’ Ġunju 2007, dwar l-attribuzzjoni ta’ żewġ punti ta’ mertu għas-sena 2004 u tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2007 dwar l-attribuzzjoni ta’ żewġ punti ta’ mertu għas-sena 2006.

Deċiżjoni: Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Parlament, tal-4 ta’ Ġunju 2007, dwar l-attribuzzjoni ta’ żewġ punti ta’ mertu għas-sena 2004 lir-rikorrent. Id-deċiżjoni tal-Parlament, tas-26 ta’ Ġunju 2007, dwar l-attribuzzjoni ta’ żewġ punti ta’ mertu għas-sena 2006 lir-rikorrent hija annullata. Il-Parlament huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs dawk sostnuti mir-rikorrent. Ir-rikorrent huwa kkundannat ibati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Uffiċjali – Promozzjoni – Ilment ta’ kandidat magħmul kontra deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tal-punti ta’ mertu

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 u Artikoli 43 u 90(2))

Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra dwar attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu li fiha l-motivazzjoni tagħha tingħata biss waqt iċ-ċaħda espliċita tal-ilment magħmul mid-destinatarju, intervenjent wara l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u wara l-introduzzjoni, mill-parti kkonċernata, ta’ rikors ippreżenat kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-amministrazzjoni.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minn argument li jgħid li ma kienx neċessarju li d-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ punti tkun motivata, peress li din saret f’kuntest magħruf mid-destinatarju, li għalhekk kellu f’idejh stqarrija ta’ motivazzjonijiet. Fil-fatt l-annwalità tal-proċedura ta’ attribuzzjoni tal-punti ta’ mertu tippreżupponi li l-amministrazzjoni tadotta kull sena deċiżjoni ġdida ta’ attribuzzjoni tal-punti ta’ mertu, li għandha tkun ibbażata unikament fuq ir-rendiment tal-uffiċjal ikkonċernat matul il-perijodu ta’ riferiment. Minbarra dan, iċ-ċirkustanza li l-kontenut tal-ilment magħmul mill-parti kkonċernata juri li din kienet fehmet is-sistema ta’ evalwazzjoni ma jfissirx li hija setgħet issir taf bir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ punti.

Tali nuqqas ta’ motivazzjoni lanqas ma huwa kkontestat minn ġurisprudenza li tipprovdi, fir-rigward ta’ problema ta’ dewmien fil-komunikazzjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li barra minn hekk hija fondata sew, li ma hemmx lok li d-deċiżjoni tiġi annullata peress li, fil-każ ta’ annullament, l-amministrazzjoni tista’ biss tadotta deċiżjoni ġdida li l-motivazzjoni tagħha tkun identika u r-rikorrent ma jistax għalhekk jieħu xi benefiċċju minnha. Fil-fatt, sakemm rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-amministazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li, wara l-kanċellament retroattiv ta’ din id-deċiżjoni, mill-annullament tagħha, u mill-eżami mill-ġdid sussegwenti, tiġi adottata deċiżjoni differenti fir-rigward tiegħu.

(ara l-punti 25, 29 sa 34)

Referenza: 

Il‑Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22 ; 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punt 15; 23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, Ġabra.p. I‑8691, punt 50

 Il‑Qorti Ġenerali: 12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il‑Parlament, T‑52/90, Ġabra p. II‑121, punti 40 u 41; 26 ta’ Jannar 2000, Gouloussis vs Il‑Kummissjoni, T‑86/98, ĠabraSP p. I‑A‑5 u II‑23; 20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il‑Kummissjoni, T‑117/01, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑121, punt‑32 ; 6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punt 109; 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 31 u l-ġurisprudenza ċcitata

 It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il‑Parlament, F‑81/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 28