Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Settembru 2007 - Kerstens vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-102/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Petrus J. F. Kerstens (Overijse, il-Belġju) (rappreżentant: MC. Mourato, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tat-23 ta' Novembru 2005 ta' l-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra (l-Awtorità tal-Ħatra) li tagħti lir-rikorrent 3 punti ta' prijorità tad-Direttorat Ġenerali (PMO) (PPDĠ) skond il-proċedura ta' promozzjoni 2004 kif ippubblikata mill-Informazzjoni Amministrattiva 85/2005 tat-23 ta' Novembru 2005;

tannulla d-deċiżjoni tat-23 ta' Novembru 2005 ta' l-Awtorità tal-Ħatra li tagħti lir-rikorrent 0 punti ta' prijorità tad-Direttorat Ġenerali (PMO) (PPDĠ) skond il-proċedura ta' promozzjoni 2005 kif ippubblikata mill-Informazzjoni Amministrattiva 85/2005 tat-23 ta' Novembru 2005;

tannulla d-deċiżjoni tas-17 ta' Novembru 2006 ta' l-Awtorità tal-Ħatra li tagħti lir-rikorrent 0 PPDĠ skond il-proċedura ta' promozzjoni 2006 kif ippubblikata mill-Informazzjoni Amministrattiva 55/2006;

tannulla d-deċiżjoni tas-17 ta' Novembru 2006 ta' l-Awtorità tal-Ħatra li tagħti lir-rikorrent 0 punti ta' prijorità fl-interess ta' l-Istituzzjoni (PPII) skond il-proċedura ta' promozzjoni 2006 kif ippubblikata mill-Informazzjoni Amministrattiva 55/2006;

tannulla d-deċiżjoni espliċita tal-15 ta' Ġunju 2007 ta' l-Awtorità tal-Ħatra li ma tilqax l-ilmenti tar-rikorrent R/142/07 u R/183/07 tas-16 u tat-22 ta' Frar 2007, rispettivament;

tieħu att li r-rikorrent jirriżerva, f'dan il-kuntest, id-dritt li jinvoka l-eżistenza ta' abbuż ta' poter, il-ksur tar-regoli ta' proċeduri dixxiplinari kif ukoll li jitlob ħlas ta' kumpens mingħand il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, uffiċjal fil-grad A*12, jinvoka ħames motivi, l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' eżawriment tal-kwota ta' punti ta' prijorità li jirriżulta mill-Artikolu 5 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni ta' l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal (DĠE 45) u fuq żball manifest ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' punti ta' prijorità mogħtija mid-Direttorat Ġenerali (PPDĠ) skond il-proċedura ta' promozzjoni 2004.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikoli 4 sa 6 tad-DĠE 45 u fuq żball manifest ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-għoti tal-PPDĠ 2005 u 2006.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 9 tad-DĠE 45 u fuq żball manifest ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' punti ta' prijorità li jirrikonoxxu x-xogħol mwettaq fl-interess ta' l-Istituzzjoni (PPII). Sussidjarjament, it-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' non-retroattività u ta' ċertezza legali.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali f'dak li jirrigwarda l-għoti tal-PPDĠ 2004, 2005 u 2006 u tal-PPII 2006.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda l-għoti tal-PPDĠ 2004, 2005 u 2006.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jirriżerva d-dritt li jinvoka l-eżistenza ta' abbuż ta' poter u l-ksur tar-regoli ta' proċeduri dixxiplinari kif ukoll li jitlob ħlas ta' kumpens mingħand il-Kummissjoni.

____________