Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Lulju 2020 – QY vs Bank 11 für Privatkunden und Handel GmbH

(Kawża C-336/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Ravensburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: QY

Konvenuta: Bank 11 für Privatkunden und Handel GmbH

Domandi preliminari

Dwar il-preżunzjoni tal-legalità, skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tat-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (l-Att Introduttorju għall-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”):

It-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB, huma inkompatibbli mal-Artikolu 10(2)(p) u mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 , sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fl-affermattiv:

Mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 10(2)(p) u mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, jirriżulta li t-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB huma inapplikabbli sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (b) tal-ewwel domanda ma tkunx fl-affermattiv:

Dwar l-indikazzjonijiet obbligatorji konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48:

L-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, flimkien mat-tip ta’ self, għandu jiġi indikat, fejn xieraq, li huwa kuntratt ta’ kreditu konness?

Fin-negattiv:

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli fiż-żmien meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu jew, għallinqas, ir-rata tal-interessi ta’ riferiment (f’dan il-każ ir-rata ta’ bażi tal-interessi konformement mal-Artikolu 247 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), li minnha jirriżulta li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli hija ddeterminata biż-żieda (f’dan il-każ ta’ ħames punti perċentwali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB), għandha tkun indikata bħala numru assolut?

Fin-negattiv:

L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-test tal-ftehim ta’ kreditu għandu jindika r-rekwiżiti formali essenzjali għal aċċess għall-proċeduri extraġudizzjarji ta’ ilment u ta’ riżarċiment?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-wieħed mill-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ġiet ipprovduta b’mod komplet u korrett, irrispettivament minn jekk l-assenza jew l-ineżattezza ta’ informazzjoni humiex ta’ natura tali li jaffettwaw il-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tal-obbligi tiegħu?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda u/jew għal wieħed mill-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

3.    Dwar id-dekadenza tad-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

Id-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa suġġett għal dekadenza?

Fl-affermattiv:

Id-dekadenza hija limitazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-irtirar li għandha tiġi rregolata permezz ta’ liġi adottata mill-Parlament?

Fin-negattiv:

L-eċċezzjoni ta’ dekadenza tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu?

Fin-negattiv:

Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-applikazzjoni bona fide tar-regoli ta’ dekadenza?

Fin-negattiv:

Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Grundgesetz (il-Liġi Bażika) u, fl-affermattiv, kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Irrispettivament mir-risposti għall-ewwel sat-tielet domanda iktar ’il fuq:

4.    Dwar id-dritt ta’ imħallef uniku li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE:

Il-punt 1 tal-Artikolu 348a(2) taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), sa fejn dan jirrigwarda wkoll il-ħruġ ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, huwa inkompatibbli mas-setgħa tal-qrati nazzjonali li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u għalhekk ma huwiex applikabbli għall-ħruġ ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju?

____________

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.