Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Mejju 2020 – Eurowings GmbH vs Flightright GmbH

(Kawża C-196/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Eurowings GmbH

Konvenuta: Flightright GmbH

Domandi preliminari

Passiġġier ikollu “riżervazzjoni kkonfermata” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 1 meta jkun irċieva minn operatur tat-tour, li jkun marbut kuntrattwalment miegħu, “prova oħra” fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, li jkun fiha wiegħda dwar titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, mingħajr ma l-operatur tat-tour ma jkun għamel fil-fatt riżervazzjoni għal din it-titjira mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u mingħajr ma jkun irċieva konferma mingħand dan tal-aħħar?

Sabiex trasportatur tal-ajru jitqies li huwa “trasportatur tal-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004 fil-konfront ta’ passiġġier, huwa biżżejjed li dan il-passiġġier ikun marbut kuntrattwalment ma’ operatur tat-tour, li jkun wiegħed li jittrasporta lill-passiġġier fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, f’sitwazzjoni fejn l-operatur tat-tour ma jkunx għamel riżervazzjoni għall-passiġġier u għalhekk ma jkunx stabbilixxa relazzjoni kuntrattwali mat-trasportatur tal-ajru fir-rigward ta’ din it-titjira?

Il-“ħin oriġinali tal-wasla” ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(h), tal-Artikolu 5(1)(ċ), tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jista’ jirriżulta, għall-finijiet tal-kumpens minħabba kanċellazzjoni jew dewmien twil, minn “prova oħra” li tkun ġiet ikkomunikata minn operatur tat-tour lil passiġġier jew f’dan ir-rigward għandu jitqies bħala ġustifikazzjoni l-biljett, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ dan ir-regolament?

____________

1     Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).