Language of document : ECLI:EU:F:2016:10

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

5 ta’ Frar 2016

Kawża F‑96/14

Hilde Bulté u Tom Krempa

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Aventi każwa ta’ ex uffiċjal li miet – Pensjonijiet – Pensjonijiet tas-superstiti – Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Irregolarità tal-ħlas – Irregolarità manifesta tal-ħlas – Assenza”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu H. Bulté u T. Krempa jitolbu, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-22 ta’ Novembru 2013, li temenda retroattivament mill-1 ta’ Awwissu 2010, il-pensjonijiet li jibbenefikaw minnhom fil-kwalità tagħhom ta’ aventi kawża ta’ ex uffiċjal li miet u li tordna l-irkupru tas-somom eċċessivi li tħallsu indebitament lilhom minn din id-data.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-22 ta’ Novembru 2013, kif tirriżulta mill-opinjoni tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” tal-istess jum, li temenda, retroattivament mill-1 ta’ Awwissu 2010, il-pensjonijiet mogħtija lil H. Bulté u lil T. Krempa rispettivament, fil-kwalità tagħhom ta’ aventi kawża ta’ ex uffiċjal li miet, u li tordna l-irkupru tas-somom eċċessivi li tħallsu indebitament lilhom matul il-perijodu mill-1 ta’ Awwissu 2010 sa’ Novembru 2013, hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tirrimborsa lil H. Bulte u lil T. Krempa is-somom li ttieħdu mill-pensjoni rispettiva tagħhom, skont id-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet – Irregolarità manifesta tal-ħlas – Kriterji

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, sabiex somma li tħallset indebitament tkun tista’ tiġi rkuprata, huwa neċessarju li tiġi ppreżentata prova li l-benefiċjarju effettivament kellu konoxxenza tan-natura irregolari tal-ħlas jew li l-irregolarità kienet tant evidenti li l-benefiċjarju ma setax ma jkollux konoxxenza tagħha.

L-espressjoni “[tant] evidenti”, li tikkaratterizza l-irregolarità tal-ħlas fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tfissirx li l-benefiċjarju tal-ħlas indebitu ma għandu jagħmel ebda sforz ta’ riflessjoni jew ta’ kontroll, iżda li r-rimbors huwa dovut fil-każ ta’ żball li ma jaħrabx lil uffiċjal normalment diliġenti. Fil-fatt, l-istess bħalma uffiċjal għandu interess personali li jivverifika l-ħlasijiet li jirċievi kull xahar, il-benefiċjarju ta’ pensjoni tas-superstiti għandu wkoll jaqdi dover ta’ diliġenza u huwa meqjus li għandu konoxxenza tar-regoli dwar il-benefiċċji finanzjarji li għandu dritt għalihom.

Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-persuna kkonċernata tkun tista’, fl-eżerċizzju tad-dover ta’ diliġenza tagħha, tiddetermina bi preċiżjoni l-portata tal-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li din ikollha dubji dwar il-fondatezza tal-ħlasijiet inkwistjoni sabiex tkun obbligata tikkuntattja l-amministrazzjoni sabiex din twettaq il-verifiki neċessarji.

Id-dritt tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, rikonoxxut fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirkupraw somom imħallsa indebitament għandu jiġi pparagunat mal-obbligi tagħhom li jiżguraw id-dritt tal-individwi għal amministrazzjoni tajba. Dan id-dritt, li huwa minqux fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jippresupponi dover ta’ diliġenza li jobbliga lill-istituzzjoni kompetenti teżamina u tqis bir-reqqa u b’attenzjoni l-fajls li jirrigwardaw id-drittijiet pekunjarji tal-individwi, fosthom il-pensjonijiet tas-superstiti.

(ara l-punti 46, 48, 50 u 51)

Referenza :

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-11 ta’ Lulju 1979, Broe vs Il-Kummissjoni, 252/78, EU:C:1979:186, punt 13

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il-Kummissjoni, T‑205/01, EU:T:2002:269, punt 46, u tad-29 ta’ Settembru 2005, Thommes vs Il-Kummissjoni, T‑195/03, EU:T:2005:344, punt 124

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku : sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il-Kummissjoni, F‑18/08, EU:F:2008:110, punti 29 u 31, u tal-21 ta’ Novembru 2013, Roulet vs Il-Kummissjoni, F‑72/12 u F‑10/13, EU:F:2013:184, punti 46, 48 u 50