Language of document : ECLI:EU:F:2008:127

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Mejju 2011

Kawża F-74/07 RENV

Stefan Meierhofer

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Reklutaġġ – Kompetizzjoni ġenerali – Kandidat li ma għaddiex mill-eżami orali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Regoli li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Meierhofer jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007 tal-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjoni EPSO/AD/26/05, li tinformah li ma għaddiex mill-eżami orali tal-imsemmija kompetizzjoni, kif ukoll tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 li ma tilqax it-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid imressqa kontra d-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007, u min-naħa l-oħra, evalwazzjoni ġdida ta’ dan l-eżami u l-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ riżerva.

Deċiżjoni:      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tar-rikorrent sa fejn huwa jikkontesta l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud, parzjalment bħala manifestament infondat u, parzjalment bħala manisfestament inammissibbli. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent fir-rigward tal-ewwel proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll l-ispejjeż tiegħu relatati mal-ewwel proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u ma’ dawn il-proċeduri. Ir-rikorrent għandu jbati terz tal-ispejjeż tiegħu relatati mal-ewwel proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll l-ispejjeż kollha tiegħu relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u ma’ dawn il-proċeduri.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Termini– Ftuħ mill-ġdid – Kundizzjoni – Fatt ġdid – Sentenza li tikkonstata l-ksur tar-Regolament tal-Persunal permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ portata ġenerali – Assenza ta’ fatt ġdid fir-rigward tal-persuni li ma użawx id-dritt tagħhom li titressaq kawża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni–Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa – Obbligu ta’ motivazzjoni – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Regolarizzazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25; Anness XIII, Artikolu 6)

3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Kompożizzjoni – Kwalifiki tal-membri sabiex jevalwaw oġġettivament l-eżamijiet orali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

4.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Eżami tal-kandidaturi– Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

1.      L-effetti ġuridiċi ta’ sentenza li tirrigwarda annullament ta’ att ta’ istituzzjoni jikkonċernaw biss il-partijiet fit-tilwima u l-persuni direttament ikkonċernati mill-att annullat. Huwa fir-rigward ta’ dawn il-persuni biss li sentenza tista’ tikkostitwixxi fatt ġdid u tista’ terġa’ tibda tiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dan l-att. Huwa wkoll stabbilit li l-konstatazzjoni permezz ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni li deċiżjoni amministrattiva ta’ portata ġenerali tikser ir-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tikkostitwixxi, fir-rigward ta’ persuni li naqsu milli jużaw f’ħin xieraq il-possibbiltajiet sabiex tinfetaħ kawża li huma offerti lilhom, fatt ġdid li jiġġustifika t-tressiq ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonċernawhom. Tali sentenza ma tannullax id-deċiżjoni amministrattiva ta’ portata ġenerali iżda tiddikjara biss inapplikabbli wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha f’każ speċifiku. Dawn il-prinċipji jistgħu japplikaw b’mod analogu, fil-każ ta’ tressiq, wara l-iskadenza tat-terminu, ta’ motiv ġdid waqt istanza, meta sentenza tannulla biss id-deċiżjonijiet ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tal-ismijiet tar-rikorrenti fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni mingħajr madankollu ma tannulla l-imsemmija kompetizzjoni.

(ara l-punti 39 sa 41)


Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Diċembru 1965, Pfloeschner vs Il‑Kummissjoni, 52/64; 8 ta’ Marzu 1988, Brown vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 125/87, punt 13; 14 ta’ Ġunju 1988, Muysers u Tülp vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 161/87, punt 1; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Lulju 1997, Chauvin vs Il‑Kummissjoni, T‑16/97, punti 39 sa 45; 9 ta’ Frar 2000, Gómez de la Cruz Talegón vs Il‑Kummissjoni, T‑165/97, punt 51; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Ġunju 2009, Ketselidou vs Il‑Kummissjoni, F‑81/08, punti 46 u 47

2.      Fir-rigward ta’ rikors ta’ kandidat f’kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet li ma għaddiex mill-eżami orali u ma tniżżilx fil-lista ta’ riżerva, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta bidu ta’ motivazzjoni tkun diġà ġiet ipprovduta qabel il-preżentata ta’ rikors u din tal-aħħar tkun ipproduċiet, matul l-istanza, il-marki intermedjarji miksuba mir-rikorrenti waqt l-eżami orali li jikkostitwixxu l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

(ara l-punt 47)

3.      Bord tal-Ġħażla, sabiex jiġi kkostitwit skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u b’mod partikolari tal-Artikolu 3 tal-Anness III tiegħu, għandu jkun kompost b’mod li jiggarantixxi evalwazzjoni oġġettiva tal-prestazzjoni tal-kandidati fl-eżamijiet fir-rigward tal-kwalitajiet professjonali tagħhom. Ir-rekwiżit ta’ konoxxenza, mill-membri tal-Bord tal-Għażla, tal-lingwa li fiha l-kandidati huma mitluba jagħmlu eżami orali jvarja skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kompetizzjoni, skont l-importanza li għandha l-konoxxenza fil-fond tal-imsemmija lingwa fil-pożizzjoni li għandha timtela u skont l-għan tal-eżami orali kkonċernat. Fir-rigward, pereżempju, ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata sabiex jiġu rreklutati amministratturi fil-qasam b’mod partikolari tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea, li fiha l-eżami orali ma għandux l-għan li jiġu eżaminati l-konoxxenzi lingwistiċi tal-kandidat fil-lingwa prinċipali tiegħu iżda pjuttost li tiġi eżaminata l-kapaċità tiegħu li jikkomunika f’din il-lingwa f’ambjent multikulturali, waqt l-eżami orali, il-Bord tal-Għażla ma għandux neċessarjament jinkludi membru jew assessur bl-istess lingwa prinċipali bħall-kandidati, peress li interpreti jistgħu perfettament jintużaw sabiex isolvu l-eventwali problemi ta’ komprensjoni.

Barra minn hekk, is-sempliċi dikjarazzjoni li l-President tal-Bord tal-Għażla ma kienx jaf il-lingwa prinċipali tal-kandidat u li huwa ma rrikorriex għall-użu ta’ interpreti waqt l-eżami orali ma hijiex biżżejjed sabiex il-kompożizzjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni titqies illegali, jekk ir-rikorrent ma jistabbilixxix li l-Bord tal-Għażla ma kienx f’pożizzjoni li jevalwa oġġettivament, minħabba raġunijiet lingwistiċi, il-kwalitajiet professjonali tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li l-President tal-Bord tal-Għażla ma kienx jaf din il-lingwa, anki jekk jiġi pprovat, ma qiegħedx lir-rikorrent f’pożizzjoni żvantaġġuża meta mqabbel ma’ kandidati oħrajn li, bħalu, kienu għażlu din il-lingwa u sabu ruħhom għaldaqstant fl-istess sitwazzjoni ffaċċjati bin-nuqqas issuspettat ta’ konoxxenza tal-lingwa inkwistjoni.

(ara l-punti 51, 52, 54 sa 57)


Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑32/89 u T‑39/89, punt 37; 27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/89, punt 105; 20 ta’ Mejju 2003, Diehl Leistner vs Il‑Kummissjoni, T‑80/01, punti 28 sa 31

4.      Meta jkun adit bil-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ inklużjoni ta’ kandidat fil-lista ta’ riżerva, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jivverifika l-osservanza tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, jiġifieri d-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari ta’ proċedura, iddefiniti mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż ta’ kompetizzjoni, u dawk li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari d-dmir ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla u l-osservanza minnu tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati, kif ukoll in-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jivverifika wkoll jekk il-kontenut ta’ eżami joħroġx mill-kuntest indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni jew jikkorrispondix mal-għanijiet ta’ dan l-eżami tal-kompetizzjoni. F’ċerti każijiet, fejn il-Bord tal-Għażla ma għandux marġni diskrezzjonali, l-istħarriġ tat-Tribunal jista’ jkopri wkoll l-eżattezza tal-fatti li fuqhom il-Bord tal-Għażla bbaża ruħu sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet li jagħmel il-Bord tal-Għażla meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati huma eżenti mill-istħarriġ tal-qorti. Barra minn hekk, l-eżamijiet orali huma dawk li għalihom il-Bord tal-Għażla għandu l-marġni ta’ diskrezzjoni l-iktar wiesgħa. Dan ma japplikax bl-istess mod għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ tal-konkordanza bejn il-marka mogħtija u l-evalwazzjonijiet bil-miktub tal-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, din il-konkordanza, li tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati, hija waħda mir-regoli li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla u li l-qorti għandha tivverifika jekk ikunux ġew osservati. Il-konkordanza bejn il-marka mogħtija lill-kandidat u l-evalwazzjoni bil-miktub tal-Bord tal-Għażla tista’ tifforma parti mill-istħarriġ tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-evalwazzjoni mill-Bord tal-Għażla tal-prestazzjonijiet tal-kandidat.

(ara l-punti 62 sa 64)


Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Ottubru 1974, Campogrande et vs Il‑Kummissjoni, 112/73, 144/73 u 145/73, punti 34 sa 53; 8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, punt 22; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Mejju 1996, Kaps vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑153/95, punt 37; 11 ta’ Frar 1999, Jiménez vs UASI, T‑200/97, punti 43 sa 57; 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni, T‑53/00, punti 91, 93 u 94; 5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il‑Parlament, T‑24/01, punti 47 sa 52; 26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il‑Kummissjoni, T‑267/03, punt 42; 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, punti 277 u 278; Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il‑Kummissjoni, F‑127/07, punt 33; 5 ta’ Mejju 2010, Schopphoven vs Il‑Kummissjoni, F‑48/09, punt 26