Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fil-15 ta’ Novembru 2019 – CS, Finanzamt Graz-Stadt

(Kawża C-844/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: CS, Finanzamt Graz-Stadt

Partijiet oħra fil-proċedura: Finanzamt Judenburg Liezen, technoRent International GmbH

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni jinvolvi leġiżlazzjoni direttament applikabbli li tagħti lil persuna taxxabbli li ma tkunx irċeviet mill-Uffiċċju tat-Taxxa, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ir-rimbors fi żmien xieraq ta’ kreditu ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, dritt għal interessi moratorji li hija tista’ tinvoka quddiem l-Uffiċċju tat-Taxxa jew quddiem qrati amministrattivi, minkejja li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix tali leġiżlazzjoni fil-qasam tal-interessi?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari:

Huwa wkoll ammissibbli, fil-każ ta’ dejn ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tal-persuna taxxabbli, li jirriżulta minn tnaqqis fil-prezz a posteriori taħt l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , li l-interessi fuq dan id-dejn jibdew jiddekorru biss mal-iskadenza ta’ perijodu raġonevoli li l-Uffiċċju tat-Taxxa għandu sabiex jivverifika r-regolarità tad-dritt invokat mill-persuna taxxabbli?

Il-fatt li d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru ma jinkludix leġiżlazzjoni fil-qasam tal-interessi fir-rigward tal-inklużjoni tardiva ta’ krediti ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ifisser li l-qrati nazzjonali, waqt il-kalkolu tal-interessi, għandhom japplikaw il-konsegwenza legali imposta permezz tat-tieni subaparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/[KE], għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor 2 , minkejja li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

2     ĠU 2008, L 44, p. 23.