Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fit-3 ta’ Marzu 2020 – bpost SA vs Autorité belge de la concurrence

(Kawża C-117/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: bpost SA

Konvenuta: Autorité belge de la concurrence

Intervenjenti: Publimail SA, Il-Kummissjoni Ewropea

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtorità amministrattiva kompetenti ta’ Stat Membru milli timponi multa għal ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn l-istess persuna ġuridika tkun diġà ġiet meħlusa definittivament minn multa amministrattiva imposta fuqha mir-regolatur postali nazzjonali minħabba allegat ksur tal-leġiżlazzjoni postali, fid-dawl tal-istess fatti jew ta’ fatti simili, sa fejn il-kriterju tal-unità tal-interess legali protett ma jkunx issodisfatt minħabba li l-kawża preżenti tirrigwarda żewġ ċirkustanzi ta’ ksur differenti ta’ żewġ leġiżlazzjonijiet differenti li jidħlu f’żewġ oqsma legali separati?

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtorità amministrattiva kompetenti ta’ Stat Membru milli timponi multa għal ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn l-istess persuna ġuridika tkun diġà ġiet meħlusa definittivament minn multa amministrattiva imposta fuqha mir-regolatur postali nazzjonali minħabba allegat ksur tal-leġiżlazzjoni postali, fid-dawl tal-istess fatti jew ta’ fatti simili, għar-raġuni li limitazzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem hija ġġustifikata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni tfittex għan kumplementari ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-ħarsien u ż-żamma ta’ sistema mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, u ma teċċedix dak li huwa xieraq u neċessarju bil-għan li jintlaħaq l-għan imfittex leġittimament minn din il-leġiżlazzjoni; u/jew bil-għan li jiġi protett id-dritt u l-libertà ta’ impriża ta’ dawn l-operaturi l-oħra abbażi tal-Artikolu 16 tal-Karta?

____________