Language of document : ECLI:EU:F:2014:264

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEW

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2014

Kawża F‑31/14

Philippe Colart et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Rappreżentanza tal-persunal – Kumitat tal-Persunal – Elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal – Regoli dwar ir-rappreżentanza tal-persunal fil-Parlament Ewropew – Kompetenza tal-bord tal-iskrutinaturi – Proċedura dwar it-tressiq ta’ lment quddiem il-bord tal-iskrutinaturi – Pubblikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet – Ilment imressaq quddiem il-bord tal-iskrutinaturi – Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Nuqqas ta’ lment imressaq qabel quddiem l-Awtorità tal-Ħatra – Kawża mressqa direttament quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Inammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu P. Colart u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu fl-Anness jitolbu l-annullament tar-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament Ewropew, kif ippubblikati u kkomunikati mill-bord tal-iskrutinaturi fit-28 ta’ Novembru 2013 u kkonfermati mill-imsemmi bord wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħhom.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. P. Colart u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu fl-Anness għandhom ibatu nofs l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat iħallas nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Kumitat tal-Persunal – Elezzjonijiet – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Limiti

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rappreżentanza – Kumitat tal-Persunal – Elezzjonijiet – Regolarità – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw ir-regolarità ta’ elezzjonijiet – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 9(2), 90 u 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra intiża li tiżgura r-regolarità ta’ elezzjonijiet u tal-kompożizzjoni sussegwenti tal-korpi rappreżentattivi tal-persunal tal-istituzzjoni – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali – Kumitat tal-Persunal – Elezzjonijiet – Deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi – Rikors ippreżentat kontra l-istituzzjoni kkonċernata fl-assenza ta’ proċedura prekontenzjuża skont ir-Regolamenti tal-Persunal – Inammissibbiltà

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2), u Anness II, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1)

5.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Responsabbiltà – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità – Kundanna parzjali tal-parti li tirbaħ għall-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 101 u 102(2))

1.      Fil-qasam tal-kawżi elettorali li jikkonċernaw b’mod partikolari l-Kumitati tal-Persunal, il-qorti tal-Unjoni għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi l-kwistjoni, abbażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal, stabbiliti skont l-Artikolu 270 TFUE. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju jiġi eżerċitat fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati kontra l-istituzzjoni kkonċernata u li għandhom bħala suġġett l-atti jew l-ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-kontroll amministrattiv li hija għandha tiżgura f’dan il-qasam.

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ atti li jikkawżaw preġudizzju u li joriġinaw mill-Awtorità tal-Ħatra. B’mod partikolari, fil-qasam tal-kawżi elettorali fir-rigward tan-nomina tal-membri tal-Kumitati tal-Persunal, l-atti adottati minn korp, stabbilit jew le mir-Regolamenti tal-Persunal u li ma jkunx ingħata delega tas-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra, bħal Kumitat tal-Persunal, uffiċċju elettorali jew bord tal-iskrutinaturi, ma humiex, bħala prinċipju, atti li joriġinaw strettament minn din l-awtorità u jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors awtonomu quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Fil-fatt, huwa eventwalment biss b’mod inċidentali, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti jew ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiżgura r-regolarità tal-elezzjonijiet, li l-qorti tal-Unjoni jista’ jkollha, minħabba l-koeżjoni ta’ atti suċċessivi li jikkostitwixxu l-elezzjonijiet u minħabba l-proċedura kumplessa li fihom huma jintervjenu, teżamina jekk l-atti adottati minn bord tal-iskrutinaturi, li huma marbuta strettament mad-deċiżjoni kkontestata tal-imsemmija awtorità, humiex ivvizzjati b’illegalità. Tali stħarriġ ġudizzjarju jippresupponi madankollu l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

(ara l-punti 41, 46 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, 54/75, EU:C:1976:127, punti 8 u 24; Venus u Obert vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 783/79 u 786/79, EU:C:1981:245, punt 22, u Diezler et vs CES, 146/85 u 431/85, EU:C:1987:457, punt 5

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Grynberg u Hall vs Il‑Kummissjoi, T‑534/93, EU:T:1994:86, punt 20; Marx Esser u del Amo Martinez vs Il‑Parlament, T‑182/94, EU:T:1996:130, point 37, u Chew vs Il‑Commission, T‑28/96, EU:T:1997:97, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, F‑71/05, EU:F:2007:184, punti 42 u 43

2.      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-uffiċjali tagħhom ikollhom il-possibbiltà li jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom bil-libertà kollha u b’osservanza tar-regoli stabbiliti. Konsegwentement, huma għandhom l-obbligu li jipprevjenu u li jipprojbixxu irregolaritajiet manifesti min-naħa tal-korpi responsabbli għall-elezzjonijiet, bħal Kumitat tal-Persunal jew bord tal-iskrutinaturi.

F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni, minn naħa, tista’ tkun obbligata tieħu deċiżjonijiet ta’ natura vinkolanti, u, min-naħa l-oħra, għandha f’kull każ l-obbligu li tiddeċiedi dwar ilmenti li jistgħu jiġu indirizzati lilha fuq dan is-suġġett fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kontroll eżerċitat mill-amministrazzjoni fil-qasam elettorali ma huwiex limitat għad-dritt li tintervjeni f’sitwazzjonijiet fejn il-korpi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal jew il-korpi amministrattivi responsabbli għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet ikunu diġà kissru r-regoli elettorali jew ikunu qed jheddu b’mod konkret li ma josservawhomx. Għall-kuntrarju, l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt li jintervjenu ex officio, inkluż b’mod preventiv, fil-każ li jkollhom dubju dwar ir-regolarità tal-elezzjonijiet.

(ara l-punti 42 sa 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punti 22 u 23

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Maindiaux et vs CES, T‑28/89, EU:T:1990:18, punti 32 u 71

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punt 71

3.      L-atti adottati fil-kuntest tal-obbligu ta’ kull istituzzjoni tal-Unjoni li tiżgura r-regolarità tal-elezzjonijiet tal-korpi rappreżentattivi tal-persunal u tal-kompożizzjoni sussegwenti tal-imsemmija korpi jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ din l-istituzzjoni li fid-dawl tagħhom l-uffiċjali u l-membri tal-persunal jistgħu jressqu direttament ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, mingħajr il-bżonn li tiġi osservata l-proċedura prevista fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u li din l-awtorità tiġi mistiedna minn qabel sabiex tieħu deċiżjoni fil-konfront tagħhom.

Il-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi wkoll il-possibbiltà li tittieħed azzjoni direttament permezz ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, anki meta l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx għadha adottat deċiżjoni, impliċita jew espliċita, li tastjeni milli tikkontrolla r-regolarità ta’ deċiżjoni adottata minn korp responsabbli għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, sa fejn, f’tali lment, il-persuna kkonċernata tippreċiża l-miżuri li huma imposti mir-Regolamenti tal-Persunal u li din l-awtorità tkun astjeniet allegatament milli tieħu.

Madankollu, fil-qasam tal-kawżi elettorali fir-rigward tan-nomina tal-membri tal-Kumitati tal-Persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, it-tressiq minn qabel ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jibqa’ f’kull każ neċessarju għal kull rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 49 sa 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punt 23, u Diezler et vs CES, EU:C:1987:457, punt 7

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza White vs Il‑Kummissjoni, T‑65/91, EU:T:1994:3, punti 91 u 92

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punt 54, u digriet Klar u Fernandez Fernandez vs Il‑Kummissjoni, F‑114/13, EU:F:2014:192, punti 58 u 59, li huwa suġġett għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑665/14 P

4.      Rikors, ippreżentat kontra istituzzjoni tal-Unjoni, iżda li jittratta l-legalità tar-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal imħabbra mill-bord tal-iskrutinaturi, u mhux deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, huwa inammissibbli.

Fil-fatt, fil-każ li l-imsemmi kumitat jiċħad ilment tar-rikorrent abbażi tar-regoli rispettivi tiegħu, dan tal-aħħar jista’ iressqu lment quddiem l-imsmemija awtorità sabiex tadotta deċiżjoni dwar ir-regolarità tal-elezzjonijiet, jew saħansitra tannulla r-riżultati tal-imsemmija elezzjonijiet, u, fil-każ ta’ ċaħda impliċita jew espliċita, iressaq lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrent jista’ jressaq direttament ukoll ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, quddiem din l-awtorità.

F’dan ir-rigward, l-obbligu li jitressaq, anki fil-qasam elettorali, ilment qabel il-preżentata ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 270 TFUE fil-konfront ta’ att jew ommissjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-obbligu tagħha li tikkontrolla r-regolarità tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal, ma jistax jieqaf jeżisti għar-raġuni li korp, f’dan il-każ il-bord tal-iskrutinaturi, għandu kompetenza, bis-saħħa ta’ test adottat mill-Kumitat tal-Persunal u mill-persunal tal-istituzzjoni stess, sabiex jiddeċiedi dwar kontestazzjonijiet marbuta mal-iżvolġiment tal-elezzjonijiet u mar-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet.

Fil-fatt, minn naħa, il-laqgħa ġenerali tal-uffiċjali u l-korpi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal, bħall-Kumitat tal-Persunal, ma għandhomx kompetenza, fil-kuntest tal-kundizzjonijiet għall-elezzjoni tal-Kumitat tal-Persunal, li għandhom jadottaw, sabiex jidderogaw minn regola espliċita tar-Regolamenti tal-Persunal, f’dan il-każ l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Min-naħa l-oħra, deċiżjoni mogħtija mill-bord tal-iskrutinaturi hija biss deċiżjoni ta’ konferma jew, skont il-każ, ta’ tħassir tar-riżultati tal-elezzjonijiet. F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi direttament, fl-assenza ta’ kwalsiasi deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni konvenuta, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi.

Għall-kuntrarju, għal dak li jirrigwarda deċiżjoni ta’ din l-awtorità li tiddeċiedi dwar ilment imressaq fil-qasam elettorali skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tali deċiżjoni titlob li l-imsemmija awtorità, fid-dawl tar-riżultati tal-elezzjonijiet u tal-obbligu tagħha li tiżgura lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha l-possibbiltà li jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom bil-libertà kollha u b’osservanza tar-regoli stabbiliti, tagħżel jew li taġixxi jew inkella li tastjeni milli taġixxi fil-proċess elettorali. Hija f’sitwazzjoni bħal din li, fil-qasam elettorali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni sabiex jistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex, b’mod partikolari, jiddetermina jekk din l-awtorità naqsitx milli tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 54, 57 u 60 sa 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja : sentenza de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punti 28 u 29

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Maindiaux et vs CES, EU:T:1990:18, punt 45; Grynberg u Hall vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1994:86, punt 23; Schneider vs Il‑Kummissjoni, T‑54/92, EU:T:1994:283, punt 19, u Marx Esser u del Amo Martinez vs Il‑Parlament, EU:T:1996:130, punti 17 sa 22 u 33

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Loukakis et vs Il‑Parlament, F‑82/11, EU:F:2013:139, punti 25, 29 u 46

5.      Għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dwar il-possibbiltà li l-parti li tirbaħ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, fil-każ li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet interni kontenzjużi tista’ tagħti l-impressjoni li rikors dirett ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun ammissibbli u meta l-istituzzjoni kkonċernata tkun irrikonoxxiet l-eżistenza tal-ambigwità, iżda tirrinunzja milli jintervjeni sabiex temenda din il-formulazzjoni.

(ara l-punti 67 u 68)