SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)
19 ta’ Ġunju 2013
Kawża F‑81/11
BY
vs
Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA)
“Persunal tal-EASA — Membru tal-persunal temporanju — Ammissibbiltà — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Rapport ta’ evalwazzjoni mhux favorevoli — Assenjazzjoni mill-ġdid — Fastidju psikoloġiku — Użu ħażin ta’ poter”
Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu BY jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) tas-17 ta’ Diċembru 2010, li r-rikorrent jiġi assenjat mill-ġdid, fl-interess tas-servizz, f’pożizzjoni mhux maniġerjali.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. BY għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni.
Sommarju
1. Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Twaħħil mill-avukat tar-rikorrent tat-timbru “kopja vera” fl-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta, iżda mhux fuq il-verżjoni mibgħuta bil-faks — Irregularità li ma tikkostitwixxiex kawża ta’ inammissibbiltà
(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (6))
2. Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ numru suffiċjenti ta’ kopji ċċertifikati konformi mal-oriġinal tar-rikors — Irregolarità li ma tikkostitwixxiex kawża ta’ inammissibbiltà
(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 34(1) u 94(a))
3. Rikorsi tal-uffiċjali — Motivi — Użu ħażin ta’ poter — Kunċett — Deċiżjoni konformi mal-interess tas-servizz — Assenza ta’ użu ħażin ta’ poter
1. Iċ-ċirkustanzi li l-avukat tar-rikorrent waħħal fil-paġna ta’ quddiem tal-oriġinal tar-rikors it-timbru “kopja vera” u li, ma’ ġenb il-firma bil-miktub tiegħu li tidher fl-aħħar paġna ta’ dan id-dokument, waħħal timbru dwar l-uffiċċju tal-avukati tiegħu ma tistax ittellef lill-kopja inkwistjoni l-kwalità tagħha ta’ oriġinal tar-rikors mibgħut bil-faks, bl-istess mod li t-twaħħil ta’ timbru “oriġinal” fl-oriġinal ma ttelliflhiex din il-kwalità anki jekk tkun b’hekk tbiddlet bit-twaħħil ta’ timbru. It-twaħħil tat-timbru “kopja vera” mill-avukat fl-oriġinali tar-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala sempliċi żball materjali, liema ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.
(ara l-punt 37)
2. Iċ-ċirkustanza li n-numru ta’ kopji tar-rikors, barra mill-oriġinal, huwa inqas min-numri ta’ kopji ċċertifikati konformi li għandhom jakkumpanjaw l-oriġinal, kif meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma tistax tiġġustifika l-inammissibbiltà tar-rikors. Konklużjoni kuntrarja tkun ta’ severità eċċessiva, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt għal rikors effettiv tar-rikorrent, fl-assenza ta’ kull ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) jista’, jekk ikun il-każ, isib is-sanzjoni tiegħu fl-applikazzjoni tal-Artikolu 94(a) tal-istess Regoli tal-Proċedura.
(ara l-punt 38)
3. Il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter, li tiegħu l-użu ħażin ta’ proċedura jikkostitwixxi manifestazzjoni, għandu sinjifikat preċiż ħafna li jirreferi għall-użu tal-poteri ta’ awtorità amministrattiva għal għan differenti minn dak li għalih ikunu ngħatawlha l-istess poteri. Deċiżjoni ma tkunx ivvizjata minn użu ħażin ta’ poter ħlief jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati.
Fil-każ ta’ miżura ta’ assenzjazzjoni mill-ġdid, peress li din ma ġietx iġġudikata bħala li tmur kontra l-interess tas-servizz, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li superjur ġerarkiku ta’ uffiċjal kiteb ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal, minkejja li kien espressament imsemmi mill-ilment dwar fastidju li joriġina minn dan tal-aħħar, ma jistax bħala tali, barra minn kull ċirkustanza oħra, ikun ta’ natura li jikkontesta l-imparzjalità tiegħu.
(ara l-punti 69, 70 u 72)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Lulju 1983, Nebe vs Il‑Kummissjoni, 176/82, punt 25; 5 ta’ Ġunju 2003, O’Hannrachain vs Il‑Parlament, C‑121/01 P, punt 46
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1992, Eppe vs Il‑Kummissjoni, T‑59/91 u T‑79/91, punt 57; 11 ta’ Ġunju 1996, Anacoreta Correia vs Il‑Kummissjoni, T‑118/95, punt 25; 17 ta’ Novembru 1998, Gómez de Enterría y Sanchez vs Il‑Parlament, T‑131/97, punt 62; 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il‑Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, punt 139; 14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑389/02, punt 123