Language of document : ECLI:EU:T:2019:652

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

20 ta’ Settembru 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpanniji implimentata mill-Belġju għall-portijiet tiegħu – Deċiżjoni li tiddikjara li l-iskema tal-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ attività ekonomika – Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali – Attivitajiet mhux ekonomiċi – Natura separabbli – Natura selettiva – Talba għal perijodu tranżitorju”

Fil-Kawża T‑696/17,

Havenbedrijf Antwerpen NV, stabbilita f’Antwerpen, (il-Belġju),

Maatschappij van de Brugse Zeehaven NV, stabbilita f’Zeebrugge (il-Belġju),

irrappreżentati minn P. Wytinck, W. Panis u I. Letten, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn J.-C. Halleux, P. Cotin, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, megħjuna minn A. Lepiece u H. Baeyens, avukati,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2115 tas‑27 ta’ Lulju 2017 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.38393 (2016/C, ex 2015/E) implimentata mil-Belġju – It-taxxa fuq il-portijiet fil-Belġju (ĠU 2017, L 332, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, I. Labucka, D. Spielmann, Z. Csehi u O. Spineanu–Matei, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramete, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-kuntest ġuridiku

1        Fil-Belġju, ir-regoli dwar it-tassazzjoni tad-dħul huma kkodifikati fil-code des impôts sur les revenus de 1992 (il-“Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992”).

2        L-Artikolu 1 tal-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul, kif emendat u aġġornat fis‑27 ta’ Lulju 2017 (iktar ’il quddiem iċ-“CIR”) jipprevedi:

“1.      Huma stabbiliti bħala taxxi fuq id-dħul:

1)      taxxa fuq id-dħul globali tal-abitanti tar-Renju, imsejħa taxxa fuq il-persuni fiżiċi;

2)      taxxa fuq id-dħul globali tal-kumpanniji residenti, imsejħa taxxa fuq il-kumpanniji;

3)      taxxa fuq id-dħul ta’ persuni ġuridiċi Belġjani li ma humiex kumpanniji, imsejħa taxxa fuq il-persuni ġuridiċi;

4)      taxxa fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti, imsejħa taxxa fuq il-persuni mhux residenti.

§ 2.      It-taxxi jinġabru permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn fil-limiti u għall-kundizzjonijiet previsti fit-Titolu VI, Kapitolu 1.”

3        L-Artikolu 2 taċ-CIR jipprevedi fil-partijiet rilevanti tiegħu:

“1. Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi, dispożizzjonijiet legali speċifiċi rigward it-taxxi fuq id-dħul u d-digrieti adottati għall-implimentazzjoni tagħhom, il-kliem li ġejjin għandu jkollhom it-tifsira stabbilita f’dan l-artikolu.

[…]

5)° Kumpanniji

Għandu jinftiehem b’:

a) kumpannija: kwalunkwe kumpannija, assoċjazzjoni, stabbiliment jew korp ikkostitwit b’mod regolari li għandu personalità ġuridika u li hija involuta f’operat jew fi tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ.

Il-korpi rregolati mid-dritt Belġjan b’personalità ġuridika li, għall-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, jitqiesu li ma għandhom ebda personalità ġuridika, ma jitqisux bħala kumpanniji;

b)      kumpannija residenti: kwalunkwe kumpannija li għandha s-sede tagħha, il-post prinċipali tan-negozju jew is-sede ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni fil-Belġju u li ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

[…]”

4        L-Artikolu 179 taċ-CIR jipprevedi li:

“Huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kumpanniji residenti u l-korpi ta’ finanzjament tal-pensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tal-Liġi tas‑27 ta’ Ottubru 2006 dwar is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali.”

5        L-Artikolu 180 taċ-CIR jipprevedi li:

“Ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji:

1)      l-interkomunali, l-istrutturi ta’ kooperazzjoni, l-assoċjazzjonijiet ta’ proġetti, l-awtoritajiet komunali awtonomi u l-assoċjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 li, fil-kuntest tal-għan soċjali tagħhom, prinċipalment:

–        joperaw sptar kif iddefinit fl-Artikolu 2 tal-loi coordonnée du 10 juillet 2008 sur les hôpitaux et autres établissements de soins (il-Liġi Kkoordinata tal‑10 ta’ Lulju 2008 dwar l-Isptarijiet u Istituzzjonijiet oħra ta’ Kura); jew

–        joperaw istituzzjoni li tgħin lill-vittmi tal-gwerra, lill-persuni b’diżabbiltà, lill-persuni anzjani, lill-minuri ta’ età protetta jew foqra;

2)      SA “Waterwegen en Zeekanaal”, SA “De Scheepvaart”, SCRL il-Port autonome du Centre et de l’Ouest, il-Compagnie des installations maritimes de Bruges, il-Port de Bruxelles, l-Awtorità Muniċipali Awtonoma tal-port ta’ Ostende, il-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata Havenbedrijf Antwerpen u Havenbedrijf Gent u l-portijiet awtonomi ta’ Liège, Charleroi u Namur;

3)      l-Office national du ducroire;

4)      il-Compagnie belge pour le financement de l’industrie;

5)      [imħassar];

5°bis)      il-Fonds de participation, il-Participatiefonds – Vlaanderen, il-Fonds de participation – Wallonie u l-Fonds de participation – Bruxelles;

6)      is-Société régionale wallonne de transport public de personnes u l-kumpanniji operattivi relatati magħha;

7)      il-Vlaamse Vervoermaatschappij u l-unitajiet ta’ operazzjoni awtonoma eżistenti fi ħdanha;

8)      is-Société des transports intercommunaux de Bruxelles;

9)      il-kumpanniji tat-trattament tal-ilma rregolati bil-Liġi tas‑26 ta’ Marzu 1971;

10)      [imħassar]

11)      il-kumpannija ta’ dritt pubbliku Belġjan b’għan soċjali Coopération technique belge;

12)      il-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Infrabel;

13)      il-kumpannija ta’ dritt pubbliku b’għan soċjali APETRA”

6        Skont l-Artikolu 181 taċ-CIR:

“Ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji l-assoċjazzjonijiet mingħajr għan ta’ qligħ u l-persuni ġuridiċi l-oħra li ma jsegwix għan ta’ qligħ:

1)      li għandhom l-għan esklużiv jew prinċipali tal-istudju, il-protezzjoni u l-iżvilupp tal-interessi professjonali jew interprofessjonali tal-membri tiegħu;

2)      li jikkostitwixxu l-estensjoni jew l-iżvilupp ulterjuri ta’ persuni ġuridiċi msemmija fil-punt 1, fejn l-għan esklużiv jew ewlieni tagħhom huwa li jitwettqu, f’isem u għan-nom tal-membri tagħhom, l-obbligi jew il-formalitajiet kollha jew parti minnhom imposti fuqhom minħabba l-okkupazzjoni ta’ persunal jew it-twettiq tal-leġiżlazzjoni fiskali jew tal-leġiżlazzjoni soċjali, jew sabiex jassistu lill-membri tagħhom fit-twettiq ta’ dawk l-obbligi jew formalitajiet;

3)      li, skont il-leġiżlazzjoni soċjali, huma responsabbli mill-ġbir, iċ-ċentralizzazzjoni, il-kapitalizzazzjoni jew id-distribuzzjoni tal-fondi maħsuba għall-għoti tal-benefiċċji pprovduti minn dik il-leġiżlazzjoni;

4)      li għandhom l-għan esklużiv jew prinċipali li jipprovdi jew li jsostnu t-tagħlim;

5)      li l-iskop esklużiv jew prinċipali tagħha huwa li jorganizza fieri kummerċjali jew esibizzjonijiet;

6)      li huma approvati bħala servizz ta’ għajnuna għall-familji u l-anzjani mill-korpi kompetenti tal-komunitajiet;

7)      li huma approvati għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 145(1), l-Artikolu 145(1)(b), (d), (e), (h) sa (l), l-Artikolu 145(2) u (3), jew, kemm jekk iressqu t-talba, jew jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha għall-awtorizzazzjoni, minbarra li jkollhom, skont il-każ, attività ta’ natura nazzjonali jew ta’ żona ta’ influwenza li testendi għal wieħed mill-komunitajiet jew reġjuni jew għall-pajjiż kollu;

8)      li huma ffurmati skont il-loi du 27 juin 1921 sur les associations sans but lucratif (il-Liġi tas‑27 ta’ Ġunju 1921 dwar Assoċjazzjonijiet Mingħajr Għan ta’ Qligħ), l-assoċjazzjonijiet internazzjonali mingħajr għan ta’ qligħ u l-fondazzjonijiet sakemm dawn iwettqu esklużivament attività ta’ ċertifikazzjoni fis-sens tal-loi du 15 juillet 1998 relative à la certification des titres émis par des sociétés commerciales (il-Liġi tal‑15 ta’ Lulju 1998 dwar iċ-Ċertifikazzjoni ta’ Titoli Maħruġa minn Kumpanniji Kummerċjali) u li ċ-ċertifikati li joħorġu jiġu assimilati mat-titli li huma relatati magħhom għall-applikazzjoni tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-istess liġi.”

7        Skont l-Artikolu 182 taċ-CIR:

“Fil-każ ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr għan ta’ qligħ u persuni ġuridiċi oħra mingħajr għan ta’ qligħ, dawn li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ:

1)      it-tranżazzjonijiet iżolati jew eċċezzjonali;

2)      it-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-investiment ta’ fondi miġbura fit-twettiq tal-kompiti statutorji tagħhom;

3)      it-tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu attività li tinvolvi biss b’mod aċċessorju tranżazzjonijiet industrijali, kummerċjali jew agrikoli jew li ma jimplimentawx metodi industrijali jew kummerċjali.”

8        B’mod speċifiku fir-rigward tal-bażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji (iktar ’il quddiem l-“ISoc”), l-Artikolu 185(1) taċ-CIR jipprevedi li l-kumpanniji huma taxxabbli fuq l-ammont totali tal-profitti tagħhom, inklużi d-dividendi ddistribwiti.

9        L-Artikolu 220 taċ-CIR jipprevedi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq persuni ġuridiċi:

1)      l-Istat, il-komunitajiet, ir-reġjuni, il-provinċji, l-agglomerazzjonijiet, il-federazzjonijiet tal-komuni, il-komuni, iċ-ċentri pubbliċi ta’ għajnuna soċjali, […] kif ukoll l-istabbilimenti pubbliċi, iż-żoni ta’ salvataġġ, iż-żoni tal-pulizija, kif ukoll il-poliders u l-bordijiet tal-ilma;

2)      il-persuni ġuridiċi li, skont l-Artikolu 180, ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji;

3)      il-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede, il-post prinċipali tan-negozju jew is-sede ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni tagħhom, li ma humiex involuti f’operat jew fi tranżazzjonijiet li jagħmlu profitt jew li ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji konformement [mal-]Artikoli 181 u 182.”

10      Skont l-Artikolu 221 taċ-CIR:

“Il-persuni ġuridiċi suġġetti għat-taxxa ta’ persuni ġuridiċi għandhom ikunu taxxabbli biss fuq il-bażi ta’:

1)      id-dħul katastali tal-proprjetà immobbli li jinsabu fil-Belġju, fejn dan id-dħul katastali ma huwiex eżentat mit-taxxa f’ras il-għan fuq il-proprjetà immobbli skont l-Artikolu 253 jew dispożizzjonijiet legali speċjali;

2)      dħul u prodotti kapitali u proprjetà mobbli […]”

 Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

11      Fit‑3 ta’ Lulju 2013, is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea bagħtu kwestjonarju lill-Istati Membri kollha dwar it-tħaddim u t-taxxa tal-portijiet tagħhom sabiex jiksbu ħarsa ġenerali dwar dan is-suġġett u sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tal-portijiet fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Sussegwentement, kien hemm diversi skambji ta’ korrispondenza bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani.

12      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Lulju 2014, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Belġjani bl-evalwazzjoni preliminari tagħha li l-eżenzjoni mill-ISoc prevista għal ċerti portijiet Belġjani kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li kienet inkompatibbli mas-suq intern u din l-għajnuna kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tal-imsemmi regolament. Saret laqgħa mal-awtoritajiet Belġjani fit‑23 ta’ Settembru 2014. Ir-Région wallonne (ir-Reġjun ta’ Wallonie) u l-port ta’ Brussell (il-Belġju) ressqu l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom b’ittri tat-30 ta’ Settembru 2014, filwaqt li l-Vlaams gewest (ir-Reġjun ta’ Vlaanderen) bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu b’ittra tal‑1 ta’ Ottubru 2014.

13      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju tal-Belġju li kienet ħadet nota tal-argumenti kollha mressqa minn dan tal-aħħar u li dejjem qieset li l-eżenzjoni mill-ISoc favur għadd ta’ portijiet tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, jekk u sa fejn dawk il-portijiet kellhom attivitajiet ekonomiċi. Ġie ppreżentat rikors kontra din l-ittra li ġie miċħud bħala inammissibbli permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Marzu 2016, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il-Kummissjoni (T‑438/15, EU:T:2016:142).

14      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha u pproponiet lill-awtoritajiet Belġjani, skont l-Artikolu 108(1) TFUE u l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), bħala miżuri xierqa, li jneħħu l-eżenzjoni mill-ISoc fir-rigward tal-portijiet Belġjani, sa fejn dawn kienu involuti f’attivitajiet ekonomiċi.

15      L-awtoritajiet Belġjani ġew mistiedna jadattaw il-leġiżlazzjoni f’terminu ta’ 10 xhur, liema emenda għandha tapplika mhux iktar tard mid-dħul li jkun ġie ġġenerat mill-attivitajiet ekonomiċi sa mill-bidu tas-sena fiskali 2017. L-awtoritajiet Belġjani ntalbu jinformaw lill-Kummissjoni bil-miktub li huma aċċettaw, konformement mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, dawn il-miżuri xierqa fl-intier tagħhom mingħajr ebda kundizzjoni u b’mod inekwivoku fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tal-proposta għal dawn il-miżuri. Ġie ppreżentat rikors kontra din il-proposta għal miżuri xierqa li ġiet miċħud bħala inammissibbli permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il-Kummissjoni (T‑116/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:656).

16      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Marzu 2016, l-awtoritajiet Belġjani bagħtu lill-Kummissjoni l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri utli proposti. Wara dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ddeċidiet, permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2016, li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 2015/1589 (ĠU 2016, C 302, p. 5).

17      Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni. Saret laqgħa fl‑24 ta’ Awwissu 2016 mar-rappreżentanti ta’ ċerti portijiet Belġjani li ntlaqtu mill-miżura. Ir-Renju tal-Belġju ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ittri tad‑9 ta’ Settembru 2016, fir-rigward tal-ministre fédéral des Finances (il-Ministru Federali għall-Finanzi), u tas‑16 ta’ Settembru 2016, ir-Reġjun ta’ Wallonie u l-portijiet ta’ Wallonie.  Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar dan mill-partijiet interessati li ġejjin. Sea Invest, utent tal-portijiet ta’ Antwerpen (il-Belġju), ta’ Gand (il-Belġju) u ta’ Zeebrugge (il-Belġju), il-port ta’ Rotterdam (il-Pajjizi l-Baxxi), li jaġixxi f’isem il-ħames portijiet pubbliċi tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-port ta’ Brussell, il-Kummissjoni tal-port ta’ Vlaanderen (Vlaamse Havencommissie, il-Belġju) u l-portijiet ta’ Antwerpen u ta’ Zeebrugge.

18      Il-Kummissjoni bagħtet dawn il-kummenti lir-Renju tal-Belġju li ngħata l-opportunità li jirreaġixxi; il-kummenti tiegħu waslu permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Novembru 2016. Saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Belġjani u l-Kummissjoni fid‑19 ta’ Diċembru 2016 li matulha ntbagħtu kummenti supplimentari lill-Kummissjoni. Ġiet organizzata laqgħa oħra bejn l-awtoritajiet federali u reġjonali Belġjani, ċerti benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni u l-Kummissjoni fl‑10 ta’ Jannar 2017.

19      Wara li eżaminat l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Renju tal-Belġju u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni fis‑27 ta’ Lulju 2017 adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/2115 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.38393 (2016/C, ex 2015/E) implimentata mil-Belġju – It-taxxa fuq il-portijiet fil-Belġju (ĠU 2017, L 332, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

20      Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett il-Kummissjoni kkonstatat li l-attivitajiet tal-portijiet Belġjani msemmija fl-Artikolu 180(2) taċ-CIR kienu — mill-inqas parzjalment — attivitajiet ekonomiċi, hekk li l-portijiet kellhom jiġu kklassifikati bħala impriżi sa fejn kienu jeżerċitaw tali attivitajiet (premessi 40 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, il-Kummissjoni sostniet li, billi kienet suġġetta għat-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi (iktar ’il quddiem l-“IPM”) iktar milli l-ISoc fuq il-kumpanniji skont l-Artikolu 180(2) taċ-CIR, il-portijiet gawdew minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ISoc li kellhom iħallsu għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u s-sehem tal-IPM li seta’ jiġi attribwit għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (premessi 68 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 74 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-raba’ nett, hija qieset il-miżura bħala selettiva (premessi 78 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-ħames nett, hija qieset li, meta ssaħħet il-pożizzjoni tal-benefiċjarji fil-kummerċ internazzjonali, il-miżura inkwistjoni kienet kapaċi taffettwa l-kummerċ ġo l-Unjoni u tfixkel il-kompetizzjoni (premessi 108 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li l-eżenzjoni mit-taxxa prevista fl-Artikolu 180(2) taċ-CIR għall-portijiet Belġjani kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li d-dħul eżentat kien ġej mill-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, hija kkonstatat li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni ma setgħetx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, kemm jekk abbażi tal-Artikolu 93 jew tal-Artikolu 106(2) TFUE (premessi 117 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata) u rrifjutat li tagħti perijodu tranżitorju għall-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni (premessi 124 sa 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li:

“L-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva [fuq il-kumpanniji] favur il-portijiet Belġjani msemmija fl-Artikolu 180(2) taċ-CIR tikkostitwixxi skema eżistenti ta’ għajnuna mill-Istat li mhix kumpatibbli mas-suq intern.”

22      Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata:

“1.      Il-Belġju huwa obbligat jabolixxi l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva msemmija fl-Artikolu 1 u li jissottometti għall-ISoc l-entitajiet li tapplika affavur tagħhom din l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva.

2.      Il-miżura li permezz tagħha l-Belġju se jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 1 għandha tiġi adottata qabel tmiem is-sena kalendarja kurrenti fid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Din il-miżura għandha tiġi applikaata fuq id-dħul iġġenerat mill-attivitajiet ekonomiċi sa mhux aktar tard mill-bidu tas-sena fiskali I ta’ wara l-adozzjoni tagħha.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti, Havenbedrijf Antwerpen NV (il-port ta’ Antwerpen) u Maatschappij van de Brugse Zehen NV (il-Kumpannija ta’ Stallazzjonijiet tal-Baħar ta’ Brugge, il-Belġju), it-tnejn li huma msemmija fl-Artikolu 180(2) taċ-CIR, ippreżentaw dan ir-rikors.

24      Permezz ta’ dokumenti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 u t‑23 ta’ Jannar 2018 rispettivament, ir-Renju tal-Belġju u l-Vlaams Gewest (ir-Reġjun ta’ Vlaanderen) talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2018, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba tar-Renju tal-Belġju sabiex jintervjeni. Ir-Renju tal-Belġju ressaq in-nota ta’ intervent tiegħu fit‑22 ta’ Mejju 2018 u l-partijiet prinċipali ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwaru fit-termini stabbiliti.

26      B’digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Havenbedrijf Antwerpen and Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il-Kummissjoni (T‑696/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:736), il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent mir-Reġjun ta’ Vlaanderen.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirreferi l-kawża lura lis-Sitt Awla Estiża, konformement mal-Artikolu 28 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha.

28      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu stabbilit.

29      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑4 ta’ Frar 2019.

30      Peress li membru tas-Sitt Awla Estiża ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla.

31      Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tistabbilixxi perijodu tranżitorju sal-konklużjoni mill-Kummissjoni tal-investigazzjoni tagħha tas-sistema fiskali tad-diversi portijiet fl-Unjoni Ewropea u, fi kwalunkwe każ, ta’ tul ta’ sena sħiħa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż u tikkundanna lir-Renju tal-Belġju jbati l-ispejjeż li jirriżultaw mill-intervent tiegħu.

 Id-dritt

33      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi. L-ewwel nett, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikoli 107 u 296 TFUE billi kkaratterizzat l-awtoritajiet portwali bħala impriżi. It-tieni nett, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 107 TFUE billi qieset l-eżenzjoni mill-ISoc bħala miżura selettiva. It-tielet nett, b’mod sussidjarju, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 107 TFUE billi qieset li d-deroga mis-sistema ta’ referenza ma kinitx iġġustifikata minħabba n-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali Belġjana fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul. Ir-raba’ nett, b’mod sussidjarju ħafna, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħtihom perijodu ta’ tranżizzjoni sal-għeluq tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sistema fiskali tal-portijiet differenti tal-Unjoni u, fi kwalunkwe każ, għal tul ta’ sena.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 107 u 296 TFUE minħabba l-klassifikazzjoni tal-awtoritajiet portwali bħala impriżi

34      L-ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel taqsima, ir-rikorrenti jsostnu li ma hemmx suq li fih huma joffru s-servizzi tagħhom. Permezz tat-tieni parti, huma jsostnu li l-attivitajiet tagħhom ma humiex ta’ natura ekonomika.

35      Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq li fl-ewwel lok teżamina t-tieni parti, u wara l-ewwel.

36      Qabel kollox, madankollu, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-portijiet bħala “impriżi” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

37      Fil-fatt, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE huwa motiv separat minn dak ibbażat fuq in-natura infondata tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li tal-ewwel, li jirreferi għal nuqqas ta’ motivazzjoni jew għal motivazzjoni insuffiċjenti, jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 KE u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem mill-qorti tal-Unjoni, it-tieni, li jikkonċerna l-legalità fil-mertu ta’ deċiżjoni, jaqa’ taħt il-ksur ta’ dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tat-Trattat, skont l-istess Artikolu 263 KE, u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk ikun invokat mir-rikorrent. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni distinta minn dik tal-fondatezza tal-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 52).

38      Issa, f’din il-kawża, minbarra n-nuqqas tar-rikorrenti li jissostanzjaw l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 296 TFUE fir-rikors, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata biżżejjed, peress li l-Kummissjoni ddedikat mhux inqas minn 28 premessa fid-deċiżjoni kkontestata għall-kwistjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-portijiet bħala “impriżi” li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi (ara l-premessi 40 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, mill-eżami tad-diversi lmenti mqajma mir-rikorrenti iktar ’il quddiem jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ppermettitilhom li jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura meħuda f’dan ir-rigward u lill-Qorti Ġenerali li tagħmel l-istħarriġ tagħha.

39      Għaldaqstant, l-ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-natura mhux ekonomika tal-attivitajiet tal-portijiet Belġjani

40      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jfakkru, fl-ewwel lok, abbażi tad-Decreet houdende het beleid en het beheer van de zeehavens (id-Digriet dwar il-Politika u l-Ġestjoni tal-Portijiet Marittimi) tat‑2 ta’ Marzu 1999 (Belgisch Staatsblad tat‑8 ta’ April 1999), li l-funzjonijiet essenzjali tagħhom jikkonsistu prinċipalment f’kompiti mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, bħall-ġestjoni amministrattiva tal-qasam pubbliku u privat tal-portijiet, is-servizzi tal-ispezzjoni ambjentali jew is-servizzi tal-kaptan tal-port. Fil-kuntest ta’ dawn il-kompiti, l-awtoritajiet portwali jeżerċitaw setgħat pubbliċi esklussivi li ma jistgħux jiġu ttrasferiti preċiżament minħabba li l-ġestjoni tal-port u l-unità tiegħu huma pubbliċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeterminaw x’inhu mfisser b’“servizzi ekonomiċi” u “servizzi mhux ekonomiċi” ta’ interess ġenerali.

41      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jindikaw li trid issir distinzjoni bejn il-kompiti essenzjali imposti fuqhom b’digriet u s-servizzi tal-portijiet kummerċjali offruti minn terzi. Fil-fatt, l-awtoritajiet portwali ma jinvestux fit-tagħmir meħtieġ għall-operat kummerċjali tal-port, b’mid differenti, pereżempju, mill-operaturi tal-ajruporti. Il-kompitu uniku tal-awtoritajiet portwali ikun li jagħmlu l-infrastruttura tal-port disponibbli, b’mod mhux diskriminatorju, lill-utenti bħall-impriżi ta’ manutenzjoni jew l-impriżi ta’ loġistika li jwettqu attivitajiet ekonomiċi u li sussegwentement jistgħu jibnu fuq din l-infrastruttura bażika.  Ir-rikorrenti jinsistu, f’dan ir-rigward, fuq id-distinzjoni bejn il-ġestjoni u l-operat tal-qasam tal-port bħala infrastruttura bażika, li tkun ta’ natura mhux ekonomika, u l-ġestjoni u l-operat tas-superstruttura. Tali distinzjoni tkun ikkonfermata mir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU 2017, L 57, p. 1) u permezz tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-provvista ta’ infrastruttura li taqa’ fid-dominju pubbliku b’mod mhux diskriminatorju ma tikkostitwixxix attività ekonomika, iktar u iktar meta l-provvista u l-operat kummerċjali ta’ din l-infrastruttura ma jkunux ipprovduti mill-istess entità, bħal f’din il-kawża.

42      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jindikaw l-assenza ta’ attività ekonomika minħabba l-prattika tat-tariffi tal-awtoritajiet portwali. Skonthom, l-eżistenza ta’ remunerazzjoni mhux dejjem timplika, a priori, l-eżistenza ta’ attività ekonomika. Minn naħa, l-awtoritajiet portwali jirċievu drittijiet tal-portijiet, li għandhom l-għan li jirremuneraw id-dritt ta’ aċċess għaż-żona tal-port, ta’ qsim minn naħa għal oħra, jaqsmu, ta’ rmiġġ jew ta’ residenza fihom u li jiġi żgurat żvilupp sikur u effikaċi taż-żona tal-port. Dawn id-drittijiet tal-portijiet jitqiesu bħala “tariffi”, jiġifieri r-rimunerazzjoni ta’ servizz imwettaq mill-awtorità għall-benefiċċju tal-persuna responsabbli għall-ħlas. Dawn id-drittijiet ma jiġux stabbiliti abbażi tal-mekkaniżmi tas-suq, konformement mal-provvista u d-domanda, iżda unilateralment. Huma ma jirriżultawx minn negozjati kummerċjali u jqisu r-rekwiżiti legali u l-kontroll amministrattiv. Barra minn hekk, l-awtonomija li għandhom ir-rikorrenti sabiex jiffissaw it-tariffi tad-drittijiet tal-port tkun ristretta minħabba l-prinċipji ta’ ugwaljanza, trasparenza u proporzjonalità kif ukoll il-kontroll amministrattiv li jkunu suġġetti għalih. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet portwali jirċievu tariffi ta’ konċessjoni għall-konċessjoni lil terzi ta’ proprjetà pubblika tal-Istat, fi tmiem proċedura nondiskriminatorja u trasparenti. L-artijiet li jingħataw b’konċessjoni ma jingħatawx awtomatikament lill-ogħla offerent, iżda abbażi ta’ kriterji ddeterminati minn qabel, marbuta mal-valur miżjud tal-proġett u mal-benessri tas-soċjetà. Konsegwentement, it-tariffi ma jikkostitwixxux strument ta’ politika kummerċjali, kif issostni l-Kummissjoni, iżda strument maħsub sabiex jagħti effett lill-kompiti ta’ servizz pubbliku tal-awtoritajiet portwali sabiex jiġi żgurat l-interess pubbliku.

43      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet huma anċillari, sabiex l-attivitajiet kollha tal-portijiet jitqiesu bħala li ma humiex ekonomiċi jew ta’ interess ġenerali. Huma jfakkru f’dan ir-rigward li l-portijiet ma jirrigwardawx l-operat kummerċjali tal-infrastruttura tal-port, iżda jagħmlu disponibbli rotot tal-ilma u jagħtu artijiet f’konċessjoni, suġġetti għal drittijiet tal-port u tariffi ta’ konċessjoni. Għalhekk, l-attivitajiet tagħhom ta’ importanza sekondarja għandhom isegwu l-klassifika ta’ attivitajiet essenzjali.

44      Konsegwentement, il-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-awtoritajiet portwali huma impriżi għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, tkun żbaljata.

45      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

46      L-ewwel nett, għandu jitfakkar, b’mod simili għall-Kummissjoni fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tal-entità u mill-mod kif tiġi ffinanzjata. F’dak ir-rigward, tikkostitwixxi attività ekonomika kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punti 74 u 75; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 118/85, EU:C:1987:283, punt 7, u tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21).

47      Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ukoll li l-operat kummerċjali u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tal-port jew tal-ajruport għal tali operat kummerċjali kienu jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 78, tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punti 40 sa 43, u fil‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il-Kummissjoni, T‑108/16, appellata, EU:T:2018:145, punt 78).

48      F’din il-kawża, il-Kummissjoni elenkat fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata serje ta’ attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jitwettqu mill-portijiet. L-ewwel nett, il-portijiet jipprovdu servizz ġenerali lill-utenti tagħhom (b’mod prinċipali lis-sidien tal-bastimenti u b’mod ġenerali lil kwalunkwe operatur tal-vapuri) billi jipprovdu aċċess lill-vapuri għall-infrastruttura tal-port għal remunerazzjoni li ġeneralment tissejjaħ “dritt tal-port”. It-tieni nett, xi portijiet jipprovdu servizzi partikolari lil bastimenti bħall-pilotaġġ, l-irfigħ, il-manutenzjoni jew l-irmiġġ, ukoll għal remunerazzjoni. It-tielet nett, il-portijiet, permezz ta’ remunerazzjoni, jagħmlu ċerti infrastrutturi jew ċerti artijiet disponibbli lil impriżi li jużaw dawn l-ispazji għall-ħtiġijiet tagħhom stess jew sabiex jipprovdu lill-vapuri xi wħud mis-servizzi partikolari msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni tispeċifika barra minn hekk fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata li l-fatt li l-impriżi terzi jużaw ċerti artijiet u infrastrutturi tal-port sabiex jipprovdu servizzi lis-sidien jew lill-vapuri ma jeskludix li l-attivitajiet ta’ ġestjoni mwettqa mill-awtoritajiet portwali, li jikkonsistu b’mod partikolari fil-kiri tal-imsemmija artijiet u infrastrutturi lil dawn il-kumpanniji terzi, jiġifieri ukoll ta’ natura ekonomika.

49      Mistoqsija f’dan ir-rigward matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw, l-ewwel nett, li huma jiġbru tariffi, magħrufa bħala “drittijiet tal-port”, li ġew miġbura — għall-inqas parzjalment — b’korrispettiv tad-dritt ta’ aċċess tal-bastimenti għall-infrastruttura tal-port. It-tieni nett, jekk huma jiċħdu li huma stess ikunu qegħdin iwettqu attivitajiet ta’ irfigħ, ta’ tagħbija jew ta’ ħatt ta’ merkanzija li permezz ta’ krejnijiet b’mod partikolari, jew ukoll li jimmaniġġaw, huma madankollu jammettu li jwettqu ċerti attivitajiet ta’ trasbord u ta’ rmonk wara l-partijiet msakkra. It-tielet nett, huma ma jikkontestawx li għamlu disponibbli artijiet lil terzi, għall-korrispettiv ta’ tariffi ta’ konċessjoni.

50      Konsegwentement, kien mingħajr ebda żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-attivitajiet imwettqa mill-portijiet kienu — għall-inqas parzjalment — attivitajiet ekonomiċi.

51      Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rrikorrenti jew mir-Renju tal-Belġju ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

52      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-attivitajiet tagħhom ma humiex attivitajiet ekonomiċi, sa fejn għandhom setgħat pubbliċi u huma fdati b’kompiti ta’ interess ġenerali.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif il-Kummissjoni ddikjarat fil-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li f’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-portijiet jistgħu jiġu ddelegati lilhom l-eżerċizzju ta’ ċerti prerogattivi ta’ setgħa pubblika, ta’ natura mhux ekonomika, bħall-kontroll u s-sigurtà tat-traffiku marittimu jew is-sorveljanza kontra t-tniġġis.

54      Madankollu, il-fatt li entità għandha prerogattivi ta’ setgħa pubblika għall-eżerċizzju ta’ parti mill-attivitajiet tagħha ma jipprekludix, fih innifsu, li tiġi kklassifikata bħala impriża. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet inkwistjoni humiex dawk ta’ impriża fis-sens tat-Trattat, huwa meħtieġ li tiġi ddeterminata n-natura ta’ dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punti 74 u 75, u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 37).

55      Il-fatt li r-rikorrenti jistgħu jiġu fdati b’servizzi ta’ interess ġenerali ma huwiex biżżejjed, għaldaqstant, sabiex tiġi rtirata minnhom il-klassifika ta’ “impriżi” jekk u sa fejn iwettqu wkoll attivitajiet ekonomiċi, li jikkonsistu fl-offerta ta’ oġġetti u servizzi fis-suq għal remunerazzjoni, bħal dawk identifikati mill-Kummissjoni fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

56      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, kif qalet il-Kummissjoni fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, li jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom diskrezzjoni wiesgħa fil-provvista, l-eżekuzzjoni u l-organizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali b’tali mod li jissodisfaw, sa fejn ikun possibbli, il-ħtiġijiet tal-utenti, dan ma jeskludix il-possibbiltà li dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita (ara l-punti 46 u 54 iktar ’il fuq), il-kunċett ta’ “attività ekonomika” jirriżulta mill-punti ta’ fatt, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ suq għas-servizzi kkonċernati u ma jiddependix fuq għażliet jew evalwazzjonijiet nazzjonali. B’hekk, l-Istat stess jew entità tal-Istat jistgħu jaġixxu bħala impriża (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan ir-rigward, huwa għalxejn li r-Renju tal-Belġju jibbaża fuq ir-Regolament 2017/352 sabiex jistabbilixxi li l-portijiet ma jwettqux attivitajiet ekonomiċi.  Fil-fatt, filwaqt li huwa minnu li dan ir-regolament jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-port u jafdaw id-dritt li jimponu tali obbligi fuq min jiġġestixxi l-port jew l-awtorità kompetenti, sabiex jiġu żgarantiti ċerti objettivi tas-servizz pubbliku, ma hemmx, f’dan il-każ, l-ebda rabta bejn il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni — jiġifieri l-eżenzjoni mill-ISoc li jibbenefikaw minnha l-portijiet — u kwalunkwe missjoni ta’ servizz pubbliku. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tipprevjeni lir-rikorrenti milli jikkonkludu ftehimiet ta’ delega ta’ servizz pubbliku mar-Reġjun ta’ Vlaanderen.

58      Insegwitu, sa fejn ir-Renju tal-Belġju jinvoka l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2004) 43 – Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (ĠU 2004, C 13, p. 3), sabiex tiġi stabbilita n-natura mhux ekonomika tal-attivitajiet tal-portijiet, għandu jiġi nnutat li l-punt 2.1 ta’ dawn il-linji gwida jiddikjara li “[l]-investimenti fl-infrastruttura normalment ma jitqisux bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu [107] (1) [TFUE] meta l-Istat joffri aċċess liberu għall-infrastruttura ugwali għall-operaturi kollha kkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bħall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE (ĠU 2016, C 262, p. 1), dan il-punt jirreferi biss għaldaqstant għall-għajnuna għall-investiment fl-infrastrutturi, u mhux għall-għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mill-Isoc, li l-ammont tagħha jiddependi direttament fuq il-profitti magħmula, bħal f’din il-kawża.

59      Ir-Renju tal-Belġju jinvoka wkoll il-punt 59 tas-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et (C‑18/01, EU:C:2003:300) li minnu jirriżulta li l-ġestjoni ta’ artijiet u bini li jaqgħu fid-dominju pubbliku tissodisfa ħtieġa ta’ interess ġenerali, ta’ natura mhux ekonomika. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, li din is-sentenza ma tikkonċernax il-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-għajnuna mill-Istat, iżda l-kwistjoni dwar jekk kumpannija b’responsabbiltà limitata mwaqqfa, miżmuma u ġestita minn awtorità lokali jew reġjonali tissodisfax ħtieġa fl-interess ġenerali, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

60      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ attività ekonomika minħabba prerogattivi ta’ awtorita’ pubblika tal-portijiet għandu jiġi miċħud.

61      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li hemm lok li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-infrastruttura tal-port mill-portijiet u l-attivitajiet kummerċjali tal-utenti tal-portijiet.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni identifikat b’mod suffiċjentement ċar l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mill-portijiet fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 48 iktar ’il fuq. Kif ikkonstatat il-Kummissjoni fl-imsemmija premessa, il-portijiet jipprovdu, b’mod partikolari, aċċess għall-infrastruttura tal-port għall-bastimenti għal rimunerazzjoni u jagħmlu artijiet disponibbli għal remunerazzjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-portijiet jiffaċilitaw biss il-provvista ta’ servizzi minn utenti terzi tal-portijiet ma hijiex skont il-fatti.

63      Għandu jiġi speċifikat, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma qisitx li l-portijiet infushom, fil-każijiet kollha, iwettqu ċerti servizzi bħall-irfigħ, il-manutenzjoni, l-irmiġġ, it-trażbord jew il-pilotaġġ, għall-bastimenti li jużaw l-infrastruttura tagħhom. Hija rrikonoxxiet b’hekk li, f’ċerti każijiet, dawn is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti minn impriżi oħra. Fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat li l-fatt li impriżi terzi użaw ċerti artijiet u infrastrutturi tal-port sabiex jipprovdu servizzi lis-sidien tal-bastimenti jew lill-bastimenti ma eskludiex li l-attivitajiet ta’ ġestjoni mwettqa mill-portijiet bħala awtoritajiet portwali, b’mod partikolari billi jikru l-imsemmija artijiet u infrastrutturi lil dawn l-impriżi terzi, huma wkoll ta’ natura ekonomika.

64      Fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti, il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll waqt is-seduta li xi wħud mis-servizzi partikolari msemmija fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu ma jkunux offruti minnhom, iżda dan ma jkunx biżżejjed sabiex ikun hemm dubju fuq il-kumplament tal-analiżi tiegħu (ara l-punti 49 iktar ’il fuq).

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakar li, fil-każ ta’ deċiżjoni relatata ma’ skema ta’ għajnuna, bħal f’din il-kawża, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina, b’mod ġenerali u astratt, il-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-modalitajiet li dan il-programm jipprevedi, dan jikkostitwixxi, fil-prinċipju, għajnuna mill-Istat għall-benefiċjarji tiegħu. B’hekk, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63, u tas‑26 ta’ Novembru 2015, Navarra de Servicios y Tecnologías vs Il-Kummissjoni, T‑487/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:899, punt 66).

66      Għalhekk, meta teżamina l-karatteristiċi ġenerali ta’ skema ta’ għajnuna, bħal f’din il-kawża, il-Kummissjoni tista’ tidentifika wkoll, b’mod ġenerali u astratt, l-attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jitwettqu mill-portijiet, anki jekk dawk l-attivitajiet ma humiex, fil-każijiet kollha, effettivament imwettqa minn kull port. Jekk port ma jkunx ser iwettaq xi waħda mill-attivitajiet ekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax madankollu jiġi kklassifikat bħala impriża, li għaliha japplikaw ir-regoli tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża peress li r-rikorrenti jwettqu l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 48 u 49 iktar ’il fuq).

67      Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll, insostenn tal-argumenti tagħhom, il-premessa 43 tar-Regolament 2017/352, li tipprevedi li “[s]abiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi u trasparenza fl-allokazzjoni u l-użu ta’ fondi pubbliċi u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq, huwa neċessarju li fuq il-korp ta’ ġestjoni tal-port li jirċievi fondi pubbliċi, meta jkun qiegħed jaġixxi wkoll bħala fornitur ta’ servizz, jiġi impost obbligu li jżomm kontijiet għall-attivitajiet imwettqa fil-kapaċità tiegħu bħala korp ta’ ġestjoni tal-port separati minn kontijiet għall-attivitajiet imwettqa fuq bażi kompetittiva”. Ir-rikorrenti minn dan jiddeduċi li l-prrovvista ta’ servizzi tal-port biss tista’ tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’kuntrast mal-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-port. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, il-fatt li s-servizzi tal-port pprovduti minn terzi jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi ma jżommx li l-portijiet jistgħu huma stess iwettqu attivitajiet ekonomiċi. Barra minn hekk l-aħħar sentenza ta’ dik il-premessa tipprevedi li “Fi kwalunkwe każ, jinħtieġ li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat”.

68      Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’każijiet oħra ma tistax taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, li tista’ tiġi evalwatata biss fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-Trattat (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑295/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:675, punt 181, u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhalden et vs Il-Kummissjoni, T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punt 59).

69      Fi kwalunkwe każ, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prassi deċiżjonali l-iktar reċenti tagħha turi li l-operat kummerċjali u l-konstruzzjoni tal-infrastruttura tal-port jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi. Jekk wieħed jassumi li l-Kummissjoni setgħet biddlet il-prassi deċiżjonali tagħha f’dan ir-rigward, dan kien sabiex tkun konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mas-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (C‑82/01 P, EU:C:2002:617), u tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821).

70      Ir-rikorrenti jqisu, madankollu, li ma jistax jiġi dedott mis-sentenzi msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq li l-ġestjoni tal-infrastruttura tal-port neċessarjament tikkostitwixxi attività ekonomika. B’hekk, minn naħa, is-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821), tkun differenti sa fejn huma ma joperax l-infrastruttura huma stess, iżda jagħmluha disponibbli lil terzi. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (C‑82/01 P, EU:C:2002:617), l-attivitajiet imwettqa bi skambju għal tariffa kummerċjali biss kienu jikklassifikaw bħala ekonomiċi mill-Qorti Ġenerali.

71      Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja espressament sostnew li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet tal-ajruporti lil kumpanniji tal-ajru, permezz tal-pagament ta’ tariffa, ikkostitwixxiet attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 78, u tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T‑128/98, EU:T:2000:290, punt 121). Issa, ma hemm l-ebda differenza fundamentali bejn l-għoti ta’ aċċess għall-infrastruttura ta’ ajruport bi skambju ta’ tariffi tal-ajruporti u l-għoti ta’ aċċess għall-infrastruttura tal-port bi skambju ta’ drittijiet tal-portijiet.

72      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti f’dan ir-rigward, il-portijiet infushom joperaw l-infrastruttura tal-port meta jagħtu aċċess għall-infrastruttura tal-port lill-bastimenti jew jagħtu aċċess għall-kiri bi skambju ta’ remunerazzjoni, bħall-ajruport ta’ Leipzig-Halle fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821).

73      Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma żbaljati li jallegaw li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni għamlet konfużjoni bejn l-attivitajiet tal-portijiet u dawk tal-utenti tagħhom, kif ukoll bejn il-ġestjoni tal-infrastruttura u l-operat kummerċjali tas-superstruttura tal-port.

74      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jindikaw l-assenza ta’ attività ekonomika minħabba l-prattika tat-tariffi tal-awtoritajiet portwali.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-provvisti li normalment jiġu pprovduti għal remunerazzjoni jikkostitwixxu servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi. Il-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni hija li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tal-provvista inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew ir-rikorrenti f’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ remunerazzjoni tikkostitwixxi fattur rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 40, u tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punt 93).

77      F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-drittijiet tal-port kienu kklassifikati bħala “retribuzzjoni” mill-Qorti Kostituzzjonali Belġjana, li jeskludi li jittieħed inkunsiderazzjoni kwalunkwe komponent relatat mal-profitt, ma jikkontestax l-argument tal-Kummissjoni li dawn id-drittijiet jikkostitwixxu l-korrispettiv ekonomiku tal-provvista tas-servizz inkwistjoni.

78      Ċertament, kif isostnu r-rikorrenti, skont il-ġurisprudenza, iċ-ċirkustanza skont liema prodott jew servizz ipprovdut minn entità pubblika u marbut mal-eżerċizzju minn din l-entità ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika huwa pprovdut inkambju għal remunerazzjoni prevista mil-liġi, u mhux iddeterminata, direttament jew indirettament, minn din l-entità, ma hijiex biżżejjed sabiex tikklassifika l-attività mwettqa bħala attività ekonomika u l-entità li twettaqha bħala impriża (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ċirkustanza bħal din ma tistax, fiha nnifisha, tkun biżżejjed sabiex l-attività inkwistjoni tevita milli tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika.

79      Għandu jiġi nnutat ukoll, barra minn hekk, bħall-Kummissjoni fil-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-karatteristiċi tat-tariffi applikati mill-portijiet f’din il-kawża (reklamar, nondiskriminazzjoni, eċċ.) huma simili għal dawk għat-tariffi applikati fil-kuntest tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li fil-prinċipju huma suġġetti għal attivitajiet ekonomiċi u huma suġġetti għad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. Bl-istess mod, fil-maġġoranza l-kbira tal-provvisti ekonomiċi, il-prezzijiet huma wkoll pubbliċi, mhux diskriminatorji u stabbiliti minn qabel mill-fornitur b’mod unilaterali.

80      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-portijiet ma jsegwux loġika kummerċjali billi jistabbilixxu t-tariffi tagħhom, iżda huma maħsuba sabiex jagħtu effett lil kompiti tas-servizz pubbliku, għandu jitfakkar li l-fatt li l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi ssir mingħajr għan ta’ qligħ ma jostakolax li l-entità li twettaq tali tranżazzjonijiet fis-suq milli titqies bħala impriża, sakemm din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħra li għandhom għan ta’ qligħ (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27, u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congación de Escuelas Pías Provincia Beania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 46; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑347/09, EU:T:2013:418, punt 48).

81      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-prezzijiet huma stabbiliti unilateralment mill-portijiet taħt il-kontroll tal-kummissarju tal-port reġjonali ma jfissirx li t-talba ma tiġix ikkunsidrata. Għall-kuntrarju, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, il-portijiet iqisu ċ-ċirkustanzi tas-suq meta jiddeterminaw it-tariffi tagħhom, b’mod partikolari d-drittijiet tal-portijiet. F’dan ir-rigward, it-tariffi huma evidentement strument importanti tal-politika kummerċjali implimentata mill-portijiet sabiex iħeġġu lis-sidien tal-bastimenti u lit-trasportaturi marittimi sabiex jużaw l-infrastruttura tal-port u lill-impriżi sabiex jistabbilixxu ruħhom fih ħalli jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom ta’ produzzjoni jew ta’ servizz. Rigward, b’mod partikolari, il-portijiet ta’ Antwerpen u Zeebrugge, min-nota ta’ qiegħ il-paġna 46 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont l-Artikolu 25(3) tad-Digriet dwar il-Politika u l-Ġestjoni tal-Portijiet Marittimi tat‑2 ta’ Marzu 1999, “il-Gvern ta’ Vlaanderen u l-awtoritajiet portwali għandhom jiżviluppaw inizjattivi bil-għan li joħolqu […] strutturi tariffarji armonjużi fil-portijiet marittimi ta’ Vlaandereren sabiex jiżguraw pożizzjoni kompetittiva ġusta għall-portijiet marittimi ta’ Vlaanderen”.

82      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li d-drittijiet tal-port u t-tariffi ta’ konċessjoni mitluba mill-portijiet ikopru mill-inqas il-parti l-kbira tal-ispejjeż sostnuti minnhom meta joffru s-servizzi tagħhom fis-suq, kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-każ tal-port ta’ Antwerpen, dan id-dħul saħansitra qabeż it-tariffi kurrenti kollha fl-2015. Il-fatt li dan id-dħul jista’ jiffinanzja wkoll ċerti attivitajiet mhux ekonomiċi ma jnaqqasx mill-fatt li dawn huma imposti bi skambju għal attivitajiet ekonomiċi bħall-provvista tal-infrastruttura tal-port jew l-aċċess għall-infrastruttura tal-portijiet.

83      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq l-asenza ta’ attività ekonomika minħabba l-prattika tat-tariffi tal-portijiet għandu jiġi miċħud ukoll.

84      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, anki jekk il-portijiet iwettqu attivitajiet ekonomiċi, dawn huma attivitajiet purament aċċessorji li għaldaqstant jevitaw l-Artikolu 107(1) TFUE.

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li entità għandha prerogattivi, għall-eżerċizzju ta’ parti mill-attivitajiet tagħha, ta’ awtorita’ puibblika ma jipprekludix, fih innifsu, li tiġi kklassifikata bħala impriża fis-sens tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-bqija tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha (sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 74, u tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 25).

86      Ċertament, kif isostnu r-rikorrenti, skont il-ġurisprudenza, sa fejn entità pubblika twettaq attività ekonomika li tista’ tiġi separata mill-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tiegħu, din l-entità, fir-rigward ta’ dik l-attività, taġixxi bħala impriża, filwaqt li, jekk dik l-attività ekonomika tkun inseparabbli mill-eżerċizzju tal-preroga tagħha ta’ awtorita’ pubblika, l-attivitajiet kollha mwettqa mill-imsemmija entità jibqgħu attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 38, u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418, punt 29; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punti 71 sa 80).

87      F’din il-kawża, madankollu, la r-rikorrenti u lanqas ir-Renju tal-Belġju ma pproduċew provi konkreti sabiex juru li l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mill-portijiet ma jistgħux jinfirdu mill-prerogattivi tagħhom bħala awtorità pubblika, bħall-kontroll u sigurta’ tat-traffiku marittimu jew is-sorveljanza kontra t-tniġġis. Is-sempliċi fatt li jista’ jkun hemm rabta ekonomika bejn dawn l-attivitajiet, sa fejn l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet jippermettu l-finanzjament, għalkollox jew parzjalment, tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħhom, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura inseparabbli ta’ dawn l-attivitajiet, fis-sens tal-ġurisprudenza.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat ukoll li, f’din il-kawża, l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet ma jsirux obbligatorji bl-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħhom ta’ interess pubbliku u li, fl-assenza tagħhom, dawn l-attivitajiet mhux ekonomiċi mhux neċessarjament ikunu mċaħħda mill-utilità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 41, u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418, punt 41).

89      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet ma jistgħux jinfirdu mill-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali tagħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza (ara l-punt 86 iktar ’il fuq).

90      Barra minn hekk, ta’ min jinnota li la r-rikorrenti u lanqas ir-Renju tal-Belġju ma wrew li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet huma sekondarji jew aċċessorji għall-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali tagħhom.

91      Għall-kuntrarju, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 53 u 65 tad-deċiżjoni kkontestata, id-drittijiet tal-portijiet u t-tariffi ta’ konċessjoni jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tad-dħul mill-bejgħ tal-portijiet. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonfermaw li iktar minn 75 % tad-dħul tagħhom ġie ġġenerat minn tliet tipi ta’ attivitajiet, jiġifieri l-konċessjonijiet, in-navigazzjoni u l-irmonk. Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, kien mingħajr ma wettqet ebda żball ta’ valutazzjoni li l-Kummissjoni kklassifikat dawn l-attivitajiet ekonomiċi fid-deċiżjoni kkontestata.

92      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment li jallega li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet ma humiex ta’ natura aċċessorja għall-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ suq li fih l-awtoritajiet portwali joffru s-servizzi tagħhom

93      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li, fin-nuqqas tal-eżistenza ta’ suq li fih jiġu offruti s-servizzi tagħhom, l-awtoritajiet portwali ma jistgħux jitqiesu bħala impriżi. Fil-fatt, skont id-Digriet dwar il-Politika u l-Ġestjoni tal-Portijiet Marittimi tat-2 ta’ Marzu 1999, kien jinħoloq monopolju legali, fil-kuntest ta’ deċentralizzazzjoni tas-setgħat amministrattivi ta’ awtorità pubblika, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe kompetizzjoni potenzjali billi jiġi stabbilit fornitur esklużiv tas-servizz inkwistjoni. Għaldaqstant ma jkun hemm l-ebda “suq” għall-ġestjoni tal-portijiet ta’ Antwerpen u Bruggen, u dan jiġi kkonfermat minn rapport min-Nederlandse Mededingingsautoriteit (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi).

94      Ir-rikorrenti jfakkru, f’dan ir-rigward, li l-awtoritajiet portwali sempliċement jiffaċilitaw il-provvista ta’ servizzi minn terzi, jiġifieri impriżi tat-trażbord jew impriżi industrijali, fis-suq li fih dawn it-terzi huma attivi, b’mod partikolari billi jagħtu art taħt konċessjoni, mingħajr madankollu ma jeżerċitaw dawn l-attivitajiet ekonomiċi huma stess.

95      Barra minn hekk, il-ġestjoni ta’ portijiet għandha tkun differenzjata mill-ġestjoni ta’ ajruporti, li għaliha l-leġiżlazzjoni interna tikkonferma l-ambjent tas-suq u għalhekk il-kompetizzjoni, fejn l-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ ajruport jitwettqu.

96      Fir-replika, ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni, minn naħa, li b’mod żbaljat ikkonkludiet li kien hemm suq għall-fatt li huma offrew is-servizzi tagħhom għal remunerazzjoni u, min-naħa l-oħra, talli ma eżaminatx jekk operaturi oħra kinux lesti u kapaċi jipprovdu s-servizzi inkwistjoni fis-suq ikkonċernat, konformement mal-paragrafu 14 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” kif imsemmi fl-Artikolu107(1) tat-Trattat TFUE.

97      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

98      Ta’ min jinnota f’dan ir-rigward li entità b’monopolju legali tista’ toffri prodotti u servizzi fis-suq u għaldaqstant tkun “impriża” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, kif indikat mill-Kummissjoni fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kunċett ta’ attività ekonomika huwa kunċett oġġettiv, li jirriżulta mill-punti ta’ fatti, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ suq għas-servizzi kkonċernati u ma jiddependix mill-għażliet jew l-evalwazzjonijiet nazzjonali.

99      F’din il-kawża, kif ikkonstatat preċedentement, ir-rikorrenti jwettqu huma stess l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ikklassifikati bħala ekonomiċi mill-Kummissjoni fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 49 iktar ’il fuq). Madankollu, anki jekk, kif jiddikjaraw ir-rikorrenti, li huma jiddikjaraw monopolju legali u li ma jkunx hemm operaturi privati tal-portijiet fil-Belġju li jkunu f’kompetizzjoni magħhom għal dawn l-attivitajiet, għandu jiġi nnutat li, kif ikkonfermat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, hemm kompetizzjoni fil-livell tal-Unjoni bejn il-portijiet marittimi differenti, b’mod partikolari fuq ir-rotta Hamburg-Rotterdam-Antwerpen, sabiex jiġu attirati bastimenti jew fornituri oħra tas-servizzi, li r-rikorrenti ma jikkontestawx dan. Għaldaqstant huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jqisu li ma hemm ebda suq għal dawn l-attivitajiet mill-fatt biss li jibbenefikaw minn monopolju naturali u legali fil-Belġju sabiex jeżerċitawhom.

100    Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għal rapport mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li juri li ma hemmx kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-portijiet. Ta’ min jinnota, madankollu, li dan ir-rapport, li jirrigwarda speċifikament is-sitwazzjoni kompetittiva tal-port ta’ Rotterdam fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, jidher li ftit għandu rilevanza sabiex jistabbilixxi, f’termini ġenerali, l-assenza ta’ attività ekonomika tal-portijiet. Barra minn hekk, dan ir-rapport jikkonstata biss il-kompetizzjoni limitata bejn l-awtoritajiet portwali fl-iffissar tat-tariffi tal-portijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi, mingħajr ma jikkonkludi b’dan li l-provvista tal-infrastruttura tal-portijiet kif ukoll l-allokazzjoni ta’ artijiet industrijali ma jkunux attivitajiet ekonomiċi.

101    Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li l-operat kummerċjali u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tal-port jew tal-ajruport għal tali operat kummerċjali kienu jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 78, tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punti 40 sa 43, u fil‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il-Kummissjoni, T‑108/16, appellata, EU:T:2018:145, punt 119).

102    F’dan ir-rigward, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-ġestjoni tal-portijiet għandha tkun differenzjata minn dik tal-ajruporti. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, il-fatt li l-operat ta’ ċerti ajruporti jseħħ fuq il-bażi ta’ konċessjoni ma jfissirx li l-operat ta’ ajruport jew port minn impriża pubblika jew li għandha prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma jikkostitwixxix attività ekonomika.

103    Barra minn hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il-Kummissjoni (T‑108/16, EU:T:2018:145), għalkemm huwa minnu li kienet tirrigwarda prinċipalment li jiġi eżaminat jekk impriża li tuża l-port, li tgawdi dritt esklużiv li twettaq fih attivitajiet kummerċjali, kinitx, minn dan il-fatt, benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod espliċitu fil-punt 119 ta’ dik is-sentenza li l-attività li biha l-ġestjonarju tal-port jopera l-infrastruttura tal-port u għamilha disponibbli għal kumpannija ta’ trasport marittimu utenti, permezz tal-ħlas ta’ taxxi tal-port, kienet tikkostitwixxi attività “ekonomika”.

104    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jinvokaw il-paragrafu 14 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE sabiex jargumentaw li hija kellha teżamina jekk operaturi oħra kinux lesti u kapaċi jipprovdu s-servizzi inkwistjoni fis-suq ikkonċernat. Dan il-paragrafu jipprevedi li:

“Id-deċiżjoni ta’ awtorità pubblika li ma tippermettix li partijiet terzi jipprovdu ċertu servizz (pereżempju, minħabba li tixtieq tipprovdi s-servizz internament) ma teskludix l-eżistenza ta’ attività ekonomika. Minkejja tali limitazzjoni fl-aċċess għas-suq, attività ekonomika tista’ teżisti fejn operaturi oħra jkunu lesti u kapaċi jipprovdu s-servizz fis-suq konċernat. B’mod iżjed ġenerali, il-fatt li servizz partikolari jiġi pprovdut internament ma għandu l-ebda rilevanza fuq in-natura ekonomika tal-attività.”

105    Il-Kummissjoni ċċarat fil-kontroreplika u waqt is-seduta li l-paragrafu 14 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE ma setax jiġi invokat b’mod utli mir-rikorrenti, minħabba li f’din il-kawża kienu qegħdin jipprovdu direttament ċerti servizzi huma stess, li, skont dak il-paragrafu, ma kienx biżżejjed sabiex jitqies li ma jkun hemm l-ebda attività ekonomika. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li impriżi privati oħrajn jistgħu jkunu kapaċi u lesti li jwettqu l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mir-rikorrenti, jekk dawk l-attivitajiet kienu fil-fatt miftuħa għall-kompetizzjoni u ma kinux suġġetti għal monopolju legali.

106    Għaldaqsant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha wkoll tiġi miċħuda.

107    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata meta qieset li l-attivitajiet imwettqa mill-portijiet Belġjani kienu — għall-anqas parzjalment — attivitajiet ekonomiċi.

108    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni u t-tielet aggravju, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-kriterju ta’ selettività

109    Skont it-tieni u t-tielet aggravju tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw ksur tal-kriterju ta’ selettività previst fl-Artikolu 107(1) TFUE.

110    Qabel ma jiġu eżaminati l-ilmenti differenti tar-rikorrenti u tar-Renju tal-Belġju fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ motivi, għandha titfakkar il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi konkluż li l-miżura inkwistjoni hija selettiva kif ukoll il-ġurisprudenza rilevanti.

 Sommarju tal-analiżi tal-Kummissjoni dwar in-natura selettiva tal-miżura fid-deċiżjoni kkontestata

111    Fil-punt 5.1.4 tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikata għan-natura selettiva tal-miżura, il-Kummissjoni sostniet qabel kollox li ma kienx ikkontestat li l-portijiet Belġjani ma ħallsux l-ISoc. Il-bażi ta’ din l-assenza ta’ pagament tal-ISoc setgħet kienet, skont l-awtoritajiet Belġjani, kemm l-Artikolu 180(2) taċ-CIR jew l-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Il-Kummissjoni mbagħad analizzat f’żewġ stadji, skont jekk l-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR kinux il-bażi legali għan-nuqqas ta’ pagament tal-ISoc mill-portijiet Belġjani (iktar ’il quddiem it-“tieni ipoteżi”), jew skont jekk il-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR jikkostitwixxix il-bażi legali għan-nuqqas ta’ pagament tal-ISoc mill-portijiet Belġjani (iktar ’il quddiem l-“ewwel ipoteżi”).

113    Fl-ewwel lok, fil-kuntest tat-tieni ipoteżi, il-Kummissjoni analizzat l-argument tal-awtoritajiet Belġjani li l-Artikolu 180(2) taċ-CIR jislet biss il-konsegwenzi mir-regoli ġenerali li jinsabu fl-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR u b’hekk ma jikkostitwixxix deroga mis-sistema ta’ riferenza (premessi 82 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li tali interpretazzjoni kienet essenzjalment ibbażata fuq l-ipoteżi li l-attivitajiet imwettqa mill-portijiet neċessarjament jeskludu li huma jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kumpanniji” għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul (ta’ persuni ġuridiċi residenti) filwaqt li jikkostitwixxu “impriżi” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Issa, il-Kummissjoni tqis, għall-kuntrarju, li l-portijiet huma fil-prinċipju “kumpanniji” għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul minħabba l-essenzjal tal-attivitajiet tagħhom u li huma jwettqu attivitajiet ekonomiċi tali li jikklassifikahom bħala “impriżi” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (premessi 84 u 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tinnota, barra minn hekk, li l-ipoteżi li fuqha huwa bbażat ir-raġunament tal-awtoritajiet Belġjani tikkontradixxi l-kummenti uffiċjali taċ-CIR, testi interni oħrajn u kif ukoll ċerti dikjarazzjonijiet uffiċjali mill-Gvern Belġjan (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

114    B’hekk, il-Kummissjoni indikat li ma hijiex tal-istess fehma li tgħid li, anki kieku l-Artikolu 180(2) taċ-CIR kellu jitneħħa, il-portijiet ma jkunux suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji skont il-kriterji ġenerali tal-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR. Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni tikkontesta li r-regoli dwar l-IPM ikkostitwixxew is-sistema ta’ referenza għat-taxxa tal-portijiet. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni normali tar-regoli ġenerali tad-dritt Belġjan twassal sabiex il-portijiet ikunu suġġetti għall-ISoc fuq il-bażi tad-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (premessi 87 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

115    Il-Kummissjoni ċċarat ukoll li, anki jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni — jew l-interpretazzjoni tagħhom mill-amministrazzjoni —setgħu kienu ser jirriżultaw f’nuqqas ta’ pagament tal-ISoc mill-portijiet Belġjani, dawn ir-regoli jintroduċu diskriminazzjoni bejn “impriżi” involuti f’attivitajiet ekonomiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 107 TFUE. Bħall-punt 2 tal-Artikolu 180(2) taċ-CIR fl-analiżi esposta iktar ’il quddiem, dawn ir-regoli, jew is-sistema Belġjana tat-taxxa fuq id-dħul kollha kemm hi, ikunu b’hekk is-sors tal-vantaġġi mogħtija lil ċerti “impriżi”, jiġifieri l-portijiet, filwaqt li dawk l-impriżi jinsabu, fir-rigward tal-profitti magħmula minn “attivitajiet ekonomiċi”, f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik impriżi oħra (persuni ġuridiċi residenti) suġġetti għall-ISoc fir-rigward tal-għan tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi residenti — li huwa li jiġu ntaxxati l-profitti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-portijiet ma kinux konformi mal-“prinċipji operattivi partikolari li jiddistingwuhom b’mod ċar minn operaturi ekonomiċi oħra” suġġetti għall-ISoc. B’mod partikolari, il-fatt li l-portijiet ma jsegwux għan ta’ qligħ ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqies li dawn huma f’sitwazzjoni differenti minn operaturi oħrajn suġġetti għall-ISoc, skont il-Kummissjoni. F’din l-ipoteżi, skontha, is-sistema Belġjana stess hija selettiva (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

116    Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, għalkemm l-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR ikkostitwixxew il-bażi legali tan-nuqqas ta’ pagament tal-ISoc mill-portijiet Belġjani, dan in-nuqqas ta’ pagament huwa miżura prima facie selettiva fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni analizzat l-ewwel ipoteżi, ippreferuta mill-Kummissjoni, li skontha l-Artikolu 180(2) taċ-CIR jikkostitwixxi l-bażi legali għan-nuqqas ta’ pagament tal-ISoc mill-portijiet Belġjani, bħala deroga mill-kuntest ta’ referenza, magħmul mill-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR (premessi 92 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

118    F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat, l-ewwel nett, li s-sistema ta’ referenza f’dan il-każ kienet ikkostitwita mir-regoli tat-taxxa ġenerali li jirriżultaw mill-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR, filwaqt li l-punt 2 tal-Artikolu 180(2) ikun jikkostitwixxi deroga minn dawn ir-regoli tat-taxxa ġenerali. Fil-fatt, l-Artikolu 1 taċ-CIR jistabbilixxi, għall-persuni ġuridiċi residenti fil-Belġju, sistema b’żewġ livelli ta’ tassazzjoni fuq id-dħul: jissottometti lill-“kumpanniji” għall-ISoc u lill-“persuni ġuridiċi minbarra l-kumpanniji” għall-IPM. L-Artikolu 2 taċ-CIR jinkludi l-kriterji li jiddefinixxu l-“kumpanniji” u għalhekk jiddetermina l-persuni ġuridiċi li għandhom ikunu suġġetti għall-ISoc u, b’eliminazzjoni, dawk li d-dħul tagħhom għandu jiġi sottomess għall-IPM. L-Artikolu 179 taċ-CIR jikkonferma wkoll li l-kontribwenti suġġetti għall-ISoc huma l-kumpanniji residenti. Issa, skont il-Kummissjoni, il-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR jeżenta lill-portijiet mill-ISoc mingħajr kundizzjonijiet, mingħajr ma japplika l-kriterji ġenerali ta’ kondiviżjoni bejn l-ISoc u t-taxxa fuq il-persuni ddefiniti fl-Artikoli 1 u 2, jiġifieri mingħajr ma titqies il-kwalità ta’ “kumpanniji” (jew mhux) tal-imsemmija portijiet (premessi 93 u 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

119    It-tieni nett, il-Kummissjonmi tqis li din id-deroga mis-sistema ta’ referenza li tintroduċi distinzjoni bejn l-operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema fiskali ta’ referenza, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Fil-fatt, tkun xi tkun is-sistema ta’referenza adottata (ISoc jew tassazzjoni fuq id-dħul ta’ persuni ġuridiċi residenti b’mod ġenerali), l-għan tat-taxxa fuq id-dħul huwa li jiġi ntaxxat id-dħul, li huwa objettiv li abbażi tiegħu, l-impriżi kollha huma, fir-rigward tal-profitti li jagħmlu mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali. Il-fatt li l-portijiet ma għandhomx għan ta’ qligħ jew li jagħtu inqas attenzjoni lid-dħul mill-investiment fuq perijodu ta’ żmien qasir, ma jibdel xejn minn din l-evalwazzjoni. Il-fatt li l-portijiet Belġjani huma proprjetà ta’ awtoritajiet pubbliċi jew li huma kkontrollati minnhom, jew li jwettqu, b’mod partikolari, attivitajiet mhux ekonomiċi, bħal kompiti li jaqgħu fi ħdan l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, ma jfissirx li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali differenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ISoc għad-dħul iġġenerat mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (premessi 97 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata).

120    Il-Kummissjoni għaldaqstant ikkonkludiet minn dan li l-miżura kienet prima facie selettiva sa fejn kienet tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

121    Fit-tielet lok, tkun xi tkun l-ipoteżi użata, il-Kummissjoni eżaminat ġustifikazzjoni possibbli tal-miżura min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa. Hija fakkret, l-ewwel nett, li l-konformità ta’ miżura mad-dritt nazzjonali ma setgħetx, bħala tali, tikkostitwixxi ġustifikazzjoni mill-ekonomija tal-iskema sakemm ma ntweriex li din il-ġustifikazzjoni rriżultat mill-karatteristiċi inerenti fis-sistema tat-taxxa ta’ referenza. Barra minn hekk, hija osservat li l-assenza ta’ diskriminazzjoni fid-dritt nazzjonali ma tippreġudikax l-assenza ta’ selettività skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Bl-istess mod, peress li l-kriterju deċiżiv għall-issuġġettar għall-ISoc jew għall-IPM huwa l-eżerċizzju, mill-entità inkwistjoni, ta’ “attività operattiva” jew ta’ “operazzjonijkiet ta’ natura ta’ qligħ” (ara l-Artikolu 2 taċ-CIR), il-fatti allegati li l-portijiet huma eżentati mill-ISoc minħabba li ma jqassmux il-profitt tagħhom iżda jinvestuhom mill-ġdid, isegwu objettiv li jmur lil hinn mill-interess individwali tagħhom, li ma għandhomx objettiv statutorju li jagħmlu l-profitti, li huma parti mill-awtoritajiet pubbliċi u li jwettqu kompiti ta’ interess ġenerali, ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw trattament fiskali iktar favorevoli minn dak ta’ kumpanniji residenti oħra fid-dawl tal-prinċipji gwida tas-sistema fiskali. Barra minn hekk, il-fatt allegat li r-riżorsi tal-portijiet mhux dejjem ikopru l-ispejjeż tagħhom jew il-fatt li ċerti spejjeż mhux inerenti fl-għan tan-negozju ta’ impriża ma jkunux deduċibbli mill-ISoc, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 49 taċ-CIR, lanqas ma jiġġustifika l-eżenzjoni tal-portijiet mill-ISoc. Insegwitu, il-fatt li l-eżenzjoni mill-ISoc favur il-portijiet kienet tirriżulta minn prinċipju ġenerali tad-dritt jew saħansitra tal-Kostituzzjoni Belġjana stess, anki jekk kienet stabbilita, mhux talli mhux neċessarjament li tiġġustifika din l-eżenzjoni min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema, sa fejn kwalunkwe kunsiderazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali jew kostitwenti nazzjonali jistgħu jkunu tkun esterni għall-funzjonament xieraq tas-sistema tat-taxxa jew għal-linji gwida prinċipji tagħha (premessi 103 sa 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, l-argumenti tal-awtoritajiet Belġjani u tal-partijiet interessati marbuta mal-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza nazzjonali sabiex issir evalwazzjoni dwar jekk persuna ġuridika tkunx “kumpannija” fis-sens tal-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR (assenza ta’ metodi industrijali u kummerċjali b’mod partikolari) huma ineffettivi sabiex juru l-ġustifikazzjoni tal-miżura permezz tal-loġika intrinsika tas-sistema fiskali, peress li fil-fatt dawn huma maħsuba sabiex jagħtu prova li l-portijiet ma humiex “kumpanniji”, u f’dan il-każ in-nuqqas ta’ ssuġġettar għall-ISoc ikun selettiv bil-fatt stess tal-għażla tal-kriterji użati sabiex jiġu stabbiliti l-limiti tas-sistema ta’ referenza u mhux minħabba xi deroga minn din is-sistema ta’ referenza li tista’ tiġi ġġustifikata (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti

124    L-Artikolu 107(1) TFUE jipprevedi li “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

125    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, irid jagħti vantaġġ selettiv lir-riċevitur. Ir-raba’, għandu joħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et al, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53; tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni v FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, puntT 43, u tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑208/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:506, punt 79).

126    Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex tali li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għaldaqstant jirċievu trattament differenzjat li essenzjalment jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Barra minn hekk, meta l-miżura inkwistjoni tkun maħsuba bħala sistema ta’ għajnuna u mhux bħala għajnuna individwali, tkun il-Kummissjoni li jkollha tistabbilixxi jekk din il-miżura, minkejja li hija tipprevedi vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħtix il-benefiċċju esklużiv lil ċerti impriżi jew lil ċerti setturi ta’ attività (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punti 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    L-eżami tas-selettività ta’ miżura, b’mod partikolari fi kwistjonijiet ta’ taxxa, hija b’hekk maħsuba sabiex tistabbilixxi jekk tiffavorixxix “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew jekk, għall-kuntrarju, hija tikkostitwixxix miżura ġenerali tal-politika fiskali, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-impriżi kollha li jinsabu fit-territorju nazzjonali (ara, f’dan għal dak l-effett, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 35; tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 73, u tat‑18 ta’ Lulju 2013 P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 18).

129    F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha tidentifika, l-ewwel nett, is-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat u turi, sussegwentement, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn hija tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema komuni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Madankollu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jkoprix il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan persegwit mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxilu juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata peress li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jagħmlu parti minnha l-miżuri (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

131    L-eżami tal-kundizzjoni dwar is-selettività għaldaqstant jimplika, bħala regola, li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, il-qafas ta’ referenza li fih taqa’ l-miżura kkonċernata, u din id-determinazzjoni għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, peress li l-eżistenza stess ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss b’rabta ma’ taxxa hekk imsejħa “normali” (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑208/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:506, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ sistema tat-taxxa bħala sistema tat-taxxa “selettiva” ma hijiex suġġetta għall-fatt li hija mfassla b’tali mod li l-impriżi li jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ selettiv huma, b’mod ġenerali, suġġetti għall-istess piżijiet tat-taxxa bħall-impriżi oħra, iżda jgawdu minn derogi, sabiex il-vantaġġ selettiv ikun jista’ jiġi identifikat bħala d-differenza bejn il-piż tat-taxxa normali u dik imġarrba minn dawk l-impriżi tal-ewwel (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 91, u tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑208/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:506, punt 87).

133    Fil-fatt din l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ selettività tippreżupponi li sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “selettiva”, sistema fiskali għandha tkun stabbilita skont ċerta teknika leġiżlattiva, fatt li jkollu bħala konsegwenza li regoli fiskali nazzjonali jaqgħu mill-ewwel barra l-kontroll fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat minħabba s-sempliċi fatt li dawn jaqgħu taħt teknika leġiżlattiva oħra minkejja li dawn jipproduċu, fid-dritt u/jew fil-fatt, permezz tal-aġġustament u l-għaqda ta’ diversi regoli fiskali, l-istess effetti. B’hekk tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita skont liema l-Artikolu 107(1) TFUE ma jiddistingwix bejn il-kawżi u l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom, u għaldaqstant indipendentement mit-tekniki użati (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑208/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:506, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Barra minn hekk, minn dik l-istess ġurisprudenza jirriżulta bara minn hekk li, għalkemm, għall-finijiet tal-istabbiliment tas-selettività ta’ miżura fiskali, it-teknika leġiżlattiva wżata ma tkunx deċiżiva, hekk li ma jkunx dejjem neċessarju li tkun ta’ natura derogatorja minn sistema fiskali komuni, il-fatt li din ikollha karattru bħal dan billi tuża din it-teknika leġiżlattiva rilevanti għal dawn l-għanijiet fejn jirriżulta li żewġ kategoriji ta’ operaturi huma distinti u fil-prinċipju huma s-suġġett ta’ trattament differenzjat, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-miżura ta’ deroga u dawk li jkomplu jiġu koperti mis-sistema tat-taxxa komuni, anki jekk dawk iż-żewġ kategoriji huma f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 77; tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑208/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:506, punt 90, u tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 33).

135    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati t-talbiet individwali tar-rikorrenti u tar-Renju tal-Belġju.

136    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq li tiġi eżaminata s-selettività tal-miżura inkwistjoni — jiġifieri l-eżenzjoni għall-portijiet mill-ISoc skont l-Artikolu 180(2) taċ-CIR — f’żewġ stadji, kif il-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, skont jekk l-Artikolu 180(2) taċ-CIR jikkostitwixxix deroga mill-kuntest ta’ referenza kkostitwit mill-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR (ara l-punti 117 sa 120 iktar ’il fuq) jew parti integrali mill-qafas ta’ referenza (ara l-punti 113 sa 116 iktar ’il fuq).

 Dwar is-selettività tal-miżura inkwistjoni fl-ipoteżi li l-Artikolu 180(2) taċ-CIR jikkostitwixxi deroga mill-kuntest ta’ referenza

–       L-ilment ibbażat fuq identifikazzjoni mhux korretta tal-qafas ta’ referenza

137    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, jargumentaw li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet selettiva meta qieset, l-ewwel nett, li l-ISoc kienet is-sistema ta’ referenza għal entitajiet bħar-rikorrenti u, it-tieni nett, li l-issuġġettar tal-portijiet għall-IPM kien jikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza, li wassal f’differenza fit-trattament bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan tas-sistema fiskali kkonċernata, kienu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

138    B’hekk, skont ir-rikorrenti, l-eżenzjoni għall-portijiet Belġjani mill-ISoc skont l-Artikolu 180(2) hija biss applikazzjoni sempliċi tar-regoli ġenerali tal-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR. Ir-rikorrenti jargumentaw ukoll li l-kummentarju uffiċjali taċ-CIR, li fuqu l-Kummissjoni bbażat fid-deċiżjoni kkontestata, jiddikjara biss li l-persuni ġuridiċi li huma eżentati mingħajr kundizzjonijiet mill-ISoc, b’applikazzjoni tal-Artikolu 180(2) taċ-CIR, jistgħu, fil-prinċipju, jitqiesu bħala persuni taxxabbli suġġetti għall-ISoc. Għalhekk ma jkunx possibbli li wieħed jiddeduċi minn dan il-kummentarju li t-tħassir tal-Artikolu 180(2) taċ-CIR iwassal awtomatikament sabiex il-portijiet ikunu suġġetti b’mod speċifiku għall-ISoc. Il-fatt li wieħed ikun suġġett għall-IPM ma jistax fih innifsu jitqies bħala deroga mill-qafas ta’ referenza.

139    Skont ir-Renju tal-Belġju, l-entitajiet suġġetti għat-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi huma kkaratterizzati, minn naħa waħda, mill-fatt li ma jinvolvux ruħhom fl-operat la ta’ tranżazzjonijiet bi għan ta’ qligħ u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li jsegwu għan li jmur lil hinn mill-interess personali tagħhom jew dak tal-azzjonisti tagħhom. Fir-rigward tal-awtoritajiet portwali, anki jekk dawn l-awtoritajiet b’mod marġinali jwettqu attivitajiet ekonomiċi, l-asenza ta’ għan ta’ qligħ u n-natura ta’ interess ġenerali tal-kompiti tagħhom jiġġustifikaw li ma jkunux suġġetti għall-ISoc. Il-Kummissjoni, billi tagħmel konnessjoni awtomatika bejn l-attività ekonomika u l-ISoc tikser il-kunċett ta’ kumpannija fid-dritt Belġjan, li jkun ikkaratterizzat minn għan ta’ qligħ, jiġifieri, li jagħti lill-azzjonisti benefiċċju patrimonjali dirett jew indirett.

140    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

141    F’dak ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx fid-deċiżjoni kkontestata li s-sistema ta’ referenza kienet tikkonsisti biss mill-ISoc, li għaliha jidderogaw sistemi oħra ta’ tassazzjoni. Fil-fatt, mill-premessi 83 u 93 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li s-sistema ta’ referenza f’dan il-każ kienet tikkonsisti minn regoli fiskali ġenerali li jirriżultaw mill-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR, li jiddikjara li “l-kumpanniji” huma suġġetti għall-ISoc, filwaqt li l-persuni ġuridiċi residenti għajr il-“kumpanniji” huma suġġetti għat-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi. Madankollu, il-Kummissjoni eżaminat jekk, skont dawn ir-regoli ġenerali, il-portijiet jaqgħux, fil-prinċipju, fil-kunċett ta’ “kumpannija”, kif imsemmi fl-Artikolu 2(5) taċ-CIR, sabiex l-Artikolu 180(2) taċ-CIR jiġi interpretat bħala deroga mis-sistema ta’ referenza favur tagħhom, jew jekk, fl-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli ġenerali, huma naturalment jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IPM, hekk li l-Artikolu 180(2) taċ-CIR ikollu effett purament dikjaratorju.

142    L-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod żbaljat is-sistema ta’ referenza bħala ISoc huwa għalhekk ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk għandu jiġi miċħud.

143    Insegwitu, għandu jiġi osservat li l-approċċ propost mir-rikorrenti u r-Renju tal-Belġju, li skontu l-Artikolu 180(2) taċ-CIR ma jikkostitwixxix deroga mill-qafas ta’ referenza, jikkorrispondi għat-tieni ipoteżi eżaminata mill-Kummissjoni, fil-premessi 82 sa 97 għad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġi stabbilita s-selettività tal-miżura inkwistjoni (ara l-paragrafi 113 sa 116 iktar ’il fuq).

144    Sabiex tiċħad dan l-approċċ, il-Kummissjoni bbażat ruħha essenzjalment fuq il-fatt li l-portijiet kienu fil-prinċipju “kumpanniji” għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul għall-essenzjal tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom, li kienu attivitajiet ekonomiċi. Għalhekk hija ddeċidiet li, fl-assenza tal-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR, il-portijiet normalment ikunu suġġetti għall-ISoc u ċaħdet l-idea li, bis-saħħa ta’ applikazzjoni “normali” tal-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR, il-portijiet ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi u mhux għall-ISoc.

145    Għandu jiġi kkonstatat li dan ir-raġunament ma huwiex ivvizzjat minn xi żball ta’ evalwazzjoni.

146    Fil-fatt, l-Artikolu 1 taċ-CIR jiddefinixxi l-ISoc bħala “taxxa fuq id-dħul globali tal-kumpanniji residenti”, filwaqt li l-IPM hija ddefinita bħala “taxxa fuq id-dħul ta’ persuni ġuridiċi Belġjani li ma humiex kumpanniji”, mingħajr speċifikazzjoni ulterjuri.

147    Il-punt 5 tal-Artikolu 2(5) taċ-CIR li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa wkoll parti mill-qafas ta’ referenza, jiddefinixxi wkoll x’inhu mfisser b’“kumpannija” u b’“kumpannija residenti”. It-terminu “kumpannija” huwa b’hekk iddefinit fil-punt 5(a) tal-Artikolu 2 taċ-CIR bħala “kwalunkwe kumpannija, assoċjazzjoni, stabbiliment jew korp ikkostitwit b’mod regolari li għandu personalità ġuridika u li hija involuta f’operat jew fi tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ”. Il-“kumpannija residenti” hija ddefinita fil-punt 5(b) tal-Artikolu 2 taċ-CIR bħala “kumpannija residenti: kwalunkwe kumpannija li għandha s-sede tagħha, il-post prinċipali tan-negozju jew is-sede ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni fil-Belġju u li ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji”.

148    Mistoqsija dwar dan ir-rigward permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura kif ukoll waqt is-smigħ, il-partijiet jirrikonoxxu li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk persuna ġuridika residenti għandhiex tkun suġġett għall-ISoc jew għal taxxa fuq persuni ġuridiċi huwa jekk dik l-entità tkunx involuta jew le f’“operat jew fi tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(5)(a) taċ-CIR.

149    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-portijiet humiex involuti f’“operat jew tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(5)(a) taċ-CIR u jekk jaqgħux, fil-prinċipju, fid-definizzjoni ta’ “kumpannija” prevista fl-imsemmi artikolu.

150    F’dan ir-rigward, kif spjegat mir-rikorrenti bħala tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Il-fatt li tkun involuta f’“operat b’għan ta’ qligħ”, jirreferi, skont il-kummentarju 179/10 tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana għal “l-operat ta’ kwalunkwe impriża industrijali, kummerċjali jew agrikola”, li l-profitti tagħha jikkostitwixxu qligħ professjonali suġġett għat-taxxa ta’ persuni fiżiċi għal dan il-għan, jekk dan l-operat ikun sar minn persuna fiżika jew minn kumpannija li ma għandhiex personalità ġuridika. Fir-rigward tat-terminu “involuta f’operat b’għan ta’ qligħ”, ikopri kemm l-“attivitajiet bi qligħ”, fis-sens ta’ attività b’għan ta’ qligħ u l-attivitajiet bi qligħ, iżda mhux b’għan ta’ qligħ, li huwa kkaratterizzat minn attività professjonali permanenti, inkluż kemm ir-repetizzjoni li hija frekwenti biżżejjed sabiex tikkostitwixxi “okkupazzjoni” ta’ tranżazzjonijiet industrijali, kummerċjali jew agrikoli, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ metodi industrijali jew kummerċjali. Barra minn hekk, skont il-kummentarju 182/10 taċ-CIR, persuna ġuridika timplimenta metodi industrijali u kummerċjali meta taħdem ma’ objettiv ekonomiku, organizzazzjoni jew strateġija ekonomika u tuża metodi ta’ ġestjoni bbażati l-iktar essenzjalment fuq il-kunċetti ta’ spejjeż, dħul u profittabbiltà.

151    Għaldaqstant, għalkemm, kif isostnu r-rikorrenti u r-Renju tal-Belġju  l-kunċetti ta’ “attività ekonomika” u “tranżazzjonijiet bi profitt” ma jikkoinċidux għalkollox, jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, fid-dawl tal-attivitajiet tagħhom imsemmija qabel (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), il-portijiet iwettqu tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ, fis-sens tal-punt 5(a) tal-Artikolu 2 taċ-CIR.

152    Skont ir-Renju tal-Belġju, madankollu, il-“kumpannija” tkun prinċipalment ikkaratterizzata, għall-kuntrarju ta’ kwalunkwe persuna ġuridika residenti oħra, bl-għan ta’ profitt. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-Artikolu 1 tal-Kodiċi Belġjan dwar il-Kumpanniji, li jipprevedi li “kumpannija għandha tkun ikkostitwita minn kuntratt li permezz tiegħu żewġ persuni jew iktar jagħtu xi ħaġa komuni, sabiex iwettqu attività speċifika waħda jew iktar u bil-għan li jipprovdu lill-azzjonisti bi qligħ dirett jew indirett”.

153    Madankollu, għandu jiġi nnutat li, bħall-Kummissjoni, ma jirriżultax mill-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR — li jiffurmaw il-qafas ta’ referenza rilevanti f’dan il-każ — li l-għan tal-profitt ikun distinzjoni determinanti f’dan ir-rigward, peress li l-punt 5 tal-Artikolu 2 taċ-CIR ma jirreferix għal għan ta’ qligħ, iżda minflok għal “operat jew tranżazzjonijiet li jagħmlu profitt”.

154    Meta ġew mistoqsija dwar din il-kwistjoni permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti u r-Renju tal-Belġju rrikonoxxew, minn naħa, li l-kunċett ta’ operat jew tranżazzjonijiet “li jagħmlu profitt”, imsemmi fl-Artikolu 2(5)(a) taċ-CIR, ma kienx neċessarjament jikkoinċidi ma’ dak ta’ “għan ta’ qligħ”. Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-kummentarju 179/11 tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana li interpretat din id-dispożizzjoni, li skontha l-espressjoni “tranżazzjonijiet bi profitt” tkopri wkoll it-tranżazzjonijiet bi profitt imwettqa mingħajr għan ta’ qligħ, li huma ekwivalenti għal attività professjonali permanenti, peress li dawn jinkludu jew ir-repetizzjoni li hija frekwenti biżżejjed sabiex jikkostitwixxu okkupazzjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali jew agrikoli, jiġifieri l-implimentazzjoni ta’ metodi industrijali jew kummerċjali.

155    Barra minn hekk, mill-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li impriżi oħra wkoll jerġgħu jinvestu l-profitt tagħhom, u jsegwu objettivi li jmorru lil hinn mill-interess individwali tagħhom jew jiġġeneraw effetti fuq l-ekonomija li jmorru lil hinn mill-interess individwali tagħhom mingħajr ma jiġu eżentati mill-ISoc għal din ir-raġuni. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 83 tad-deċiżjoni kkontestata, b’hekk isir riferiment għall-fatt li ċerti assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali, li jwettqu wkoll kompiti ta’ interess ġenerali u li ġew stabbiliti għall-finijiet ta’ interess pubbliku, reċentement kienu suġġetti għall-ISoc fil-Belġju, li r-rikorrenti u r-Renju tal-Belġju rrikonoxxew fit-tweġibiet tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Għandu jiġi kkonstatat, għaldaqstant, li t-twettiq ta’ kompiti ta’ interess ġenerali, l-għan statutorju li ma jiġux ikkunsidrati l-profitti jew l-istatus pubbliku tas-soċji ma humiex il-kriterji determinanti li abbażi tagħhom hija bbażata l-iskema fiskali inkwistjoni.

156    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, ma huwiex għalhekk evidenti mil-loġika stess tal-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR li l-punt 2 tal-Artikolu 180 ma jkollu l-ebda portata ġuridika u jkun purament dikjaratorju. Għall-kuntrarju, kif issostni l-Kummissjoni, mil-loġika ta’ dawk id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kumpanniji residenti li huma involuti f’operat jew tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ għandhom, fil-prinċipju, ikunu suġġetti għall-ISoc. Il-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR għalhekk jistabbilixxi eżenzjoni inkundizzjonata mill-ISoc favur il-portijiet ikkonċernati, sal-punt li dawn iwettqu tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ profitt fis-sens tal-Artikolu 2(5)(a) taċ-CIR. Konsegwentement, l-Artikolu 180(2) taċ-CIR ma jiffurmax parti integrali jew ma jaqax taħt il-loġika stess tal-kuntest ta’ riferiment, kif ir-rikorrenti u r-Renju tal-Belġju jippruvaw isostnu, iżda jikkostitwixxi deroga minn dan il-kuntest.

157    Din il-konklużjoni hija sostnuta mid-diversi provi li tressqu mill-Kummissjoni b’mod konvinċenti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali bħal, b’mod partikolari, il-kummenti uffiċjali taċ-CIR mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana u l-pożizzjonijiet uffiċjali meħuda mill-awtoritajiet Belġjani li saru f’tempore non suspecto li, fil-prinċipju, jaqgħu fid-definizzjoni tat-terminu “kumpannija” previst fil-punt 5 tal-Artikolu 2 taċ-CIR.

158    B’hekk, l-ewwel nett, mill-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-kummentarji uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa Belġjana, il-portijiet huma impriżi pubbliċi li, fl-assenza tal-eżenzjoni mingħajr kundizzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 180(2) taċ-CIR, ikunu suġġetti għall-ISoc, skont l-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR. Il-kummentarju 179/2, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71 tad-deċiżjoni kkontestata, jispeċifika, pereżempju, li “għalkemm huma jistgħu, fil-prinċipju, jiġu ttrattati bħala persuna taxabbli suġġetti għall-ISoc, huma esklużi mill-ISoc abbażi tal-Artikoli 180 sa 182 taċ-CIR: 1° il-persuni ġuridiċi li huma ‘mingħajr kundizzjonijiet’ esklużi mill-ISoc.”

159    It-tieni, mill-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata jidher ċar li li l-Gvern Belġjan innifsu qies, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana, li l-portijiet, fost kumpanniji oħra u persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 180 u l-Artikolu 220(2) taċ-CIR, kienu fil-fatt persuni ġuridiċi involuti f’operarat jew tranżazzjonijiet ta’ natura b’għan ta’ qligħ fis-sens tal-Artikolu 2 taċ-CIR. Barra minn hekk, quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Viċi Prim Ministru Belġjan u l-Ministru għall-Finanzi u l-Kummerċ Estern ukoll qiesu li l-portijiet Belġjani kienu impriżi pubbliċi li, fl-assenza tal-eżenzjoni inkundizzjonata li tinsab fl-Artikolu 180 taċ-CIR, huma suġġetti għall-ISoc skont l-Artikoli 1, 2 u 179 taċ-CIR.

160    It-tielet nett, mil-liġi adottata mill-Parlament Belġjan fid‑29 ta’ Mejju 2018 “Liġi li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tat-Tranżizzjoni lejn l-Issuppettar għat-Taxxa fuq il-Kummpaniji tal-Impriżi tal-Port” (Moniteur Belge tal‑11 ta’ Ġunju 2018, p. 48409) — li, sabiex ikun hemm konformità mad-deċiżjoni kkontestata u sabiex titneħħa l-eżenzjoni inkondizzjonata tal-ISoc li jgawdu minnha l-portijiet, li l-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 2 ta’ dik il-liġi jipprevedi li “l-ewwel paragrafu (2) tal-Artikolu 180 taċ-[CIR] huwa mħassar”. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, li, skont il-leġiżlatur Belġjan, is-sempliċi tneħħija tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 180(2) taċ-CIR hija biżżejjed sabiex il-portijiet ikunu suġġetti għall-ISoc, u dan jimplika li, fl-assenza ta’ din l-eżenzjoni, il-portijiet naturalment jew awtomatikament ser ikunu suġġetti għall-ISoc.

161    Ir-raba’ nett, mill-formulazzjoni u l-loġika tal-Artikoli 180 sa 182 taċ-CIR jirriżulta li l-Artikolu 180 jipprevedi deroga inku ndizzjonata mill-ISoc, sa fejn, għall-kuntrarju tal-Artikoli 181 u 182, ma tipprevedix li ma jkunux suġġetti għall-ISoc l-entitajiet li ma għandhom ebda kundizzjoni oħra. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 181 taċ-CIR jipprevedi li “ma humiex suġġetti [għall-ISoc] l-assoċjazzjonijiet mingħajr għan ta’ qligħ u l-persuni ġuridiċi l-oħra li ma jsegwux għan ta’ qligħ” u li jwettqu ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali elenkati fih, bħall-għajnuna għall-familji jew it-tagħlim. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 182 taċ-CIR jipprevedi li “[f]il-każ ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr għan ta’ qligħ u persuni ġuridiċi oħra mingħajr għan ta’ qligħ, dawn li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ: 1) it-tranżazzjonijiet iżolati jew eċċezzjonali; 2) it-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-investiment ta’ fondi miġbura fit-twettiq tal-kompiti statutorji tagħhom; 3) it-tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu attività li tinvolvi biss b’mod aċċessorju tranżazzjonijiet industrijali, kummerċjali jew agrikoli jew li ma jimplimentawx metodi industrijali jew kummerċjali.” L-Artikolu 180 taċ-CIR, min-naħa l-oħra, jipprevedi biss li “ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji”, l-entitajiet elenkati fih, mingħajr ebda kundizzjoni oħra marbuta mal-assenza ta’ għan ta’ qligħ jew ta’ natura anċillari tat-tranżazzjonijiet b’għan ta’ qligħ imwettqa minn dawn l-entitajiet.

162    Din il-loġika hija riflessa wkoll fl-Artikolu 220 taċ-CIR, li jipprevedi li “għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq persuni ġuridiċi: 1) l-Istat, il-komunitajiet, ir-reġjuni, il-provinċji, l-agglomerazzjonijiet, il-federazzjonijiet tal-komuni, il-komuni, iċ-ċentri pubbliċi ta’ għajnuna soċjali, […] kif ukoll l-istabbilimenti pubbliċi, iż-żoni ta’ salvataġġ, iż-żoni tal-pulizija, kif ukoll il-poliders u l-bordijiet tal-ilma; 2) il-persuni ġuridiċi li, skont l-Artikolu 180, ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji; 3) il-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede, il-post prinċipali tan-negozju jew is-sede ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni tagħhom, li ma humiex involuti f’operat jew fi tranżazzjonijiet li jagħmlu profitt jew li ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji konformement [mal-]Artikoli 181 u 182”. Minbarra li jċaħħad l-Artikolu 20(2) taċ-CIR minn kwalunkwe effett utli u jqis li dik id-dispożizzjoni, bħall-Artikolu 180 taċ-CIR, ikollha valur purament dikjaratorju, huwa ċar ukoll minn dik id-dispożizzjoni li, fl-assenza tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 180(2) taċ-CIR, il-portijiet ikunu, fil-prinċipju, suġġetti għall-ISoc, sakemm ma jkunux jistgħu juru li ma humiex involuti f’operat jew tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ, jew li jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra tal-Artikoli 181 u 182 taċ-CIR.

163    Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset ġustament fid-deċiżjoni kkontestata, li l-qafas ta’ referenza għall-finijiet tal-eżami tas-selettività kienu, f’dan il-każ, l-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR, li għalihom l-Artikolu 180(2) taċ-CIR jikkostitwixxi deroga, sa fejn din tal-aħħar tagħti eżenzjoni inkundizzjonali lill-portijiet mill-ISoc, anki jekk dawn huma involuti fl-operat jew fi tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ, fis-sens tal-Artikolu 2(5)(a) taċ-CIR.

164    L-ewwel ilment għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

–       L-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ komparabbiltà bejn il-portijiet u l-entitajiet suġġetti għall-ISoc

165    Ir-rikorrenti jsostnu li l-awtoritajiet portwali ma jinsabux fl-istess pożizzjoni bħall-entitajiet l-oħra suġġetti għall-ISoc, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn ikunu suġġetti għal sistema legali u fattwali differenti minn dak ta’ entitajiet oħra u jkunu l-estensjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, responsabbli li jwettqu kompiti ta’ dritt pubbliku. Barra minn hekk, l-awtoritajiet portwali ma setgħux jużaw b’mod liberu l-fondi disponibbli għalihom sabiex jottimizzaw l-attivitajiet tagħhom, li entitajiet oħra suġġetti għall-ISoc jistgħu fil-prinċipju jagħmlu dan, bħall-assoċjazzjonijiet mingħajr għan ta’ qligħ meta jwettqu tranżazzjonijiet b’għan ta’ qligħ.

166    Skont ir-rikorrenti, dak li jikkaratterizza l-persuni ġuridiċi suġġetti għall-IPM huwa, minn naħa, il-fatt li huma ma jinvolvux ruħhom f’operat jew tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ, jew, min-naħa l-oħra, il-fatt li jsegwu objettiv usa’, li jmur lil hinn mill-interess tagħhom stess jew dak tal-azzjonisti tagħhom. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-forma legali adottata mill-portijiet ma hijiex determinanti u l-assenza ta’ skop ta’ profitt tkun għalhekk element importanti fid-distinzjoni bejn l-ISoc u t-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi. Fil-fatt, kumpanniji bi skop soċjali li ma għandhomx għan li jqassmu l-profitti jistgħu jkunu suġġetti għall-IPM.

167    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li ma jimplimentawx metodi industrijali u kummerċjali sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-sens tal-Artikolu 182(3) taċ-CIR. F’dan ir-rigward, għandu jitqies il-fatt li, l-ewwel nett, il-maġġoranza tal-qligħ rċevut mill-portijiet ma huwiex iddeterminat mill-prinċipji tal-provvista u d-domanda, it-tieni nett, it-tariffi tagħhom huma remunerattivi u, fil-prinċipju, ikopru biss l-ispiża ta’ ċerti provvisti, mingħajr ma jfittxu l-massimizzazzjoni tal-profitt, it-tielet nett, huma ma jagħżlux li l-port li huma għandhom imexxu u lanqas ma jistgħu jirrestrinġu s-servizzi tagħhom għall-utenti l-iktar profittabbli, ir-raba’ nett, id-dħul tagħhom mhux neċessarjament użat sabiex iżid l-effikaċja tagħhom jew il-prestazzjoni tagħhom stess, il-ħames nett, l-investimenti tagħhom huma ggwidati minn prospetti makroekonomiċi fuq perijodu ta’ żmien twil u mhux biss mir-rendiment mikroekonomiku fuq terminu qasir jew medju, u s-sitt nett, huma biss huma kompetenti sabiex jeżerċitaw il-kompentenzi amministrattivi tal-port, li ma humiex trasferibbli. Għalhekk, l-assenza ta’ għan ta’ qligħ, flimkien mal-assenza ta’ aġir li jimplimenta metodi industrijali jew kummerċjali, tiġġustifika li l-portijiet ikunu suġġetti għall-IPM minflok lill-ISOC.

168    Ir-Renju tal-Belġju jsostni wkoll, billi jibbaża fuq is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550), li l-portijiet ma humiex, fid-dawl tal-għanijiet intrinsiċi tas-sistema tal-ISoc, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli ma’ dik ta’ kumpanniji b’għan ta’ qligħ li huma suġġetti għal din it-taxxa. Huwa jinnota, f’dan ir-rigward, li d-digriet dwar il-politika u l-ġestjoni tal-portijiet marittimi tat‑2 ta’ Marzu 1999 imkien ma jindika li l-portijiet kellhom ifittxu l-profitt.

169    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

170    Ta’ min ifakkar f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha fl-ewwel stadju tidentifika r-reġim fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat u turi, fit-tieni stadju, li l-miżura tat-taxxa inkwistjoni tidderoga minn dik l-iskema komuni sa fejn tagħmel differenza bejn l-operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex minn dik is-sistema komuni, ikunu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 49; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57, u tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 36).

171    Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit jekk eżenzjoni fiskali bħal dik stabbilita fl-Artikolu 180(2) taċ-CIR hijiex responsabbli sabiex tiffavorixxi ċerti impriżi fuq oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema komuni.

172    F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessi 97 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li tkun xi tkun is-sistema ta’ referenza magħżula (ISoc jew taxxa fuq id-dħul ta’ persuni ġuridiċi residenti b’mod ġenerali), l-għan tat-taxxa fuq id-dħul kien li tiġi imposta taxxa fuq id-dħul, għan li fid-dawl tiegħu l-impriżi kollha kienu, fir-rigward tal-profitti tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali.

173    Skont ir-Renju tal-Belġju, min-naħa l-oħra, il-portijiet ma jkunux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-kumpanniji suġġetti għall-ISoc, peress li, anki kieku kienu involuti fi tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ fis-sens tal-Artikolu 2(5) taċ-CIR, dawn ikollhom ċerti karatteristiċi tagħhom, bħall-assenza ta’ għan ta’ qligħ tal-attivitajiet tagħhom, il-metodu ta’ operat tagħhom, il-forma ġuridika tagħhom jew ukoll l-assenza ta’ kompetizzjoni mas-settur privat, li tiddistingwihom minn dawk il-kumpanniji.

174    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jistax jitqies li l-portijiet neċessarjament għandhom ikollhom l-istess karatteristiċi bħal dawk tal-kooperattivi li kienu inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550), bħall-prinċipju tal-preeminenza tal-persuna jew tar-regola “raġel wieħed, vot wieħed”, sabiex ikun jistgħu jkunu distinti mill-kumpanniji suġġetti għall-ISoc f’dan il-każ.

175    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi n-natura a priori selettiva tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 62), li jfisser li f’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk, minkejja ċerti karatteristiċi speċifiċi inerenti fihom, il-portijiet humiex f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli għall-kumpanniji suġġetti għall-ISoc fid-dawl tal-għanijiet tal-qafas ta’ referenza.

176    Għandu jiġi speċifikat, madankollu, li, għal dak il-għan, il-kriterju għad-distinzjoni użat sabiex tiġi evalwatata l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-portijiet u tal-kumpanniji suġġetti għall-ISoc irid ikun ibbażat fuq karatteristiċi rilevanti u konsistenti fir-rigward tal-għanijiet tal-qafas ta’ referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punti 52 sa 56).

177    Issa, f’dan il-każ, l-ebda waħda mill-karatteristiċi tal-portijiet invokati mir-rikorrenti u mir-Renju tal-Belġju — jekk jiġi preżunt li huma stabbiliti — ma hija rilevanti u konsistenti fir-rigward tal-għan tat-taxxa fuq id-dħul, li huwa, kif iddikjarat fit-titolu tiegħu, li jintaxxa d-dħul ta’ persuni ġuridiċi residenti u, b’mod partikolari, fil-każ ta’ “kumpanniji” li jinvolvu ruħhom f’operat jew tranżazzjonijiet ta’ natura b’għan ta’ qligħ, li jintaxxaw il-profitti li jieħdu minn dawn l-attivitajiet.

178    Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-fatt li l-portijiet ma jsegwux għan ta’ qligħ u jinvestu mill-ġdid il-profitti kollha tagħhom fl-infrastruttura tal-port sabiex iwettqu l-kompiti ta’ interess ġenerali tagħhom, għandu jitfakkar, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati hawnhekk huma relatati mal-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet u mhux mal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħhom ta’ interess ġenerali (ara l-punt 53 iktar ’il fuq). Dawn l-għanijiet jikkonsistu essenzjalment f’li jgħinu l-iżvilupp ekonomiku u l-impjieg tar-rikorrenti u tar-Reġjun Vlaanders. Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, li impriżi oħra wkoll jinvestu mill-ġdid il-profitt tagħhom, isegwu għanijiet li jmorru lil hinn mill-interess individwali tagħhom jew iwasslu għal effetti fuq l-ekonomija li huma lil hinn mill-interess individwali tagħhom mingħajr ma jiġu eżentati mill-ISoc għal dawk ir-raġunijiet, li la r-rikorrenti u lanqas ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestaw.

179    Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li l-assenza ta’ għan ta’ qligħ hija karatteristika essenzjali tal-portijiet u li kriterju ta’ distinzjoni bbażat fuq dik il-karatteristika jista’, flimkien ma’ fatturi oħra bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 182 taċ-CIR, ikun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna ġuridika residenti għandhiex tkun suġġetta għall-ISoc jew għat-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tiġi evalwatata l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-portijiet u tal-kumpanniji suġġetti għall-ISoc, dan il-kriterju biss ma huwiex rilevanti u koerenti mal-għan ta’ taxxa tad-dħul, intiż mill-iskema inkwistjoni.

180    F’dan ir-rigward, la r-rikorrenti u lanqas ir-Renju tal-Belġju ma jistgħu jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell tal‑21 ta’ Ġunju 2006 - Oxfam Magasins du monde, li sar riferiment għaliha waqt is-seduta kif ukoll mir-Renju tal-Belġju fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell ikkonstatat li l-ASBL Oxfam kellha tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi sa fejn il-bejgħ tagħha ta’ prodotti ġusti fil-fieri jew fis-swieq ma kienx jikkostitwixxi fi tranżazzjoni ta’ għan ta’ qligħ, peress li dawn ma kinux intiżi li jimplimentaw metodi industrijali jew kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 182(3) taċ-CIR.

181    L-Artikolu 182(3) taċ-CIR jipprevedi li “fil-każ ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr għan ta’ qligħ u persuni ġuridiċi oħra li ma jsegwux għan ta’ qligħ, dawn ma jitqisux bħala tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ profitt […] 3) it-tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu attività li tinvolvi biss b’mod aċċessorju tranżazzjonijiet industrijali, kummerċjali jew agrikoli jew li ma jimplimentawx metodi industrijali jew kummerċjali”. Dan l-artikolu għalhekk jipprevedi żewġ ipoteżi separati li fihom l-attivitajiet ta’ persuni ġuridiċi mingħajr għan ta’ qligħ huma preżunti li ma jikkostitwixxux tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ għan ta’ qligħ, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 2(5) taċ-CIR, jiġifieri, minn naħa waħda, l-involviment fi tranżazzjonijiet industrijali, kummerċjali jew agrikoli b’mod aċċessorju, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li ma jimplimentawx il-metodi industrijali jew kummerċjali. Kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, il-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell tal‑21 ta’ Ġunju 2006, Oxfam Magasins du monde kienet tikkonċerna biss it-tieni ipoteżi, jiġifieri l-implimentazzjoni ta’ metodi industrijali jew kummerċjali mill-assoċjazzjoni.

182    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-kummentarju 182/10 taċ-CIR, persuna ġuridika timplimenta metodi industrijali u kummerċjali meta taħdem b’għan ekonomiku, organizzazzjoni jew strateġija ekonomika u tuża metodi ta’ ġestjoni ispirati essenzjalment minn kunċetti ta’ spejjeż, dħul u profittabbiltà.

183    Issa, fir-rigward tar-rikorrenti, kif il-Kummissjoni osservat waqt is-seduta, ma jistax jitqies li ma implimentawx metodi industrijali jew kummerċjali, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 182 taċ-CIR, bħall-Oxfam fil-kawża msemmija fil-punt 180 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni fakkret matul is-seduta, il-portijiet ifasslu pjan ta’ negozju, għandhom politika kummerċjali strutturata u għandhom ukoll servizz tal-persunal. Anki jekk, kif isostnu r-rikorrenti, it-tariffi li jirċievu huma maħsuba biss sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ ċerti servizzi, mingħajr ma jipprovdu għal ebda marġni ta’ profitt, mit-termini stess tad-digriet dwar il-politika u l-ġestjoni tal-portijiet tal-baħar tat‑2 ta’ Marzu 1999, imsemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-attivitajiet tagħhom jinvolvu l-implimentazzjoni ta’ metodi industrijali jew kummerċjali. Fl-aħħar net, lanqas ma jidher li l-attivitajiet tagħhom jinkludu b’mod aċċessorju biss attivitajiet industrijali jew kummerċjali, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, sabiex ma jkunux koperti jew mill-ewwel ipoteżi msemmija fl-Artikolu 182(3) taċ-CIR.

184    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-portijiet ma jagħmlux qligħ, l-eżenzjoni li jibbenefikaw minnha f’din il-kawża ma hijiex ibbażata fuq il-punt 3 tal-Artikolu 182 taċ-CIR, iżda fuq il-punt 3 tal-Artikolu 180 taċ-CIR, mingħajr ma jidher minn ebda element tal-proċess li saret evalwazzjoni konkreta tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 182 taċ-CIR mil-leġiżlatur Belġjan għall-portijiet. Għall-kuntrarju, mill-punti 156 sa 163 iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-assenza ta’ dik l-eżenzjoni, normalment għandhom ikunu suġġetti għall-ISoc skont il-kriterji previsti fl-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR.

185    It-tieni nett, fir-rigward tal-kriterju tad-distinzjoni bbażata fuq il-forma jew l-istatus ġuridiku tal-portijiet, għandu jiġi nnutat, l-ewwel nett, li, skont il-kummentarju 179/16 tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana, il-maġġoranza tal-portijiet Belġjani għandhom, minħabba l-forma ġuridika tagħhom (SA, SPRL jew awtorità muniċipali awtonoma), ikunu wkoll suġġetti fil-prinċipju għall-ISoc, peress li, bħala regola ġenerali, huma jkunu involuti jew f’xi operat industrijali jew kummerċjali jew fi xogħol li jħalli qligħ, jew it-tnejn f’daqqa, u li l-qligħ u l-profitti kollha li jagħmlu għandhom jitqiesu li jirriżultaw minn dik l-attività. Min-naħa l-oħra, huwa mill-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li — mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-partijiet — li entitajiet li ma humiex parti minn awtoritajiet pubbliċi (bħal assoċjazzjonijiet mingħajr għan ta’ qligħ) jistgħu jkunu suġġetti għall-IPM, hekk li l-appartenenza għall-qasam pubbliku lanqas ma tkun kriterju rilevanti skont ir-regoli nazzjonali. Barra minn hekk, dawn l-assoċjazzjonijiet, minkejja li għandhom għan statutorju mhux ta’ qligħ, jistgħu jkunu suġġetti għall-ISoc skont il-kriterji ġenerali jekk jeżerċitaw attività ta’ operat jew iwettqu tranżazzjonijiet ta’ natura ta qligħ.

186    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat bħalma għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata li skont il-ġurisprudenza, eżenzjoni fiskali mogħtija skont il-forma ġuridika tal-impriża u tas-setturi li fiha l-impriża twettaq l-attività tagħha, li tirriżulta mill-għan tal-leġiżlatur li jiffavorixxi korpi meqjusa bħala li jistħoqqilhom soċjalment, titqiegħed ġeneralment bħala selettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punti 136 sa 138).

187    It-tielet nett, lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument tar-Renju tal-Belġju, imressaq għall-ewwel darba bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont liema l-leġiżlatur Belġjan seta’, fid-dawl tal-qafas regolatorju għall-portijiet fid-diversi reġjuni tal-pajjiż, jikkunsidra b’mod leġittimu li l-portijiet, abbażi tar-regolamenti tagħhom, ma kinux involuti f’operat jew tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ li kienu f’kompetizzjoni mas-settur privat, li kien jiġġustifika li jkunu suġġetti, kollha kemm huma, għall-IPM.

188    Fil-fatt, mill-provi kollha prodotti mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fl-assenza tal-punt 2 tal-Artikolu 180(2) taċ-CIR, il-portijiet għandhom fil-prinċipju jkunu suġġetti għall-ISoc (ara l-punti 156 sa 163 iktar ’il fuq). B’hekk, sa fejn dawn ikunu involuti f’operat jew tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 taċ-CIR, huma f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli ma’ dik ta’ kumpanniji suġġetti għall-ISoc, fir-rigward tal-profitti li jiksbu minn dawk l-attivitajiet u l-eżenzjoni li jgawdu skont l-Artikolu 180(2) taċ-CIR tikkostitwixxi differenza fit-trattament li, essenzjalment, jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 126 iktar ’il fuq).

189    F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jibbaża madankollu fuq is-sentenza Nru 151/2016 tal-Qorti Kostituzzjonali Belġjana tal‑1 ta’ Diċembru 2016, li rrikonoxxiet il-leġittimità tal-għażla tal-leġiżlatur li jkompli jissuġġetta l-portijiet imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR għall-IPM. F’dik is-sentenza, adita b’rikors mill-interkomunali reċentement suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, il-Qorti Kostituzzjonali fil-fatt ikkunsidrat dan li ġej:

“Kuntrarju għall-interkomunali u strutturi oħra ta’ kooperazzjoni u assoċjazzjonijiet ta’ proġetti li jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet li jistgħu jkunu f’kompetizzjoni ma’ impriżi privati, l-operaturi ekonomiċi pubbliċi partikolari msemmija fl-Artikolu 180(2) sa (13) tal-[CIR] iwettqu attività li ma tikkompetix ma’ impriżi privati għandha tkun ta’ interess pubbliku partikolari. Il-leġiżlatur kien pożizzjoni li jqis li dawn għandhom ikunu suġġetti għal trattament fiskali speċjali. Id-differenza fit-trattament ma hijiex ġustifikazzjoni raġonevoli.”

190    Madankollu, kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sentenza Nru 151/2016 tal-Qorti Kostituzzjonali Belġjana tal‑1 ta’ Diċembru 2016 ma tikkonċernax l-eżenzjoni mill-ISoc li biha l-portijiet jibbenefikaw fir-rigward tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda l-evalwazzjoni tal-issuġġettar għall-ISoc tal-interkomunali, l-istrutturi ta’ kooperazzjoni u l-assoċjazzjonijiet tal-proġetti, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni. Issa, l-assenza ta’ diskriminazzjoni skont il-liġi nazzjonali mhux neċessarjament tippreġudika l-assenza ta’ selettività fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

191    Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jippreżumu li t-teżi sostnuta fl-aħħar lok mir-Renju tal-Belġju (ara l-punt 187 iktar ’il fuq) tista’ tiġi aċċettata, dan ikun ifisser li s-sistema fiskali Belġjana hija mfassla b’tali mod li l-leġiżlatur jista’, fuq bażi diskrezzjonali, jikkunsidra li ċerti entitajiet ma jaqgħux fl-ISoc, anki jekk fil-prinċipju dawn huma “kumpanniji” involuti f’operat jew tranżazzjonijiet b’għan ta’ qligħ, fis-sens tal-pulnt 5 tal-Artikolu 2 taċ-CIR. Issa, skont il-ġurisprudenza, għalkemm l-awtoritajiet kompetenti għandhom setgħa diskrezzjonali estiża sabiex jiddeterminaw il-benefiċjarji u l-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija abbażi ta’ kriterji li ma jagħmlux parti mis-sistema fiskali, bħalma hija ż-żamma tal-impjieg, jew l-assenza ta’ kompetizzjoni fis-sitema fiskali, allura l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandha titqies li jiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan segwit, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013 P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkonstatat ġustament, fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata li l-miżura inkwistjoni kienet prima facie selettiva sa fejn kienet tikkostitwixxi deroga mill-qafas ta’ riferiment, ikkostitwita mill-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR, u li fiha daħlet distinzjoni bejn il-portijiet u l-kumpanniji suġġetti għall-ISoc, minkejja li, fid-dawl tal-għan ta’ dan il-qafas ta’ riferiment, dawn jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

 Dwar is-selettività tal-miżura fl-ipoteżi li l-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR ma jikkostitwixxix formalment deroga mill-qafas ta’ referenza

193    Sussidjarjament, għandha tiġi eżaminata t-tieni ipoteżi adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita s-selettività tal-miżura inkwistjoni. Skont din l-ipoteżi, l-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR jikkostitwixxu l-bażi legali għan-nuqqas ta’ pagament tal-ISoc mill-portijiet, fis-sens li l-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR ma kienx formalment deroga mill-qafas ta’ referenza.

194    F’dan ir-rigward, anki jekk wieħed jassumi li, kif isostnu r-rikorrenti u r-Renju tal-Belġju, il-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR ma jikkostitwixxix deroga mill-qafas ta’ referenza, peress li l-IPM ikun il-qafas ta’ referenza rilevanti għall-entitajiet, bħar-rikorrenti, għandu jiġi osservat, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema Belġjana tat-taxxa tad-dħul hija nnifisha selettiva, sa fejn twassal sabiex tiffavorixxi “ċerti impriżi”, jiġifieri l-portijiet, minkejja li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli meta mqabbla mal-impriżi l-oħra suġġetti għall-ISoc fir-rigward tat-tassazzjoni tal-profitti li jidderivaw mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs vs Government of Gibraltar u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 101 sa 107, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punti 76 sa 79).

195    Fil-fatt għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, mhux dejjem huwa neċessarju li miżura tkun ta’ natura ta’ deroga minn sistema fiskali komuni sabiex tistabbilixxi li hija selettiva, anki jekk, fil-prinċipju, hija kriterju rilevanti f’dak ir-rigward (ara l-punti 132 sa 134 iktar ’il fuq).

196    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li huma biss il-persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżura li jistgħu jibbenefikaw minnha, ma jistax, fih innifsu, jagħti natura selettiva lil din il-miżura (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 59, u tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 24).

197    Għalhekk, meta ma jkunx possibbli li tiġi identifikata miżura li għandha natura ta’ deroga minn sistema fiskali komuni, il-kriterji li jikkostitwixxu l-bażi taxxabbli adottati minn din is-sistema għandhom ikunu, sabiex jistgħu jiġu rrikonoxxuti li jagħtu vantaġġi selettivi, tali li jikkaratterizzaw l-impriżi benefiċjarji bis-saħħa tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom bħala kategorija privileġġata, sabiex b’hekk tali sistema tista’ tikklasisfika bħala li tiffavorixxi “ċerti” impriżi jew “ċerti” produzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 101 sa 107, punt 104).

198    Issa, f’din il-kawża, kif il-Kummissjoni osservat waqt is-seduta, anki jekk wieħed jippreżumi li l-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR ma jidderogax mill-qafas ta’ referenza, ikkostitwit mill-Artikoli 1 u 2 taċ-CIR, dik id-dispożizzjoni tidentifika b’mod partikolari ċerti entitajiet, b’mod partikolari l-portijiet, u b’hekk teżentahom mingħajr kundizzjoni mill-ISoc, anki jekk dawn jinsabu, fir-rigward tal-profitti minn “attivitajiet ekonomiċi”, f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ impriżi oħra (persuni ġuridiċi residenti) suġġetti għall-ISoc. Għaldaqstant, il-portijiet huma identifikati bħala kategorija privileġġata minn dawn id-dispożizzjonijiet, minħabba l-karatteristiċi tagħhom stess u s-settur tal-attività li jappartjenu għalih.

199    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, ġustament, fil-premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk l-Artikoli 1 u 2 kienu l-bażi legali li l-portijiet ma jkunux suġġetti għall-ISoc, dan in-nuqqas ta’ suġġettar ikun miżura a priori selettiva fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet.

200    Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk, konformement mal-ġurisprudenza imfakkra fil-punt 130 iktar ’il fuq, il-miżura inkwistjoni, għalkemm prima facie selettiva, u tkun xi tkun l-ipoteżi użata f’dak ir-rigward, dwar il-qafas ta’ referenza, tista’ madankollu tiġi ġġustifikata min-natura jew mil-loġika tas-sistema fiskali li tifforma parti minnha, kif isostnu r-rikorrenti u r-Renju tal-Belġju.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ġustifikazzjoni minħabba n-natura jew il-loġika tas-sistema fiskali

201    Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, alternattivament, li anki jekk wieħed jassumi li l-issuġġettar tal-awtoritajiet portwali għall-IPM jikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza, din tista’ tiġi ġġustifikata min-natura u l-iskema tas-sistema Belġjana fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul.

202    Ir-rikorrenti jinnotaw li l-koerenza globali tas-sistema fiskali Belġjana timplika li l-awtoritajiet pubbliċi ma humiex suġġetti għall-ISoc, li hija taxxa fuq il-profitti. Il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 180 taċ-CIR, li fosthom jinsabu l-portijiet Belġjani, ma jkunux suġġetti għall-ISoc peress li ma jsegwux għan ta’ qligħ u jikkostitwixxu kontinwazzjoni tal-awtorità tal-Istat. Barra minn hekk, huma ma jaġixxux fi spirtu ta’ massimizzazzjoni tal-profitt, iżda jeħtieġ li jerġgħu jinvestu l-eventwali surplus fl-infrastruttura pubblika.  Għalhekk ikun għalkollox loġiku li l-awtoritajiet portwali jaqgħu fil-IPM u mhux fl-ISoc.

203    Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, l-issuġġettar tal-awtoritajiet portwali għall-ISoc ikollha effett penalizzanti u diskriminatorju, peress li tirriżulta f’żieda sproporzjonata tal-piż fiskali fuq l-awtoritajiet portwali. Bħala riżultat tal-fatt li huma suġġetti għall-ISoc, il-portijiet ma jistgħux inaqqsu biss l-ispejjeż inerenti għall-attività soċjali u maħsuba sabiex jakkwistaw jew jikkonservaw dħul taxxabbli. B’hekk, l-ispejjeż sostnuti mill-portijiet għal raġunijiet ta’ interess pubbliku ma jkunux imnaqqsa skont l-Artikolu 49 taċ-CIR u jiżdiedu mal-profitt kontabbbli bħala “nefqa mhux ammessa”. Barra minn hekk, ikun hemm riskju li tali spejjeż ikunu imposti bħala “vantaġġi mhux normali jew gratwiti” fis-sens tal-Artikolu 26 taċ-CIR. Konsegwentement, l-issuġġettar għall-ISoc tal-awtoritajiet portwali jirriżulta f’diskriminazzjoni, peress li trattament identiku jkun impost fuq entitajiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti.

204    Ir-Renju tal-Belġju jenfasizza wkoll li anki jekk il-punt 2 tal-Artikolu 80 taċ-CIR jintroduċi deroga għall-awtoritajiet Belġjani tal-port, li jikkontesta bil-qawwa, dan jista’ jiġi ġġustifikat min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema Belġjana tat-taxxa fuq id-dħul. Il-loġika tas-sistema tat-taxxa Belġjana fuq id-dħul hija bbażata fil-fatt fuq distinzjoni bejn l-impriżi kummerċjali, li għandhom għan ta’ profitt u l-entitajiet li jaġixxu fl-interess pubbliku ġenerali. In-nuqqas ta’ ssuġġettar għall-ISoc tal-awtoritajiet portwali, li huma korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jsegwu missjonijiet ta’ interess pubbliku li qabel kienu fdati lill-awtoritajiet lokali, ikun sempliċi applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

205    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

206    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-argumenti mressqa mir-Renju tal-Belġju fil-kuntest ta’ dan l-ilment jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira ma’ dawk li ġew eżaminati fil-kuntest tal-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ komparabbiltà tal-portijiet mal-impriżi suġġetti għall-ISoc (ara l-punti 173 sa 190 iktar ’il fuq).

207    Issa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, miżura li toħloq eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema fiskali ġenerali tista’ tkun iġġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali jekk l-Istat Membru kkonċernat jista’ juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew gwida tas-sistema fiskali tiegħu. F’dak ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa waħda, l-għanijiet assenjati lil skema fiskali partikolari u li huma esterni għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti fis-sistema tat-taxxa nnifisha li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 81; tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 69, u tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 48).

208    B’hekk, filwaqt li l-Qorti Ġenerali ammettiet fil-ġurisprudenza tagħha li għanijiet inerenti fis-sistema fiskali ġenerali kkonċernata, bħal dawk maħsuba sabiex jevitaw tassazzjoni doppja jew sabiex jipprevjenu abbużi, jistgħu jiġġustifikaw sistema tat-taxxa li hija selettiva a priori (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, GIL Insurance et,, C‑308/01, EU:C:2004:252, punti 74 sa 76, tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punti 64 sa 76, u tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punti 50 sa 53), hija rrifjutat b’mod konsistenti li tirrikonoxxi li għanijiet esterni għas-sistema fiskali, bħax-xewqa li tinżamm il-kompetittività internazzjonali jew li jkun issalvagwardjat l-impjieg f’ċerti setturi, jew li tiffavorixxi organizzazzjonijiet li huma kkunsidrati li ħaqqhom soċjalment, jistgħu jiġġustifikaw miżura a priori selettiva u tneħħiha minħabba dan mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑75/97, EU:C:1999:311, punti 37 sa 39; tat‑8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 54, u tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04,EU:C:2006:8, punti 136 sa 138).

209    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-kunċetti ta’ interess ġenerali, ta’ asenza ta’ għan ta’ qligħ, l-istess bħal dak tan-natura pubblika jew privata tal-entitajiet ikkonċernati ma humiex relatati man-natura u l-loġika tas-sistema fiskali Belġjana tat-taxxa fuq id-dħul, li hija bbażata, essenzjalment, fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-ISoc u l-IPM, fuq id-definizzjoni tat-terminu “kumpannija” kif stabbilit fl-Artikolu 2(5) taċ-CIR (ara l-punt 148 iktar ’il fuq).

210    Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata li, peress li l-kriterju deċiżiv għall-issuġġettar għall-ISoc jew għall-IPM kien il-fatt li hemm operat, mill-entità inkwistjoni, “operat” jew “tranżazzjonijiet ta’ natura ta’ qligħ” (ara l-Artikolu 2 taċ-CIR), il-fatti allegati li l-portijiet huma eżentati mill-ISoc minħabba li ma jqassmux il-profitt tagħhom iżda jinvestuhom mill-ġdid, li jsegwu objettiv li jmur lil hinn mill-interess individwali tagħhom, li ma għandhomx objettiv statutorju li jagħmlu profitti, li huma parti mill-awtoritajiet pubbliċi u li jwettqu kompiti ta’ interess ġenerali ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw trattament fiskali iktar favorevoli minn dak ta’ kumpanniji residenti oħra fir-rigward tal-prinċipji gwida tas-sistema fiskali.

211    Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jissoponi li l-għanijiet invokati mir-Renju tal-Belġju jistgħu jkunu relatati man-natura jew il-loġika tas-sistema tat-taxxa, għandu jiġi kkunsidrat li ma humiex segwiti b’mod konsistenti mill-miżura inkwistjoni f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 88, u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punti 73 u 74).

212    Fil-fatt, kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, impriżi oħra wkoll jinvestu mill-ġdid il-profitt tagħhom, isegwu għanijiet li jeċċedu l-interess individwali tagħhom jew iwasslu għal effetti fuq l-ekonomija li huma lil hinn mill-interess individwali tagħhom mingħajr ma jkunu eżentati mill-ISoc għal dawk ir-raġunijiet. Għall-kuntrarju, entitajiet li ma jagħmlux parti mill-awtoritajiet pubbliċi, bħall-assoċjazzjonijiet mingħajr għan ta’ qligħ, jistgħu jkunu suġġetti għall-IPM sakemm dawn josservaw il-kriterju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2 taċ-CIR, b’tali mod li l-appartenenza tagħhom għall-isfera pubblika lanqas ma tkun kriterju rilevanti fir-rigward tar-regoli nazzjonali.

213    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-issuġġettar għall-ISoc jista’ jkollu effett ta’ penali u huwa diskriminatorju (ara l-punt 203 iktar ’il fuq) għandu jiġi osservat, bħall-Kummissjoni fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżenzjoni mill-ISoc li jibbenefikaw minnha l-portijiet ma hijiex marbuta mal-fatt li dawn ikunu finanzjarjament żvantaġġati mill-Artikolu 49 taċ-CIR, peress li l-eżenzjoni inkwistjoni tikkonċerna l-profitti kollha li jsiru u ma hijiex limitata għall-profitti li jirriżultaw mill-eventwali assenza ta’ tnaqqis ta’ ċerti spejjeż skont l-Artikolu 49 taċ-CIR. Għaldaqstant l-eżenzjoni prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR ma hijiex iġġustifikata minn prinċipju gwida tas-sistema fiskali Belġjana, anki jekk l-Artikolu 49 taċ-CIR jikkostitwixxi tali prinċipju ta’ gwida.

214    Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet kollha, kien mingħajr żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-eżenzjoni mill-ISoc li jgawdu minna l-portijiet tagħti vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

215    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni u t-tielet aggravju jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat b’mod iktar sussidjarjament, fuq talba għal perijodu tranżitorju

216    B’mod iktar sussidjarju, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tagħti perijodu tranżitorju sakemm il-Kummissjoni tiffinalizza l-investigazzjoni tagħha dwar ir-reġim fiskali tal-portijiet differenti tal-Unjoni u, fi kwalunkwe każ, għal tul ta’ sena sħiħa, sabiex ikunu jistgħu jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida. Fil-fatt, fil-kawża li tikkonċerna t-tassazzjoni tal-portijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni tat sena sħiħa lil-leġiżlatur u lill-portijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida. Barra minn hekk, ikun hemm ukoll indikazzjonijiet li skonthom miżuri simili jkunu jeżistu fi Stati Membri oħra, b’tali mod li trattament differenzjat idgħajjef il-kundizzjonijiet ekwi u jsaħħaħ l-inugwaljanzi bejn il-portijiet fi Stati Membri differenti.

217    L-ewwel nett, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Kummissjoni, billi b’mod selettiv twettaq ċerti investigazzjonijiet b’mod selettiv f’ċerti Stati Membri, kienet b’hekk tagħti vantaġġ kompetittiv lill-awtoritajiet portwali tal-Unjoni li ma huma suġġetti għall-ebda forma jew forom oħra ta’ taxxa u li ma huma suġġetti għal ebda investigazzjoni. It-tieni nett, ir-Renju tal-Belġju, meta invoka l-possibbiltajiet prattiċi ta’ adattament tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana u abbażi tal-eżempju tal-Pajjiżi l-Baxxi, iqis li l-Kummissjoni ma żguratx kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni billi rrifjutat li tagħti perijodu tranżitorju sabiex tippermetti dan l-aġġustament.

218    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

219    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tagħti perijodu ta’ tranżizzjoni, u mhux li tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba difett li jaffettwaha. Issa, għandu jitfakkar, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni li toħroġ ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li tissostitwixxihom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha li twettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ April 2016, L-Italja u Eurallumina vs Il-Kummissjoni, T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II, EU:T:2016:233, punt 43, u tat‑12 ta’ Mejju 2016, Hamr - Sport vs Il-Kummissjoni, T‑693/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:292, punt 91).

220    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu, madankollu, li l-limiti tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali ma jipprekludux li deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi annullata għar-raġuni li ma tipprevedix miżura provviżorja xierqa. Għaldaqstant dan il-motiv jista’ jinftiehem bħala li huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq dik il-bażi, minħabba l-assenza ta’ inklużjoni ta’ perijodu tranżitorju fl-imsemmija deċiżjoni sabiex ir-Renju tal-Belġju ma jkunx jista’ jissuġġetta l-portijiet Belġjani għall-ISoc sakemm il-Kummissjoni tkun temmet l-investigazzjoni tagħha dwar is-sistema fiskali tad-diversi portijiet fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

221    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti jidhru li qegħdin jargumentaw li l-Kummissjoni kellha tagħti perijodu tranżitorju ta’ sena, bħal fid-Deċiżjoni tagħha (UE) 2016/634 tal‑21 ta’ Jannar 2016 dwar il-miżura ta’ għajnuna Nru SA.25338 (2014/C) (ex E 3/2008 u ex CP 115/2004) implimentata min-Netherlands - Eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi (ĠU 2016, L 113, p. 148), għandu jiġi kkonstatat li mid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni tat perijodu tranżitorju lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jistipula li “[i]n-Netherlands għandhom ineħħu l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-portijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni, u l-iskema ta’ taxxa korporattiva emendata b’dan il-mod għandha tidħol fis-seħħ u tibda tapplika mhux iktar tard mis-sena fiskali ta’ wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni”. L-obbligi imposti fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bis-saħħa ta’ dik id-deċiżjoni huma għalhekk simili għal dawk imposti fuq ir-Renju tal-Belġju mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), mingħajr trattament mhux ugwali f’dan ir-rigward (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), mingħajr ebda konstatazzjoni ta’ inugwaljanza ta’ trattament f’dan ir-rigward.

222    It-tieni nett, sakemm ir-rikorrenti jidhru wkoll jargumentaw li l-Kummissjoni kellha tistenna li tagħlaq l-investigazzjonijiet tagħha dwar it-taxxa fuq il-portijiet fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni, sabiex ma toħloqx distorsjonijiet komplimentari tal-kompetizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li argument simili ġie eżaminat u miċħud mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Sepori et vs il-Kummissjoni (T‑160/16, mhux ippubblikata, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    F’din is-sentenza, mogħtija wara appell ippreżentat minn ċerti portijiet tal-Pajjizi l-Baxxi kontra d-Deċiżjoni 2016/634 (ara l-punt 221 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, meta fakkret, l-ewwel nett, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kellu jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li implika li ħadd ma jista’ jinvoka għall-benefiċċju tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Seaports et vs Il-Kummissjoni, T‑160/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:317, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    B’hekk, sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-fatt li l-Kummissjoni fl-istess ħin ma talbitx lill-Istati Membri l-oħra sabiex jabolixxu l-għajnuna mogħtija lill-portijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Seaports et vs Il-Kummissjoni, T‑160/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:317, punt 117).

225    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew nondiskriminazzjoni tirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Skont ġurisprudenza ukoll stabbilita, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bħala riżultat ta’ trattament differenti jippresupponi li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati jkunu komparabbli fir-rigward tal-fatturi kollha li jikkaratterizzawhom (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Seaports et vs Il-Kummissjoni, T‑160/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:317, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

226    Issa, f’dan il-każ, madankollu, hemm differenzi dwar, minn naħa, l-istadju ta’ fejn wasslu d-diversi proċeduri li jikkonċernaw is-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjonijiet tat-taxxa applikabbli għall-portijiet fi Stati Membri differenti. Tali differenzi jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi sabiex il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni kkontestata u tordna li l-eżenzjoni li jgawdu minnha l-portijiet Belġjani f’dan il-każ titneħħa qabel l-għeluq tal-investigazzjonijiet tagħha dwar it-tassazzjoni tal-portijiet fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Seaports et vs Il-Kummissjoni, T‑160/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:317, punti 120 sa 130).

227    Barra minn hekk, li jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti jwassal sabiex il-Kummissjoni jkollha tistenna li ttemm l-investigazzjonijiet kollha tagħha fir-rigward tal-Istati Membri kollha li jagħtu għajnuna lill-portijiet tagħhom sabiex tieħu d-deċiżjonijiet finali tagħha u tordna t-tneħħija ta’ dawk l-għajnuniet, għad-detriment ta’ Stati Membri li ma jagħtux għajnuna lill-portijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Seaports et vs Il-Kummissjoni, T‑160/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:317, punt 132).

228    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-Renju tal-Belġju insostenn tar-rikorrenti għandhom jinftiehmu bl-istess mod bħal dawk imsemmija fil-puntI 219 sa 227 iktar ’il fuq. Jekk wieħed jassumi, madankollu, li l-argumenti ppreżentati mir-Renju tal-Belġju jistgħu jinftiehmu bħala li huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kunċetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, minħabba l-assenza ta’ kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni, għandu jiġi osservat li, bħall-Kummissjoni, motiv bħal dan ma tqajjimx mir-rikorrenti u jikkostitwixxi għaldaqstant motiv ġdid, inammissibbli. Hemm lok li jitfakkar li, għalkemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53tal-Anness I tal-imsemmi statut, u l-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux li intervenjent jippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li jsostni, għaliex inkella l-intervent tiegħu jkun limitat għal sempliċi repetizzjoni tal-argumenti mressqa fir-rikors, ma jistax jiġi aċċettat li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-intervenjent jemenda jew jibdel il-kuntest tal-kawża ddefinit fir-rikors billi jitqajmu motivi ġodda (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, T‑155/04, EU:T:2006:387, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

229    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

230    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

231    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

232    Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti mir-Renju tal-Belġju, li għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Havenbedrij Antwerpen NV et Maatschappij van de Brugse Zeehaven NV għandhom ibatu, l-ispejjeż proprji tagħhom, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Berardis

Labucka

Spielmann

Csehi

 

Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Settembru 2019.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 107 u 296 TFUE minħabba l-klassifikazzjoni tal-awtoritajiet portwali bħala impriżi

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-natura mhux ekonomika tal-attivitajiet tal-portijiet Belġjani

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ suq li fih l-awtoritajiet portwali joffru s-servizzi tagħhom

Fuq it-tieni u t-tielet aggravju, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-kriterju ta’ selettività

Sommarju tal-analiżi tal-Kummissjoni dwar in-natura selettiva tal-miżura fid-deċiżjoni kkontestata

Riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti

Dwar is-selettività tal-miżura inkwistjoni fl-ipoteżi li l-Artikolu 180(2) taċ-CIR jikkostitwixxi deroga mill-kuntest ta’ referenza

– L-ilment ibbażat fuq identifikazzjoni mhux korretta tal-qafas ta’ referenza

– L-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ komparabbiltà bejn il-portijiet u l-entitajiet suġġetti għall-ISoc

Dwar is-selettività tal-miżura fl-ipoteżi li l-punt 2 tal-Artikolu 180 taċ-CIR ma jikkostitwixxix formalment deroga mill-qafas ta’ referenza

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ġustifikazzjoni minħabba n-natura jew il-loġika tas-sistema fiskali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat b’mod iktar sussidjarjament, fuq talba għal perijodu tranżitorju

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.