Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen Sad (il-Bulgarija) fis-7 ta’ Jannar 2020 – “Alti” OOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Plovdiv pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(Kawża C-4/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen Sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “Alti” ООD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Plovdiv pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

Domandi preliminari

L-Artikolu 205 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-responsabbiltà in solidum ta’ persuna rreġistrata, li tkun id-destinatarja ta’ kunsinna taxxabbli, għall-VAT li ma tkunx tħallset mill-fornitur tagħha tinkludi wkoll, minbarra d-dejn prinċipali tal-fornitur (id-dejn tal-VAT), l-obbligu anċillari li tħallas kumpens għal ħlas tardiv bir-rata tal-interessi legali fuq is-somma prinċipali, liema interessi jiddekorru mill-bidu tad-dewmien fil-ħlas mid-debitur sad-data tal-ħruġ tal-avviż tat-taxxa, li jistabbilixxiha, jew sakemm jiġi onorat dan l-obbligu?

L-Artikolu 205 tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali, bħall-Artikolu 16(3) tad-Danachno-osiguritelen protsesualen kodeks (il-Kodiċi Proċedurali dwar it-Taxxa u l-Assigurazzjoni), li tipprovdi li r-responsabbiltà ta’ terz fir-rigward ta’ taxxi mhux imħallsa mill-persuna taxxabbli tinkludi t-taxxi u l-interessi?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.