Language of document : ECLI:EU:F:2013:85

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

19 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑40/12

CF

vs

L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA)

“Servizz Pubbliku — Ex membru tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien determinat — Tkeċċija matul leave tal-mard — Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Fastidju psikoloġiku”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li bih CF titlob, essenzjalment, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2011 li biha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) irrexxendiet il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-tieni nett, il-kundanna tal-EASA li tikkumpensa d-dannu subit minnha minħabba din id-deċiżjoni u, it-tielet nett, il-kumpens tad-dannu tagħha konsekuttiv għall-fastidju psikoloġiku li tiegħu kienet vittma.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2011 li biha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni irrexxendiet il-kuntratt ta’ membru tal-persunal ta’ CF hija annullata. L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni hija kkundannata tħallas lil CF is-somma ta’ EUR 88 189.76 bħala kumpens għad-danni materjali.  Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti minn CF. CF għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat wara leave tal-mard — Kalkolu tat-tul tas-servizzi mogħtija mill-membru tal-persunal — Teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjonijiet eżerċitati minn qabel mill-persuna kkonċernata bħala membru tal-persunal bil-kuntratt

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea Artikolu 34(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 3a, 16 u 48(b))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Talba għad-danni intiża għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn aġir li ma għandux natura deċiżjonali — Assenza ta’ proċedura prekontenzjuża skont ir-Regolamenti tal-Persunal — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Rikors ibbażat fuq l-obbligu tal-amministrazzjoni li tikkumpensa dannu kkawżat lil uffiċjal minn terz — Ammissibbiltà — Kundizzjoni — Użu tar-rimedji ġudizzjarji kollha — Eċċezzjoni — Assenza ta’ rimedji effikaċi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24(2) u 91)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Tkeċċija mwettqa fil-kuntest ta’ fastidju — Illegalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija — Neċessità ta’ rabta bejn il-fastidju u r-raġunijiet tad-deċizjoni ta’ tkeċċija

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a, 90 u 91)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Miżura li tikkonsisti fil-kisba ta’ dikjarazzjoni ta’ membru tal-persunal fir-rigward tan-natura tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ membru tal-persunal temporanju ieħor — Ammissibbiltà — Ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata — Ġustifikazzjoni — Miżura meħuda sabiex jiġi zgurat il-funzjonament tajjeb tad-dipartiment

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 52(3))

1.      Il-funzjonijiet li membru tal-persunal temporanju eżerċita qabel bħala membru tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-“tul tas-servizzi mogħtija mill-membru tal-persunal” li matulu l-leave tal-mard huwa rremunerat skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija Kondizzjonijiet u skont liema r-reklutaġġ ta’ dan il-membru tal-persunal temporanju jista’ jiġi rexiss mingħajr notifika fuq il-bażi tal-Artikolu 48(b) tal-istess Kondizzjonijiet.

Issa, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħed kont mhux biss tat-termini ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 34(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi li l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta, bħala dritt fundamentali, id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi tas-sigurtà soċjali li jiżguraw b’mod partikolari protezzjoni f’każ ta’ mard.

Finalment, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, għandu tendenza, f’każ ta’ mard, li jipproteġi lill-membri tal-persunal temporanju kontra r-riskji soċjali u ekonomiċi marbutin ma’ dan l-istat u b’hekk jikkontribwixxi għal għan daqstant imperattiv bħall-protezzjoni tas-saħħa.

Issa, fil-kuntest fejn il-membri tal-persunal jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal temporanju jew membri tal-persunal bil-kuntratt u fejn ma huwiex rari li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji jirrikorru b’mod alternattiv għal dawn iż-żewġ skemi biex jiġu żgurati s-servizzi tal-istess membru tal-persunal, l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa ma jintlaħaqx kompletament jekk is-servizzi mwettqa mill-membru tal-persunal f’waħda jew l-oħra minn dawn il-kwalitajiet ma kinux totalizzati.

(ara l-punti 36, 37 u 41 sa 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2009, O vs Il‑Kummissjoni, F‑69/07 u F‑60/08, punt 114

2.      Fil-kuntest tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għad-danni li huwa intiż għall-kumpens tad-dannu subit wara aġir mingħajr natura deċiżjonali, bħall-fastidju psikoloġiku, għandu jkun ippreċedut minn proċedura amministrattiva f’żewġ stadji. Il-persuna kkonċernata għandha qabelxejn tippreżenta talba quddiem l-awtorità, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tistieden lill-amministrazzjoni tikkumpensa l-imsemmi dannu. Hija biss ċaħda, espliċita jew impliċita, ta’ din it-talba li tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, li kontriha jkun jista’ jressaq ilment, u huwa biss wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad b’mod espliċitu jew impliċitu dan l-ilment, li jkun jista’ jiġi ppreżentat rikors għad-danni quddiem il-Qorti tal-Unjoni.

(ara l-punt 57)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Frar 2007, Rossi Ferreras vs Il‑Kummissjoni, F‑42/05, punti 58 sa 61

3.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala suġġett il-kumpens tad-danni kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal mill-aġir li jkun ġej minn terzi jew uffiċjali oħra msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-istess artikolu, bil-kundizzjoni li ma setax jikseb kumpens mill-awturi tagħhom. L-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni mressaq minn uffiċjal jew membru tal-persunal għall-fatti ta’ fastidju huwa b’hekk suġġett għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali, sakemm dawn jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u jistgħu jwasslu għall-kumpens għad-dannu allegat.

(ara l-punt 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Ottubru 2006, Schmidt-Brown vs Il‑Kummissjoni, C‑365/05 P, punt 78

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Marzu 2005, L vs Il‑Kummissjoni, T‑254/02, punt 148

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, punt 67

4.      Ma huwiex sempliċement minħabba li l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku subit minn membru tal-persunal intweriet li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lil dan il-membru tal-persunal u mwettqa f’dan il-kuntest ta’ fastidju hija madankollu illegali. Fil-fatt, minħabba n-natura tagħha, l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku ma tistax, bħala prinċipju, tiġi invokata ħlief insostenn tal-talbiet għall-finijiet ta’ annullament diretti kontra ċ-ċaħda ta’ talba għall-assistenza. Madankollu, motiv ibbażat fuq allegat fastidju jista’, b’eċċezzjoni, jiġi invokat kontra deċiżjoni ta’ tkeċċija jekk jidher li teżisti rabta bejn il-fastidju inkwistjoni u r-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni. Dan huwa hekk fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq estensjoni ta’ leave ta’ mard li jirriżulta minn stat li jista’, jekk ikun il-każ, jirriżulta minn fastidju psikoloġiku.

(ara l-punti 79 u 80)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, punt 69

5.      Fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ effikaċja mitluba mill-membri tal-persunal temporanju, miżura li tikkonsisti fil-kisba mill-amministrazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju li tattesta li ma kellux relazzjonijiet intimi ma’ membru tal-persunal temporanju oħra tista’ fil-fatt titqies li sservi għall-funzjonament it-tajjeb tal-amministrazzjoni u tkun iġġustifikata, għalhekk, mid-difiża tal-ordinament fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta l-kwistjoni tan-natura tar-relazzjonijiet tal-imsemmi membru tal-persunal toħloq atmosfera diffiċli fi ħdan id-dipartiment.

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa paċifiku li tali talba tikkawża preġudizzju għall-ħajja privata, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit permezz tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u stabbilit permezz tal-Artikolu 8 tal-imsemmija konvenzjoni, ma jikkostitwixxix madankollu prerogattiva assoluta u tista’ tiġi ristretta, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta.

(ara l-punti 85 u 86)