Language of document : ECLI:EU:T:2010:209

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

19 ta’ Mejju 2010 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Mjanmar – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Bażi legali konġunta tal-Artikoli 60 KE u 301 KE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv – Dritt għar-rispett tal-proprjetà – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑181/08,

Pye Phyo Tay Za, residenti f’Yangon (il-Mjanmar), irrappreżentat minn D. Anderson, QC, M. Lester, barrister, u G. Martin, solicitor,

rikorrent

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u E. Finnegan, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn S. Behzadi-Spencer, bħala aġent, sussegwentement minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn D. Beard, barrister,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bordes, P. Aalto u S. Boelaert, bħala aġenti,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008, tal-25 ta’ Frar 2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 817/2006 (ĠU L 66, p. 1), sa fejn l-isem tar-rikorrent huwa mniżżel fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li għalihom japplika dan ir-regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Ottubru 1996, numru ta’ miżuri restrittivi ġew stabbiliti kontra l-Unjoni tal-Mjanmar fil-Pożizzjoni Komuni 96/635/PESK definita mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu [12 UE], dwar Burma/il-Mjanmar (ĠU L 287, p. 1), li sussegwentement ġiet ipprorogata u mmodifikata, fl-aħħar lok, bil-Pożizzjoni Komuni 2000/346/PESK, tas-26 ta’ April 2000 (ĠU L 122, p. 1) qabel ma ġiet imħassra u ssostitwita bil-Pożizzjoni Komuni 2003/297/PESK, tat-28 ta’ April 2003, dwar Burma/il‑Mjanmar (ĠU L 106, p. 36) li kienet applikabbli sad‑29 ta’ April 2004. Il-miżuri restrittivi meħuda skont il-Pożizzjoni Komuni 2003/297 inżammu mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Pożizzjoni Komuni 2004/433/PESK, tas-26 ta’ April 2004, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar (ĠU L 125, p. 61), imsaħħa bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/730/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2004, dwar miżuri restrittivi addizzjonali kontra l‑Burma/Mjanmar u li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2004/423 (ĠU L 153M, p. 9), emendati bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/149/PESK, tal-21 ta’ Frar 2005, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2004/423 (ĠU L 159, p. 145) u prorogati u emendati bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/340/PESK, tal-25 ta’ April 2005, li testendi l-miżuri restrittivi kontra l-Burma/Mjanmar u li timmodifika l‑Pożizzjoni Komuni 2004/423 (ĠU L 159, p. 394).

2        Fid-dawl tas-sitwazzjoni politika fil-Mjanmar, il-Kunsill ikkunsidra li kien iġġustifikat li jinżammu miżuri restrittivi kontra l-Unjoni tal-Mjanmar u adotta l‑Pożizzjoni Komuni 2006/318/PESK, tas-27 ta’ April 2006, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/il-Mjanmar (ĠU L 116, p. 77). Huwa b’mod partikolari pprojbixxa l-bejgħ u l-provvista ta’ armi kif ukoll il-provvista ta’ għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finanzjarja f’relazzjoni mal-attivitajiet militari u l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal għanijiet ta’ ripressjoni fi ħdan il‑pajjiż. Ġie impost ukoll l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil membri tal-Gvern tal-Unjoni tal-Mjanmar u lil kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull korp li huwa assoċjat magħhom, billi dawn il-persuni fisiċi ġew ukoll suġġetti għal projbizzjoni ta’ vvjaġġar, u pprojbixxa l-għoti ta’ self lil impriżi tal-Istat tal-Unjoni tal-Mjanmar u kif ukoll l-akkwist jew iż-żieda ta’ parteċipazzjoni f’dawn l-impriżi.

3        Fid-dawl tan-nuqqas ta’ titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar u tan-nuqqas ta’ progress tanġibbli għal proċess ta’ demokratizzazzjoni inklużiv, il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/318/PESK ġew ipprorogati sat-30 ta’ April 2008 bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/248/PESK, tat-23 ta’ April 2007, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar (ĠU L 4M, p. 409), li mmodifikat ukoll il-lista tal-persuni, entitajiet u korpi affettwati bl-imsemmija miżuri restrittivi.

4        Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Mjanmar, il-Kunsill qies neċessarju li jintensifika l-pressjonijiet fuq ir-reġim militari u adotta l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/750/PESK, tad-19 ta’ Novembru 2007, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/318 (ĠU L 308, p. 1). Huwa b’mod partikolari adotta miżuri restrittivi ġodda billi mmira b’mod partikolari l-industriji ta’ qtugħ u trasport ta’ siġar, l-injam, u t-tħaffir għal metalli u minerali kif ukoll ħaġar prezzjuż jew semi-prezzjuż .

5        Dawn il-miżuri restrittivi kollha ġew ipprorogati sat-30 ta’ April 2009 bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/349/PESK, tad-29 ta’ April 2008, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Birmanja/il-Mjanmar (ĠU L 116, p. 57), li mmodifikat ukoll il-listi tal-persuni, entitajiet u korpi affettwati bl-imsemmija miżuri restrittivi.

6        L-Artikolu 5 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/750, jirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi. Il-paragrafi 1 sa 3 tiegħu jistipulaw:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għal, huma ta’, miżmuma minn jew ikkontrollati mill-membri individwali tal-Gvern [...] il-Mjanmar u li jappartjenu għal, huma ta’, miżmuma minn jew ikkontrollati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom mniżżla fl-Anness II, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi m’għandhom isiru disponibbli direttament jew indirettament għal jew għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew legali, entitajiet jew korpi mniżżla fl-Anness II.

3. L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi konċernati huma:

(a)      meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni mniżżla fl-Anness II u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, ħlas ta’ assigurazzjoni, u ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(b)      maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi mal-forniment ta’ servizzi legali;

(ċ)      maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji jew ħlasijiet għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma ta’ fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi;

(d)      meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat ir-raġunijiet li għalihom ġie kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, lil awtoritajiet kompetenti oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni.”

7        Taħt it-Titolu J “Persuni li jibbenefikaw mil-linji politiċi ekonomiċi tal-gvern u persuni oħrajn assoċjati mar-reġim” tal-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2008/349, hemm imniżżla l-isem tar-rikorrent, Pye Phyo Tay Za, miżjud b’mod partikolari b’informazzjoni ta’ identifikazzjoni “Iben Tay Za” (J1c), l-isem ta’ missieru, Tay Za, miżjud b’mod partikolari b’informazzjoni ta’ identifikazzjoni “Direttur Eżekuttiv, Htoo Trading Co; [Htoo Construction Co.]” (J1a) kif ukoll bl-isem ta’ mart missieru (J1b) u l‑isem ta’ omm missieru (J1e).

8        Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, din tal-aħħar hija rikunsidrata kontinwament.

9        Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-miżuri restrittivi, previsti mill-pożizzjoni komuni, li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, il-Kunsill adotta atti għall-implementazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-Komunità Ewropea.

10      Huwa b’dan il-mod li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008, tal-25 ta’ Frar 2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il‑Mjanmar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 817/2006 (ĠU L 66, p. 1, iktar ’il quddiem ir‑“regolament ikkontestat”), implementa wħud mill-miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjonijiet Komuni 2006/318 u 2007/750. Dan ir-regolament, li l-Artikoli 60 KE u 301 KE huma l-bażi legali tiegħu, daħal fis-seħħ, konformi mal-Artikolu 23 tiegħu, fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-10 ta’ Marzu 2008. L-annessi tar-regolament ikkontestat, dwar il-listi ta’ persuni, entitajiet u korpi affettwati bil-miżuri restrittivi, ġew emendati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 385/2008, tad-29 ta’ April 2008, li jemenda r-Regolament Nru 194/2008 (ĠU L 116, p. 5).

11      L-Artikoli 11 sa 14 tar-regolament ikkontestat jirrigwardaw l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi.

12      L-Artikolu 11 tar-regolament ikkontestat jistipula:

“1. Il-fondi u r-riżorsi kollha li jappartjenu lil, li huma proprjetà ta’, qed jinżammu jew huma kkontrollati mill-membri individwali tal-Gvern ta’ […] Mjanmar u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom kif elenkati fl-Anness VI, għandhom ikunu ffriżati.

2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi m’għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, direttament jew indirettament, jew għall-benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness VI.

[…]”

13      Skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament ikkontestat, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

“(a) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni elenkati fl-Anness VI u l-membri familjari dipendenti, inkluż ħlas għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz ta’ l-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(b) maħsuba esklusivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi ma’ l-għoti ta’ servizzi legali;

(ċ) maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji jew ħlasijiet għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma ta’ fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi;

(d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, kemm-il darba l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni bir-raġunijiet li fuqhom iqis li awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata, għal inqas ġimgħatejn qabel l‑awtorizzazzjoni.”

14      L-Anness VI tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament Nru 385/2008, huwa intitolat “Lista tal-membri tal-Gvern ta’ […] Myanmar u persuni, entitajiet u korpi assoċjati magħhom imsemmija fl-Artikolu 11”.

15      Taħt it-Titolu J “Persuni li jibbenefikaw mil-linji politiċi ekonomiċi tal-gvern” tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat kif emendat bir-Regolament Nru 385/2008, hemm imniżżel l-isem tar-rikorrent, miżjud b’mod partikolari b’informazzjoni ta’ identifikazzjoni “Iben Tay Za” (J1c), l-isem ta’ missieru, Tay Za, miżjud b’mod partikolari b’informazzjoni ta’ identifikazzjoni “Direttur Eżekuttiv, Htoo Trading Co; [Htoo Construction Co.]” (J1a) kif ukoll l-isem ta’ mart missieru (J1b) u l‑isem ta’ omm missieru (J1e).

16      Rigward il-modalitajiet għall-għoti ta’ informazzjoni b’rabta mal-Anness VI tar-regolament ikkontestat, l-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, jipprevedi l‑pubblikazzjoni ta’ avviż.

17      Fil-11 ta’ Marzu 2008, l-avviż ġie pubblikat għall-attenzjoni tal-persuni u entitajiet imniżżla fil-listi msemmija fl-Artikoli 7, 11 u 15 tar-Regolament Nru 194/2008 (ĠU C 65, p. 12).

18      F’dan l-avviż, il-Kunsill jiddikjara, b’mod partikolari, li l-persuni u entitajiet elenkati fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat huma:

“(a) membri tal-Gvern […] tal-Mjanmar; jew

(b) Persuni naturali jew legali, entitiajiet jew korpi assoċjati ma’ dawn tal-aħħar.”

19      Barra minn hekk, il-Kunsill jindika, b’mod partikolari, li r-regolament ikkontestat jipprevedi dan li ġej: “[L]-iffriżar tal-fondi kollha, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra li huma proprjetà ta’ persuni, gruppi jew entitajiet elenkati fl-Anness VI u li ebda fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra ma jistgħu jkunu disponibbli lilhom, kemm direttament kif ukoll indirettament”.

20      Barra minn hekk, il-Kunsill jiġbed l-attenzjoni lill-persuni u entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat sabiex tingħata awtorizzazzjoni biex jintużaw fondi ffriżati għal ħtiġijiet essenzjali jew ħlasijiet speċifiċi skont l-Artikolu 13 tar-regolament.

21      Barra minn hekk, il-Kunsill ifakkar lill-persuni u entitajiet ikkonċernati li, f’kull ħin, jistgħu jissottomettulu talba għar-rikunsiderazzjoni tad-deċiżjoni, li permezz tagħha l-ismijiet tagħhom ġew inklużi u miżmuma fil-listi inkwistjoni, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ appoġġ u, li dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati hekk kif jaslu.

22      Bl-istess mod, il-Kunsill jippreċiża li huwa jirrevedi regolarment il-listi, skont l‑Artikolu 9 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318.

23      Fl-aħħar nett, il-Kunsill isemmi l-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.

24      Ir-rikorrent, għall-ewwel darba, intlaqat mill-miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2003/907/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li timplementa l‑Pożizzjoni Komuni 2003/297/PESK dwar il-Burma/il-Mjanmar (ĠU L 340, p. 81), u fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2297/2003, tat-23 ta’ Diċembru 2003, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2000 li jipprojbixxi l-bejgħ, provvista u esportazzjoni għal Burma/il-Myanmar ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal ripressjoni interna jew terroriżmu, u li jiffriża l-fondi ta’ ċerti persuni relatati ma’ funzjonijiet governattivi importanti f’dak il-pajjiż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol 2, p. 235). Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/907, din tal-aħħar daħlet fis-seħħ fid-data meta ġiet adottata. Ir‑Regolament Nru 2297/2003 daħal fis-seħħ f’Diċembru 2003.

25      Minn dawn id-dati, ir-rikorrent kontinwament kien suġġett għal miżuri restrittivi stabbiliti kontra l-Unjoni tal-Mjanmar.

26      B’ittra tal-15 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrent b’mod partikolari talab lill-Kunsill sabiex jissottomettilu l-fatti li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista msemmija fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat u sabiex iħassar ismu minn din il-lista. Il-Kunsill irrisponda b’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2008.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) fis-16 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

28      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fil-11 u fl‑20 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Dawn it-talbiet ġew milqugħa, wara li l-partijiet instemgħu, b’digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Novembru 2008.

29      Il-Kummissjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom, rispettivament fit-18 u fid-19 ta’ Diċembru 2008. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2009, ir‑rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota ta’ intervent tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

30      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-Kunsill jippreżenta l-ittra tas-26 ta’ Ġunju 2008. Il-Kunsill issodisfa din it-talba fil-25 ta’ Mejju 2009.

31      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Lulju 2009.

32      Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat kollu kemm hu jew sa fejn jirrigwardah;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

33      Fis-seduta, ir-rikorrent talab sabiex jitħalla jadatta l-ewwel kap tat-talbiet tiegħu minħabba l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 353/2009, tat‑28 ta’ April 2009, li jemenda r-Regolament Nru 194/2008 (ĠU L 108, p. 20), sa fejn dan tal-aħħar jissostitwixxi l-Anness VI tar-regolament ikkontestat li jirrigwardah u l-partijiet l-oħra ma oġġezzjonawx għal din it-talba. Barra minn hekk, f’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent indika li ma kienx qed jitlob iktar, kif kien għamel fir-rikors tiegħu, l-annullament tar-regolament ikkontestat kollu kemm huwa, iżda biss sa fejn dan jirrigwardah. Din it-talba tar-rikorrent, il-kunsens tal-partijiet l-oħra u l-inklużjoni tad-dikjarazzjoni fil-minuti tas-seduta ġew ivverbalizzati.

34      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

35      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq il-konsegwenzi proċedurali tal-emenda tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat bir-Regolament Nru 353/2009

37      Wara l-adozzjoni mill-Kunsill fis-27 ta’ April 2009 tal-Pożizzjoni Komuni 2009/351/PESK, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/il‑Mjanmar (ĠU L 108, p. 54), li biha l-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 ġie emendat, l-Anness VI tar-regolament ikkontestat ġie emendat bir-Regolament Nru 353/2009 wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors. Fis-seduta, ir-rikorrent talab sabiex jitħalla jadatta l-ewwel kap tat-talbiet tiegħu minħabba l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 353/2009, sa fejn dan tal-aħħar jissostitwixxi l‑Anness VI tar-regolament ikkontestat li jirrigwardah.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din it-talba tar-rikorrent ma tbiddilx it‑talbiet tiegħu għall-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn jirrigwardah, kif magħmula fir-rikors. Din il-kawża għandha tiġi distinta mill-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T‑256/07, Ġabra p. II-3019, punti 45 sa 48), li r-rikorrent għamel referenza għaliha fis-seduta. Fil-fatt, f’din il-kawża, id‑deċiżjoni inizjalment ikkontestata ġiet imħassra u ssostitwita, fl-stadju tal-istanza, b’deċiżjoni oħra. F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat, inizjalment ikkontestat mir-rikorrent, ma ġiex imħassar wara l-preżentata tar-rikors. Biss l‑Anness VI tar-regolament ikkontestat ġie sostitwit, mingħajr ma l‑indikazzjonijiet li jirrigwardaw ir-rikorrent ġew mibdula. Fil-fatt, l‑informazzjoni li tirrigwarda r-rikorrent imniżżla fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat qabel ġie emendat bir-Regolament Nru 353/2009 ġiet irrepetuta b’mod identiku fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat, kif emendat. Huwa għalhekk l‑istess att legali li huwa s-suġġett tar-rikors.

39      Billi l-adozzjoni tar-Regolament Nru 353/2009 mill-Kummissjoni matul il-kawża huwa fatt li ħareġ matul il-proċedura, ir-rikorrent seta’, bis-saħħa tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, korrettament, jiġġustifika l-motivi għar-rikors tiegħu fuq dan l-element.

40      F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk ir-regolament ikkontestat kien, matul il-proċedura, issostitwit b’regolament li għandu l-istess għan, quod non, ir‑rikorrent kien awtorizzat jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, punt 38 iktar ’il fuq, punti 45 sa 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li r-rikors għandu bħala għan, f’dan il-każ, l‑annullament tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament Nru 353/2009, sa fejn jirrigwarda r-rikorrent.

2.     Fuq il-mertu

42      Insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent isostni, l-ewwel nett, li r‑regolament ikkontestat ma għandux bażi legali. Barra minn hekk, huwa jqis li l‑Kunsill ma osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu fir-rigward tar-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, huwa jallega li l-Kunsill kiser id‑drittijiet fundamentali tiegħu u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fir-replika, ir‑rikorrent jinvoka wkoll ksur tal-prinċipji legali li jirriżultaw min-natura kriminali tal-impożizzjoni tal-iffriżar tal-assi, inkluż b’mod partikolari l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, u ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tar-regolament ikkontestat

 L-argumenti tal-partijiet

43      Ir-rikorrent isostni li l-Komunità u l-istituzzjonijiet tagħha jistgħu jaġixxu biss fil-limitu tal-kompetenzi tagħhom kif jirriżultaw mit-Trattat KE. Skontu, l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma jikkostitwixxux bażi legali suffiċjenti għar-regolament ikkontestat, sa fejn jirrigwarda r-rikorrent.

44      Skont ir-rikorrent, il-Komunità ma għandhiex kompetenza espliċita sabiex timponi restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapitali u l-pagamenti. L‑Artikoli 60 KE u 301 KE huma dispożizzjonijiet partikolari peress li dawn tal-aħħar jirrigwardaw espressament sitwazzjonijiet fejn jista’ jintwera li l-azzjoni tal-Komunità hija neċessarja sabiex titwettaq l-implementazzjoni ta’ politika komuni barranija u ta’ sigurtà.

45      Ir-rikorrent iżid jgħid li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jagħtu lill-Komunità l‑kompetenza sabiex tadotta miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet assoċjati mal-entitajiet jew persuni li jikkontrollaw effettivament il-mekkaniżmu governattiv ta’ pajjiż terz, u li jagħtuhom sostenn ekonomiku. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ma jawtorizzawx l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi meta teżisti konnessjoni insuffiċjenti bejn il-persuna jew l-entità kkonċernata u t‑territorju jew ir-reġim mexxej ta’ Stat terz. Konnessjoni stretta bejn il-persuna kkonċernata u r-reġim mexxej ta’ dan l-Istat hija neċessarja.

46      Ir-rikorrent isostni li la huwa membru tal-Gvern tal-Mjanmar u lanqas persuna li hija assoċjata miegħu. Huwa jsostni li ma huwiex ivvantaġġjat mill-gvern ċentrali tal-Istat u ma jostakolax il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali, ta’ rispett tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ demokratizzazzjoni fil-Mjanmar. Ir-rikorrent iżid jgħid li ma għandux konnessjoni suffiċjenti mar-reġim militari tal-Mjanmar. Huwa jippreċiża li huwa student u li qatt ma kien implikat jew assoċjat b’xi mod mal-imsemmi reġim militari.

47      Fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi”), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma jagħtux kompetenza lill-istituzzjonijiet sabiex jiffriżaw il-fondi ta’ persuni fin-nuqqas ta’ kull konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz. L-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq persuni f’pajjiż terz hija awtorizzata biss meta dawn il-persuni huma l-mexxejja ta’ dan il-pajjiż, assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew kontrollati minnhom. Barra minn hekk, ma huwiex biżżejjed li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jikkonċernaw persuni jew entitajiet li jinsabu f’pajjiż terz jew li huma assoċjati miegħu b’mod ieħor.

48      Il-fatt li r-rikorrent huwa iben persuna meqjusa mill-Kunsill bħala li ibbenefika mir-reġim militari tal-Mjanmar ma jagħtihx il-konnessjoni meħtieġa ma’ dan ir‑reġim. Barra minn hekk, il-fatt li huwa kien azzjonist għal sentejn ta’ żewġ kumpanniji ta’ missieru f’Singapor ma turix li huwa bbenefika minn xi vantaġġ li l-kumpanniji ta’ missieru setgħu rċevew mir-reġim militari tal-Mjanmar. La huwa u lanqas missieru ma kienu bbenefikaw minn xi vantaġġi mill-imsemmi reġim.

49      Ir-rikorrent jikkontesta wkoll in-natura urġenti u neċessarja tal-miżuri restrittivi imposti bis-saħħa tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. Huwa jsostni li, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma huwiex possibbli li jiġu meqjusa, bħala “miżuri urġenti neċessarji”, miżuri restrittivi li japplikaw għal persuna għar-raġuni biss li din tal-aħħar setgħet ibbenefikat, direttament jew indirettament, minn vantaġġi li l-kumpanniji ta’ missierha huma preżunti li rċevew. Skont ir-rikorrent, l‑impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji tirrikjedi li dawn tal-aħħar huma neċessarji mhux fiss fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali f’pajjiż, iżda wkoll wara eżami tas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna affettwata bil-miżuri restrittivi inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2007, Minin vs Il‑Kummissjoni, T‑362/04, Ġabra p. II‑2003, punti 72 sa 74).

50      Fl-aħħar, skont ir-rikorrent, l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma kellhomx jiġu interpretati b’mod wiesa’, inkella dan kien iwassal sabiex iqiegħed inkwistjoni s‑separazzjoni bejn l-ewwel u t-tieni pilastru tat-Trattat UE u jikser dispożizzjoni legali li skontha s-setgħa tal-istituzzjonijiet supranazzjonali jimponu sanzjonijiet fuq il-persuni għandha tiġi interpretata b’mod dejjaq.

51      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

52      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jikkontesta li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti sabiex jiġi adottat ir-regolament ikkontestat. Huwa jsostni, essenzjalment, li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu s‑suġġett ta’ interpretazzjoni dejqa b’tali mod li huma ma jkunux jistgħu jintużaw biex jiġu adottati miżuri applikabbli għall-persuni li ma għandhomx konnessjoni mar-reġim militari tal-Mjanmar. Skontu, il-fatt per se li huwa t-tifel ta’ missieru ma tistax tiġġustifika l-konnessjoni neċessarja ma’ dan ir-reġim konformi mal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

53      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla minn istituzzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑440/05, Ġabra p. I‑9097, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Għandu wkoll jiġi rrilevat li, abbażi tal-Artikolu 60(1) KE, il-Kunsill jista’ skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 301 KE, jieħu l-miżuri urġenti neċessarji fir-rigward tal-moviment ta’ kapital u tal-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni. L-Artikolu 301 KE jipprevedi espressament il-possibbiltà ta’ azzjoni mill-Komunità intiża li tinterrompi jew li tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir‑relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar.

55      Għaldaqstant, kif jirriżulta mid-diċitura tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, il-miżuri urġenti neċessarji deċiżi abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu kontra pajjiż terz.

56      Fl-ewwel lok, jeħtieġ jiġi eżaminat, jekk il-miżura li tikkonsisti fl-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent abbażi tar-regolament ikkontestat tikkostitwixxix miżura meħuda kontra pajjiż terz.

57      L-ewwel nett, għandu jitqies li l-għan tar-regolament ikkontestat huwa li jiġġeddu u jissaħħu l-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 6 tar-regolament ikkontestat li, f’perijodu ta’ iktar minn għaxar snin qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill u l-membri tal-komunità internazzjonali kkundannaw ripetutament il-prattiki tar-reġim tal-Mjanmar, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali u li, fid-dawl tal-vjolazzjonijiet serji u kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem li kienu ġew imwettqa għal żmien twil minn dan ir-reġim, il-miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill kellhom l-għan li jippromwovu r-rispett tad-drittijiet fundamentali u għalhekk kellhom l-għan li jipproteġu l-morali pubblika.

58      Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat inġenerali huwa ċarament dirett kontra pajjiż terz, jiġifieri l-Unjoni tal-Mjanmar.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża għandha tiġi distinta mill-kawża li tat lok għas-sentenza Kadi, punt 47 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-miżuri restrittivi previsti fir-regolament li kien is-suġġett ta’ din l-aħħar kawża, jiġifieri r‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Osama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l‑friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol 1, p. 294), li huma diretti direttament kontra Osama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u l-persuni li huma assoċjati magħhom u li, għaldaqstant, ittieħdu fin-nuqqas ta’ kull konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz, ma jaqgħux, per se, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE (sentenza Kadi, punt 47 iktar ’il fuq, punt 167).

60      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Aritkoli 60 KE u 301 KE, il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw ir-rikorrent, jiġifieri l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tiegħu, għandhom jikkostitwixxu miżuri restrittivi meħuda kontra pajjiż terz.

61      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ pajjiż terz, fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew li huma kontrollati direttament jew indirettament minn dawn tal-aħħar (sentenza Kadi, punt 47 iktar ’il fuq, punt 166). Sabiex wieħed ikun jista’ jiġi kwalifikat bħala assoċjat mal-mexxejja ta’ pajjiż terz, għandha teżisti konnessjoni suffiċjenti bejn l-individwu kkonċernat u r-reġim inkwistjoni.

62      Issa, ir-rikorrent huwa inkluż fil-lista tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat kif emendat bir-Regolament Nru 353/2009 li jikkontjeni l-ismijiet tal-membri tal-Gvern tal-Mjanmar u tal-persuni, entitajiet u korpi assoċjati ma’ dawn tal-aħħar. Huwa stabbilit ukoll li r-rikorrent ma huwiex membru tal-Gvern tal-Mjanmar. Għaldaqstant huwa ġie inkluż fl-imsemmija lista, mill-Kunsill, bħala persuna assoċjata ma’ dan il-gvern.

63      Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk teżistix konnessjoni suffiċjenti bejn ir-rikorrent u l‑mexxejja tal-Mjanmar.

64      F’dan il-każ, l-isem tar-rikorrent huwa mniżżel taħt it-Titolu J tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament Nru 353/2009, fost il-persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar u l-persuni l-oħra assoċjati mar-reġim ta’ dan il-pajjjiż. Huwa ppreżentat bħala t-tifel ta’ Tay Za, liema isem huwa mniżżel ukoll taħt dan it-titolu u li huwa deskritt bħala d-Direttur Eżekuttiv tal-impriżi Htoo Trading Co. u Htoo Construction Co.

65      Għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill, fil-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, ma jippreżumiex li r-rikorrent għandu konnessjoni diretta mal-gvern tal-Mjanmar. Huwa jindika li r-rikorrent huwa assoċjat ma’ dan ir-reġim għaliex teżisti konnessjoni indiretta bejnu u bejn dan ir-reġim. Jirriżulta mir-regolament ikkontestat li din il-konnessjoni bejn ir-rikorrent u r-reġim inkwistjoni hija kkreata bil-funzjoni, okkupata minn missieru, ta’ Direttur Eżekuttiv tal-impriżi Htoo Trading Co. u Htoo Construction Co., li r-rikorrent huwa preżunt li jibbenefika minnha.

66      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-Kunsill qies, korrettament, li l-mexxejja importanti ta’ impriżi tar-reġim militari fil-Mjanmar bħall-missier ir-rikorrent, jiġifieri d-Direttur Eżekuttiv tal-impriżi Htoo Trading Co. u Htoo Construction Co., setgħu jiġu kwalifikati bħala persuni assoċjati ma’ dan ir-reġim. Fil-fatt, fil-Mjanmar, l-attivitajiet kummerċjali tal-imsemmija impriżi ma jistgħux jirnexxu, sakemm ma jibbenefikawx mill-favuri tal-imsemmi reġim. Bħala mexxejja ta’ dawn l-impriżi, dawn tal-aħħar jibbenefikaw, minħabba l-funzjoni tagħhom, mill-politika ekonomika ta’ dan il-pajjiż. Għaldaqstant, teżisti konnessjoni mill-qrib bejn il-mexxejja ta’ dawn l-impriżi u r-reġim militari.

67      Fir-rigward tal-membri ta’ dawn il-mexxejja, huwa permess li jiġi preżunt li huma jibbenefikaw mill-funzjoni eżerċitata minn dawn il-mexxejja b’tali mod li xejn ma jipprekludi l-konklużjoni li huma jibbenefikaw ukoll mill-politika ekonomika tal-gvern.

68      Madankollu, il-preżunzjoni li skontha l-membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi ta’ pajjiż terz jibbenefikaw ukoll mill-politika ekonomika tal-gvern ta’ dan il-pajjiż tista’ tiġi kkonfutata jekk rikorrent jirnexxilu juri li ma għandux konnessjoni mill-qrib mal-mexxej li jagħmel parti mill-familja tiegħu.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma stabbilixxiex li huwa kien diżassoċjat minn missieru b’tali mod li l-pożizzjoni ta’ missieru bħala mexxej importanti ta’ impriżi ma ppermettitlux iktar li jibbenefika mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar. Tabilħaqq, fis-seduta, ir-rikorrent iddikjara li kien għex ma’ ommu f’Singapor minn meta kellu tlettax-il sena, li qatt ma kien ħadem ma’ missieru u li ma kellu ebda azzjoni f’kumpanniji tal-Mjanmar. Madankollu, huwa ma ppreċiżax l-oriġini tal-fondi li ppermettewlu jkun azzjonist ta’ żewġ kumpanniji ta’ missieru stabbiliti f’Singapor bejn l-2005 u l-2007.

70      Barra minn dan, bis-saħħa tal-Artikolu 301 KE, azzjoni mill-Komunità tista’ tinterrompi kompletament ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz. Għaldaqstant, il-Kunsill jista’ jieħu l-miżuri urġenti neċessarji fir-rigward tal-movimenti ta’ kapitali u l-pagamenti sabiex jimplementa tali azzjoni, konformi mal-Artikolu 60 KE. Embargo kummerċjali ġenerali kontra pajjiż terz jikkonċerna l-persuni kollha fil-Mjanmar u mhux biss dawk li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tar-reġim militari tal-Mjanmar minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom f’dan il-pajjiż. F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż, a fortiori, li l-miżuri restrittivi, abbażi ta’ sanzjonijiet immirati u selettivi li jikkonċernaw ċerti kategoriji ta’ persuni meqjusa bħala assoċjati mar-reġim inkwistjoni mill-Kunsill, inkluż il-membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi tal-pajjiż terz ikkonċernat, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

71      Tali interpretazzjoni taqbel ukoll mal-preokkupazzjonijiet ta’ ordni umanitarja inerenti għall-embargos kummerċjali ġenerali. Fil-fatt, l-iffissar ta’ sanzjonijiet immirati għall-persuni assoċjati mar-reġim inkwistjoni, minflok embargo kummerċjali ġenerali, jista’ jnaqqas it-tbatija mill-popolazzjoni ċivili tal-pajjiż ikkonċernat.

72      Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li l-inklużjoni tal-membri tal-familja fil-kategoriji ta’ persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar hija ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ effikaċità. Fil-fatt, l‑Artikoli 60 KE u 301 KE, inkwantu dawn jipprevedu kompetenza Komunitarja sabiex jiġu imposti miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika ħalli jiġu implementati azzjonijiet deċiżi fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, huma l‑espressjoni ta’ għan impliċitu u sottostanti, jiġifieri dak li ssir possibbli l‑adozzjoni ta’ tali miżuri permezz tal-użu effikaċi ta’ strument Komunitarju (strument Kadi, punt 47 iktar ’il fuq, punt 226). L-inklużjoni tal-membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi tevita l-evażjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni bit-trasferiment tal-assi ta’ dawn il-mexxejja lill-membri tal-familja tagħhom.

73      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, teżisti konnessjoni suffiċjenti, fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, bejn ir-rikorrent u r‑reġim militari tal-Mjanmar. Għalhekk, il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw ir‑rikorrent b’mod konkret jistgħu jitqiesu bħala li ttieħdu kontra pajjiż terz.

74      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li skontu l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tiegħu ma jikkostitwixxix “miżura urġenti neċessarja” fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-rikorrent għamel referenza għas-sentenza Minin vs Il-Kummissjoni (punt 49 iktar ’il fuq, punti 72 sa 74), li tittratta dwar il‑miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tal-Liberja u li jikkonċernaw b’mod konkret lil Charles Taylor u l-assoċjati tiegħu. Skont ir-rikorrent, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji jirrikjedi li huma jkunu neċessarji mhux biss fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali f’pajjiż, iżda wkoll wara eżami tas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna affettwata bil-miżuri restrittivi inkwistjoni.

75      Issa, fis-sentenza Minin vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-kunċett ta’ miżuri urġenti neċessarji fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. Hija vverifikat biss jekk is-sanzjonijiet imposti ppreżentawx konnessjoni suffiċjenti mat-territorju tal-pajjiż ikkonċernat jew mar-reġim mexxej ta’ tali pajjiż billi eżaminat jekk dawn is-sanzjonijiet li kkonċernaw assoċjat ta’ Charles Taylor, minkejja li dan tal-aħħar tneħħa mill-poter presidenzjali fil-Liberja fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni f’din il-kawża, kellhomx effettivament l-għan li jinterrompu jew inaqqsu, totalment jew parzjalment, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz.

76      F’kull każ, fir-rigward tan-natura neċessarja u urġenti tal-miżuri restrittivi, għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kunsill bl-għan li jiġu implementati l-Pożizzjoni Komuni 2007/750 u l-Pożizzjoni Komuni Nru 2006/318.

77      Barra minn dan, skont il-ġurisprudenza, ġiet stabbilita rabta bejn l-azzjonijiet tal-Komunità li jinvolvu miżuri ekonomiċi taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE u l‑għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, fosthom il-politika barranija u s-sigurtà komuni (sentenza Kadi, punt 47 iktar ’il fuq, punt 197). Fil-fatt, l-Artikoli 60 KE u 301 KE huma dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament li azzjoni tal-Komunità tista’ tkun neċessarja sabiex jitwettqu għanijiet speċifikament assenjati lill-Unjoni permezz tal-Artikolu 2 UE, jiġifieri l‑implementazzjoni ta’ politika barranija u ta’ sigurtà komuni.

78      Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar li jikkonċernaw direttament ir-rikorrent, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-miżuri restrittivi previsti mir-regolament ikkontestat ma jmorrux oltrè l‑implementazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 u l-Pożizzjoni Komuni 2007/750.

79      Issa, hemm lok li jiġi konstatat li l-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar u li jikkonċernaw b’mod konkret ir-rikorrent jifformaw parti mill-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dawn il-pożizzjonijiet komuni.

80      Fil-fatt, l-Artikolu 11 tar-regolament ikkontestat jimplementa l-Artikolu 5 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2007/750, fir-rigward tal-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi. L-isem tar-rikorrent huwa mniżżel fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament Nru 353/2009, li referenza għalih issir fl-Artikolu 11 tiegħu (ara l-punti 12, 14 u 15 iktar ’il fuq). Din ir-referenza tikkorispondi għall-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2009/351 u għall-Artikolu 5 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2007/750 (ara l-punti 6 u 7 iktar ’il fuq).

81      Fir-rigward tan-natura urġenti tal-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar li jikkonċernaw b’mod konkret ir-rikorrent, dan tal-aħħar ma jressaq ebda element tali li jikkontestaha.

82      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar li jikkonċernaw b’mod konkret ir-rikorrent jistgħu jitqiesu bħala miżuri urġenti neċessarji fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

83      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

84      Ir-rikorrent isostni li, fil-każ ta’ miżura ta’ ffriżar tal-assi, il-Kunsill huwa obbligat li jagħmel referenza, fid-deċiżjoni inizjali tiegħu, għal kull element ta’ informazzjoni u għal kull dokument, inkluż id-dokumenti ġodda, li wasslu għad-deċiżjoni, għal punti ta’ fatt u punti ta’ liġi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tiegħu, u għal motivi reali u speċifiċi li għalihom il-Kunsill jikkunsidra li din il‑miżura għandha tiġi applikata għall-parti kkonċernata.

85      Barra minn hekk, il-Kunsill għandu jinkludi, fid-deċiżjonijiet sussegwenti tiegħu ta’ żamma tal-iffriżar tal-assi, l-elementi li jiġġustifikaw dan l-iffriżar fir-rigward tal-persuna inkwistjoni, u r-raġunijiet speċifiċi li għalihom huwa jqis, wara rikunsiderazzjoni, li l-iffriżar tal-assi jibqa’ ġustifikat fir-rigward ta’ din il‑persuna.

86      Barra minn hekk, fil-każ fejn il-parti kkonċernata ma kellhiex il-possibbiltà għal smigħ xieraq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, l‑osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa anki iktar importanti, billi jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-parti kkonċernata li tagħmel użu b’mod utli mir-rimedji li għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni.

87      Fl-aħħar, il-motivazzjoni għandha tiġi komunikata lill-parti kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat bil-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf bir-raġunijiet tal-att matul il‑proċedura quddiem il-qorti, billi r-rikorrent ikollu jiddisponi biss mir-replika sabiex jippreżenta l-motivi tiegħu kontra dawn ir-raġunijiet, li jikkostitwixxi preġudizzju għad-dritt għal smigħ xieraq u għall-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni.

88      Ir-rikorrent iqis li, f’dan il-każ, il-Kunsill la ta fir-regolament ikkontestat ir‑raġunijiet għaliex ismu tniżżel fl-Anness VI tal-imsemmi regolament u lanqas ir‑raġuni għaliex huwa membru tal-Gvern tal-Mjanmar jew persuna assoċjata miegħu. L-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “Iben Tay Za” ma hija ta’ ebda għajnuna. Hija tindika biss li r-rikorrent huwa identifikat bil-fatt li missieru jismu Tay Za. Barra minn hekk, il-Kunsill ma ppreċiżax kif huwa jew missieru bbenefikaw mill-politika ekonomika ta’ dan il-gvern.

89      Skont ir-rikorrent, fid-dawl tal-kuntest, raġunijiet partikolarment ċari u neċessarji kellhom jiġu kkomunikati lilu, billi l-miżura kkonċernata kienet ta’ natura drakonjana u kkostitwiet preġudizzju gravi għad-drittijiet fundamentali tiegħu. Barra minn hekk, xejn ma jippermetti l-konklużjoni ta’ aġir żbaljat min-naħa tiegħu u xejn ma jista’ jiġġustifika l-miżura kkonċernata għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mat-terroriżmu. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li ma kellux il-possibbiltà ta’ smigħ xieraq qabel ma l-Kunsill adotta l-miżura kkonċernata, b’tali mod li l-komunikazzjoni tar-raġunijiet mill-Kunsill kien l‑uniku mezz li jippermettilu jagħmel użu mid-drittijiet tiegħu għal rimedju.

90      Ir-rikorrent isostni li, meta ntlaqat għall-ewwel darba mill-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar, ma ngħatawlu ebda raġunijiet. Bl-istess mod, fir-rigward tal-miżuri ulterjuri, huwa ma kien kiseb ebda komunikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom il-Kunsill qies li ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fuq il‑lista tal-persuni msemmija fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat baqgħet ġustifikata.

91      Ir-rikorrent josserva li ma kienx jaf bil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni ta’ ismu fuq il-lista tal-persuni msemmija fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat u bil-fatti li fuqhom kienet ibbażata din il-proċedura.

92      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

93      Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, ħaġa li tirrigwarda l-ammissibbiltà fil-mertu tal-att inkwistjoni, u li għandha tissodisfa r‑rekwiżiti rrilevati mill-ġurisprudenza.

94      L-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkostitwixxi preġudizzju kif previst fl-Artikolu 253 KE għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata b’informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat, jew jekk eventwalment huwiex ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att. Għalhekk, bħala prinċipju, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess waqt tal-att li jikkostitwixxilha preġudizzju. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat bil-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf bir-raġunijiet tal-att waqt il‑proċeduri quddiem il-qorti. Sa fejn il-parti kkonċernata ma tingħatax dritt ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ miżura inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, hemm lok li jingħad ukoll li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti, għaliex huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-parti kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija miżura (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II-4665, iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI”, punti 138 sa 140, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan kien ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari, skont il-kontenut tal-att, in-natura tar-raġunijiet invokati u l-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tad-diċitura tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tal-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il‑materja kkonċernata. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju huwa suffiċjentement motivat meta jsir f’kuntest magħruf mill-parti kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s‑sentenza OMPI, punt 94 iktar ’il fuq, punt 141, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Skont din il-ġurisprudenza, sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha jew il-kondotta tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux dan, il-Kunsill għandu l-obbligu li jsemmi l-punti ta’ fatt u l-punti ta’ liġi li jikkostitwixxu l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura tiegħu u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu l-imsemmija miżura. Għaldaqstant il-motivazzjoni ta’ tali miżura għandha tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-parti kkonċernata (ara s-sentenzi OMPI, punt 94 iktar ’il fuq, punti 143 u 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      F’dan il-każ, billi adotta r-regolament ikkontestat, il-Kunsill ġedded u saħħaħ il‑miżuri restrittivi stabbiliti kontra l-Unjoni tal-Mjanmar. Bis-saħħa tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament, il-fondi u r-riżorsi kollha li jappartjenu lil, li huma proprjetà ta’, qed jinżammu jew huma kkontrollati mill-membri individwali tal-Gvern ta’ Mjanmar u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom kif elenkati fl-Anness VI, għandhom ikunu ffriżati. Barra minn hekk, skont id-diċitura tal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, l-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, direttament jew indirettament, jew għall-benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness VI.

98      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, sabiex jiġi osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni, il‑Kunsill kien għalhekk obbligat li jagħti r-raġunijiet għaliex iqis li, inġenerali, il‑miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar u, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw b’mod konkret ir-rikorrent huma jew jibqgħu ġġustifikati.

99      Issa, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar, il-Kunsill spjega, b’mod ġenerali, fil-premessa 1 tar-regolament ikkontestat, it-tħassib tiegħu bin-nuqqas ta’ progress lejn id-demokratizzazzjoni u bil-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar fid-dawl tas-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż, li komplew anki wara li adotta, għall-ewwel darba, miżuri restrittivi kontra dan il-pajjiż.

100    Fil-premessa 2 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill fakkar li l-Pożizzjoni Komuni 2006/318/PESK kienet għaldaqstant tipprevedi sabiex jissuktaw il-miżuri restrittivi kontra r‑reġim militari tal-Mjanmar, dawk li jibbenefikaw l-iktar mit-tmexxija illegali tiegħu u dawk li attivament ifixklu l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali, ir‑rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Huwa żied ukoll li l-miżuri restrittivi previsti minn din il-pożizzjoni komuni imponew, b’mod partikolari, l‑iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ membri tal-Gvern tal-Mjanmar u ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp assoċjat magħhom.

101    Fil-premessa 6 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill indika li, għal iktar minn għaxar snin, ikkundanna repetutament il-prattiki tar-reġim tal-Mjanmar. Huwa żied jgħid li l-miżuri restrittivi kkontenuti fir-regolament ikkontestat kienu strumentali biex jiġi promoss ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u għalhekk kellhom l-għan li jipproteġu l-morali pubblika.

102    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi meqjus li l-Kunsill ta raġunijiet għaliex adotta u żamm miżuri restrittivi kontra l-Unjoni tal-Mjanmar u mmotiva suffiċjentement ir-regolament ikkontestat fuq dan il-punt.

103    It-tieni nett, fir-rigward tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw b’mod konkret ir‑rikorrent, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest li fih ittieħdu dawn il-miżuri kien magħruf mir-rikorrent. Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat jimplementa l-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2007/750. Il-premessi 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 juru b’mod ċar ir-raġunament tal-Kunsill li jikkonsisti fl-adozzjoni u fiż-żamma ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw b’mod konkret il-persuni li jibbenefikaw mill-politika tal-Gvern tal-Mjanmar kif ukoll il‑familja tagħhom fid-dawl tas-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż.

104    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li r-rikorrent intlaqat, għall-ewwel darba, mill-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar bir-Regolament Nru 2297/2003, li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2003. Minn din id-data, ir-rikorrent kien kontinwament is-suġġett tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Ir-raġunament tal-Kunsill li jikkonsisti fit-twessigħ tal-miżuri restrittivi inkwistjoni għall-persuni li jibbenefikaw mill-politika tar-reġim mexxej tal-Unjoni tal-Mjanmar kif ukoll għall-familja tagħhom kien ingħata diġà fil-premessa 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2003/297/PESK tiegħu, li ġie implementat bl-imsemmi regolament.

105    Għalhekk, ir-regolament ikkontestat kellu biss bħala għan li jżomm l-imsemmija miżuri restrittivi li jikkonċernaw b’mod konkret ir-rikorrent. Fin-nuqqas ta’ modifiki sostanzjali ta’ fatt u ta’ dritt li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fost dawk tal-persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar u tal-persuni l-oħra li huma assoċjati miegħu, il-Kunsill ma kienx obbligat li jfakkar espliċitament ir-raġunijiet għaliex ċerti miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar jikkonċernaw b’mod konkret ir-rikorrent.

106    F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent kien jaf bir-raġunijiet għaliex tali miżuri restrittivi jikkonċernawh direttament, billi huwa jindika fil-paragrafu 37 tar-rikors li jista’ jeżisti riskju li jiġi evitat l-iffriżar tal-assi minn missieru permezz ta’ trasferiment eventwali ta’ fondi lill-membri oħra tal-familja tiegħu.

107    Rigward l-argument tar-rikorrent li skontu l-Kunsill ma ppreċiżax kif huwa u missieru kienu bbenefikaw mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar, għandu jiġi rrilevat li l-isem ta’ missier ir-rikorrent, Tay Za, tniżżel fil-lista tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament Nru 353/2009, bħala Direttur Eżekuttiv tal-impriżi Htoo Trading Co. u Htoo Construction Co. Għalhekk, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill stabbilixxa konnessjoni bejn missier ir-rikorrent u l-funzjoni tiegħu ta’ Direttur Eżekuttiv. Fir-rigward ta’ din ir-rabta, il-Kunsill ippreċiża, suffiċjentement fid-dritt, kif missier ir-rikorrent kien ibbenefika mill-politika ekonomika ta’ dan il-gvern. Fil-fatt, dan il-benefiċċju ħareġ mill-funzjoni tiegħu ta’ Direttur Eżekuttiv.

108    Minn dan isegwi li l-Kunsill ta r-raġunijiet għaliex ċerti miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar jaffettwaw b’mod konkret ir-rikorrent u mmotiva suffiċjentement ir-regolament ikkontestat fuq dan il-punt.

109    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent, li skontu huwa ma kienx jaf bil-proċedura li kienet wasslet għall-inklużjoni ta’ ismu fuq il-lista ta’ persuni msemmija fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta minn dan ir‑regolament li l-Kunsill ipproċeda konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 301 KE.

110    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, il-Kunsill ma kisirx l-obbligu ta’ motivazzjoni kif previst mill-Artikolu 253 KE.

111    Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motivi bbażati fuq ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

112    Ir-rikorrent jinvoka ksur tad-dritt għal proprjetà, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

113    Il-Qorti Ġenerali tqis adegwat li jiġu eżaminati l-motivi bbażati fuq ksur tad-drittijiet proċedurali qabel il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal proprjetà u l‑motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

–       L-argumenti tal-partijiet

114    Ir-rikorrent isostni li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura bil-miftuħ kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt li għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet, li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom, għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jesponu b’mod utli l-opinjoni tagħhom.

115    Skont ir-rikorrent, persuna kkonċernata minn sanzjoni għandha tkun informata bil-provi u bl-elementi kontriha invokati sabiex tiġi ġġustifikata s-sanzjoni proposta simultanjament mad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-assi jew l-iktar malajr possibbli wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, huwa jsostni li din il-persuna għandha tingħatalha l-possibbiltà effettiva li tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi u dawn l-elementi, inkluż l-informazzjoni speċifika li ġġustifikat id-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-assi u ta’ żamma ta’ dan l-iffriżar. Ir‑rikorrent iżid li huwa għandu jkollu l-possibbiltà li jitlob rikunsiderazzjoni minnufih tal-miżura inizjali u li d-deċiżjonijiet sussegwenti għandhom ikunu ppreċeduti b’seduta oħra u notifika tal-provi.

116    Ir-rikorrent iqis li dawn il-prinċipji ma ġewx osservati f’dan il-każ. Huwa l-istess ħaġa dwar il-projbizzjoni ta’ dħul jew ta’ ħruġ mit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni prevista mill-Pożizzjoni Komuni 2006/318.

117    Fir-replika, ir-rikorrent iżid li l-konvenuti f’każ ta’ akkużi kriminali għandhom jiġu informati malajr u kompletament bin-natura ta’ akkuża, bil-fatti sostantivi li fuqhom din tal-aħħar tibbaża u bl-atti li huma allegatament wettqu, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

118    Skont ir-rikorrent, id-drittijiet tad-difiża tiegħu ma ġewx irrispettati f’dan il-każ. Huwa jżid li r-regolament ikkontestat ma jipprevedi ebda proċedura ta’ komunikazzjoni tal-elementi li tiġġustifika l-inklużjoni tal-isem tal-partijiet ikkonċernati u ma tikkontjeni ebda informazzjoni fattwali preċiża li tiġġustifika d‑deċiżjoni li jiġu ffriżati l-assi tiegħu u ż-żamma ta’ din il-miżura.

119    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

120    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, ksur tad-dritt tiegħu, minn naħa, li jiġu kkomunikati lilu l-punti ta’ liġi u l-punti ta’ fatt li jiġġustifikaw it-teħid ta’ miżuri restrittivi, u min-naħa l-oħra, li jkun jista’ jsostni b’mod utli l-opinjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn il-punti.

121    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża għandha tiġi distinta mill-kawża li tat lok għas-sentenza OMPI, punt 94 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din il-kawża kellha bħala għan miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Dawn il-miżuri kkonċernaw direttament u individwalment (sentenza OMPI, punt 94 iktar ’il fuq, punt 98) persuni mniżżla fuq il-listi annessi mad-dispożizzjonijiet ikkontestati mingħajr ma pprevedew miżuri restrittivi kontra pajjiż terz. Dawn il-persuni kienu għalhekk is-suġġett ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni għaliex huma kienu preżunti, per se, implikati fl-attivitajiet terroristi.

122    Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, persuni u entitajiet intlaqtu b’mod konkret b’miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill kontra pajjiż terz, jiġifieri l-Unjoni tal-Mjanmar, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż. Għalhekk dawn il‑miżuri restrittivi jikkonċernaw ir-reġim militari tal-Mjanmar. Minflok stabbilixxa embargo ġenerali kontra dan il-pajjiż, il-Kunsill ippreveda sanzjonijiet immirati u selettivi u speċifika, fir-regolament ikkontestat, il-kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet affettwati b’mod konkret b’dawn il-miżuri restrittivi kontra l‑Unjoni tal-Mjanmar. F’dan il-każ, ma humiex għalhekk l-attivitajiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi inkwistjoni meħuda mill-Kunsill, iżda l-parteċipazzjoni tagħhom f’ċerta kategorija ġenerali ta’ persuni u entitajiet li għandhom funzjoni jew pożizzjoni fl-Istat li huwa s-suġġett ta’ sanzjonijiet. Ir-rikorrent jaqgħa taħt din is-sistema ta’ sanzjonijiet għaliex huwa jagħmel parti mill-kategorija tal-membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi fil-Mjanmar.

123    Fil-każ ta’ sanzjonijiet meħuda kontra pajjiż terz li jikkonċernaw direttament persuna, ma huwiex il-każ ta’ proċedura bil-miftuħ kontra din il-persuna fis-sens tas-sentenza OMPI, punt 94 iktar ’il fuq (punt 91). Il-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kontra Stat li jikkonċernaw ċerti kategoriji taċ-ċittadini tiegħu ma jikkostitwixxix, għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, proċedura li fil-kuntest tagħha huma jistgħu, bħala individwi, jiġu imposti b’sanzjonijiet fis-sens tal-istess punt tas-sentenza OMPI, punt 94 iktar ’il fuq. Regolament li jinkludi sanzjonijiet kontra pajjiż terz li jikkonċerna ċerti kategoriji taċ-ċittadini tiegħu għandu n-natura ta’ att leġiżlattiv ġenerali anki jekk il-persuni kkonċernati huma identifikati b’isimhom. Huwa veru li tali regolament jippreġudikahom direttament u individwalment u jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors min-naħa tagħhom. Madankollu, fi proċedura leġiżlattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kontra pajjiż terz li jikkonċernaw ċerti kategoriji taċ-ċittadini tiegħu, id-drittijiet tad-difiża ma humiex applikabbli għalihom. Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ tali regolament, il-persuni ma jkollhomx drittijiet ta’ parteċipazzjoni anki jekk, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu individwalment ikkonċernati.

124    Komunikazzjoni speċifika tal-punti ta’ liġi u tal-punti ta’ fatt li jiġġustifikaw il‑miżuri restrittivi inkwistjoni ma kinitx, fi kwalunkwe każ, neċessarja qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, fid-dawl tal-fatt li dan tal-aħħar għandu bħala għan iż‑żamma ta’ miżuri restrittivi diġà meħuda. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat jimplementa l-Pożizzjonijiet Komuni 2006/318 u 2007/750, li ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u li jesponi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jiġġustifikaw l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

125    Fil-fatt, il-premessi 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 juru b’mod ċar ir‑raġunament tal-Kunsill li jikkonsisti fl-adozzjoni u fiż-żamma ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw b’mod konkret il-persuni li jibbenefikaw mill-politika tal-Gvern tal-Mjanmar kif ukoll il-familja tagħhom fid-dawl tas-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jitfakkar li l-isem tar-rikorrent u dak ta’ missieru mniżżla fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2009/351, u li dawn l-ismijiet jikkorispondu, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, għall-Anness VI tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament Nru 353/2009 (ara l-punt 80 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-raġunament tal-Kunsill li jikkonsisti fl-estenzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni għall-persuni li jibbenefikaw mill-politika tar-reġim mexxej tal-Unjoni tal-Mjanmar u għall-familja tagħhom huwa magħruf mir-rikorrent minn meta ġie affettwat, għall-ewwel darba, bil-miżuri previsti fir-Regolament Nru 2297/2003, li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2003 (ara l-punti 24 u 25 iktar ’il fuq). Fil-fatt, il-Kunsill espona dan ir-raġunament fil-premessa 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2003/297, li ġie implementat bl-imsemmi regolament.

126    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-punti ta’ liġi u l-punti ta’ fatt rilevanti f’din il‑kawża kienu, qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat mill-Kunsill, magħrufa mir-rikorrent.

127    Rigward l-argument tar-rikorrent li jgħid li seduta preliminari qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat kienet meħtieġa, ir-rikorrent ippreċiża, fis-seduta, li l‑Kunsill kien messu stiednu jagħti l-opinjoni tiegħu qabel ma ġie adottat l‑imsemmi regolament.

128    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma pprekluda li r-rikorrent seta’ jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu quddiem il-Kunsill qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

129    Fil-fatt, l-assi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent ġew iffriżati għall-ewwel darba bis-saħħa tal-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament Nru 2297/2003, li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2003. Dan l-iffriżar kompla sal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat li jimplementa b’mod partikolari l-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2007/750, inkluż l-Anness II tagħha li fih tniżżel l-isem tar-rikorrent.

130    Il-pożizzjonijiet komuni abbażi tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jimplementaw il-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu limitati ratione temporis. Il-Pożizzjoni Komuni 2006/318 kienet, b’mod partikolari, ġiet applikata, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10, għal perijodu ta’ tnax-il xahar mit-30 ta’ April 2006. Din ġiet regolarment prorogata biss għal perijodi ta’ sena (ara l-punti 3 u 5 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 9 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, din tal-aħħar kienet kontinwament riveduta u mġedda jew emendata skont il‑bżonn. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar li jikkonċernaw b’mod konkret ir-rikorrent fil-Pożizzjonijiet Komuni 2006/318 u 2007/750, li huwa kien jaf dwarhom (ara l‑punti 124 u 125 iktar ’il fuq), u tas-sitwazzjoni politika fil-Mjanmar, ir-rikorrent ma setax jippretendi li ismu jitħassar mil-lista tal-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 matul it-tiġdid u l-emendi perjodiċi tal-imsemmija pożizzjoni komuni. Huwa kellu pjuttost jassumi li ismu kien ser jiġi inkluż fl-Anness II ta’ din il‑pożizzjoni komuni anki wara dan it-tiġdid u dawn l-emendi, hekk kif ġara’.

131    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill seta’ effiċjentement jieħu kunsiderazzjoni ta’ intervent espliċitu tar-rikorrent billi jinkludi l-opinjoni tiegħu fir-rikunsiderazzjoni perjodika taż-żamma tal-ismijiet imniżżla fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318. Peress li r-regolament ikkontestat jimplementa l-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2007/750, l-Anness VI tar-regolament ikkontestat kellu, fir-rigward tar-rikorrent, jikkorispondi għall-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 (ara l-punti 76 sa 80 iktar ’il fuq). Fid-dawl ta’ dan li ntqal, ir-rikorrent seta’ għalhekk wera l-opinjoni tiegħu lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

132    F’kull każ, hemm lok li jiġi rrilevat li n-nuqqas eventwali ta’ seduta preliminari ma għandhiex effett fuq il-legalità tal-att, għaliex seduta tali ma setgħetx twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 31, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punti 80 sa 82). La l-osservazzjonijiet tar-rikorrent fl-ittra tal-15 ta’ Mejju 2008 li huwa indirizza lill-Kunsill u lanqas il-punti ta’ fatt u l-punti ta’ liġi li ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ma jikkontjenu element ta’ informazzjoni addizzjonali sostanzjali li jista’ jwassal għal evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni politika fil-Mjanmar u tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrent mill-Kunsill. Fil-fatt, ir-rikorrent la jikkontesta l-preżentazzjoni tas-sitwazzjoni politika fil-Mjanmar magħmula fir-regolament ikkontestat, la l-funzjoni professjonali ta’ missieru u lanqas ir-relazzjoni familjari tiegħu ma’ dan tal-aħħar, kif esposti fl-Anness VI tal-imsemmi regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 353/2009. Huwa lanqas ma stabbilixxa li kien iddissoċja ruħu minn missieru b’tali mod li l-pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar bħala mexxej importanti ta’ impriżi ma kinitx iktar tivvantaġġjah (ara punt 69 iktar ’il fuq).

133    Barra minn hekk, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fl-avviż tal‑11 ta’ Marzu 2008, anki jekk dan tal-aħħar ma kienx għadu ġie ppubblikat meta ġie adottat ir-regolament ikkontestat, il-Kunsill qajjem il-possibbiltà għal persuni u entitajiet ikkonċernati li f’kull ħin jissottomettulu talba għar-rikunsiderazzjoni tad-deċiżjoni, li permezz tagħha l-ismijiet tagħhom ġew inklużi u miżmuma fil-listi inkwistjoni, billi jannettu magħha kwalunkwe dokument utli ta’ appoġġ. F’dan il-każ, ir-rikorrent talab lill-Kunsill, b’ittra tal‑15 ta’ Mejju 2008, li jipprovdi għad-dispożizzjoni tiegħu l-punti ta’ fatt li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fuq il-lista tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat u li jħassar ismu mill-imsemmija lista. Il-Kunsill irrisponda b’ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2008 billi jispjega r‑raġuni taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fuq din il-lista.

134    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li skontu d-drittijiet tad-difiża ma ġewx osservati fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ dħul jew ta’ ħruġ mit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni prevista mill-Pożizzjoni Komuni 2006/318, għandu jiġi rrilevat li tali miżuri ma humiex stipulati fir-regolament ikkontestat. Kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tal-imsemmija Pożizzjoni Komuni, dawn il-miżuri għandhom jiġu implementati mill-Istati Membri u mhux mill-Komunità. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar pożizzjoni komuni stabbilita abbaża tal-Artikolu 15 UE.

135    Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

–       L-argumenti tal-partijiet

136    Ir-rikorrent isostni li l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-legalità ta’ miżura ta’ ffriżar tal-assi għandu jiġi estiż għall-evalwazzjoni tal-fatti u ċirkustanzi invokati għall-ġustifikazzjoni tagħha, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni.

137    Skont ir-rikorrent, ir-regolament ikkontestat ma jipprevedi ebda minn dawn il‑protezzjonijiet fundamentali. Ma teżisti ebda dispożizzjoni li tipprevedi l-aċċess għall-qorti. Il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament quddiem il‑Qorti Ġenerali ma hijiex rimedju effettiv f’dan is-sens. Madankollu, ir-rikorrent iqis li stħarriġ u eżami tal-mertu tal-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu fuq il-lista huwa neċessarju. Il-Qorti Ġenerali għandha tkun tista’ tivverifika, pereżempju, l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, l-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter.

138    Ir-rikorrent iżid jgħid li dan in-nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv huwa aggravat iktar bid-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom fl-isforzi tiegħu biex jikkontesta l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ ħruġ mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni prevista bil-Pożizzjoni Komuni 2006/318.

139    Ir-rikorrent jallega li huwa fl-impossibbiltà li jiddefendi d-drittijiet tiegħu, fir-rigward tal-provi li ntużaw kontrih, f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tistħarreġ il-legalità tar-regolament ikkontestat fir-rigward tiegħu. Skontu, l-imsemmi regolament ma jipprevedi ebda proċedura li tippermettilu li jsostni l-argumenti tiegħu fir-rigward tal-provi li ntużaw kontrih.

140    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

141    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma għandhom taħt is-sistema legali Komunitarja, peress li d-dritt għal tali protezzjoni jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri u peress li ġie stabbilit mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u kkonfermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1) (ara s-sentenza Kadi, punt 47 iktar ’il fuq, punt 335, u OMPI, punt 94 iktar ’il fuq, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrent, il-garanzija relatata mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva hija żgurata mid-dritt li għandhom il-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi tagħhom, (ara, f’dan il-sens, is-sentenza OMPI, punt 94 iktar ’il fuq, punt 152, u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ma għandux isemmi espressament din il-possibbiltà għat-tfittix ta’ rimedju. Peress li r-rikors għal annullament jagħmel parti mis-sistema ġenerali tar-rikorsi previsti fit-Trattat KE, huwa stabbilit li r-rikorrent għandu, fil-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, ukoll aċċess għall-qorti. F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-avviż tal-11 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill espressament ġibed l-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.

144    Rigward il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi ammess li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, konformi ma’ pożizzjoni komuni adottata skont il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Peress li l-qorti ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar il-provi, fatti u ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri minflok dik tal-Kunsill, l‑istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar tal-fondi għandu jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza OMPI, punt 94 iktar ’il fuq, punt 159, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    L-effikaċità ta’ tali stħarriġ jimplika li l-istituzzjoni inkwistjoni hija obbligata tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni (ara punt 95 iktar ’il fuq). Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-motiv dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kunsill, f’dan il-każ, immotiva, suffiċjentement fid-dritt, l-iffissar tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara l-punti 93 sa 111 iktar ’il fuq).

146    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li n-nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv huwa aggravat bid-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom fl-isforzi tiegħu biex jikkontesta l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ ħruġ mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni prevista bil-Pożizzjoni Komuni 2006/318, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar tali projbizzjoni, anki bil-preżunzjoni li din ġiet implementata mill-Istati Membri, ħaġa li ma ntweritx f’dan il-każ mir-rikorrent (ara l-punt 134 iktar ’il fuq).

147    Dan l-aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tad-dritt għal proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

148    Fid-dawl tal-konnessjoni bejn l-argumenti tar-rikorrent insostenn tal-motivi bbażati rispettivament fuq ksur tad-dritt għal proprjetà u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jidher xieraq li dawn iż-żewġ motivi jiġu eżaminati flimkien.

–       L-argumenti tal-partijiet

149    Ir-rikorrent isostni li l-inklużjoni ta’ ismu fir-regolament ikkontestat tikkostitwixxi preġudizzju sproporzjonat għad-dritt għal proprjetà tiegħu.

150    Skont ir-rikorrent, l-iffriżar, għal perijodu indeterminat, tal-assi ta’ individwu jikkostitwixxi “interferenza kbira fit-tgawdija fil-paċi ta’ proprjetà”. Din ir‑restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata f’dan il-każ, peress li huwa ma għandux x’jaqsam mar-reġim li qiegħed fil-gvern u li missieru ma ppruvax jevita l-iffriżar tal-assi tiegħu billi jittrasferixxi l-fondi lil membri oħra tal-familja tiegħu.

151    Ir-rikorrent isostni li dan il-preġudizzju huwa wkoll sproporzjonat, peress li l‑konsegwenzi tal-iffriżar tal-assi tiegħu huma “estensivi” u “gravi”. Skontu, ir‑regolament ikkontestat jipprevedi ffriżar tal-fondi kollha tiegħu u tal-fondi u riżorsi ekonomiċi kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu.

152    L-effetti tar-regolament ikkontestat huma anki iktar sostanzjali flimkien mal-projbizzjoni ta’ dħul jew ta’ ħruġ mit-territorju ta’ kull Stat Membru previst mill-Pożizzjoni Komuni 2006/318.

153    Fir-replika, ir-rikorrent isostni li, sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, hemm lok li jiġu kkunsidrati l-proċeduri applikabbli minn perspettiva ġenerali. Minkejja l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ rikunsiderazzjoni perjodika tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u minkejja dispożizzjoni li tippermetti l‑iżblokkar ta’ fondi sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet bażiċi, il-miżura inkwistjoni hija restrizzjoni inġustifikata għad-dritt għal proprjetà.

154    Fir-rigward tar-rikunsiderazzjoni perjodika tas-sitwazzjoni tiegħu, ir-rikorrent isostni li din ma tista’ qatt twassal għat-tneħħija tal-miżuri restrittivi li huma applikabbli għalih, peress li huwa ma jistax ibiddel il-fatt li “huwa t-tifel ta’ missieru”.

155    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

156    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal proprjetà, imsemmi b’mod partikolari fl-Artikolu 6(2) UE kif ukoll fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizjonali Nru 1 tal-KEDB u affermat mill-ġdid fl-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt. Madankollu, dan il-prinċipju ma huwiex prerogattiva assoluta, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-rwol tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt għal proprjetà, sakemm dawn ir‑restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali li l‑Komunità tfittex li tilħaq u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan imfittex, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza per se tad-dritt hekk iggarantit (ara s-sentenza Kadi, punt 47 iktar ’il fuq, punti 355 u 356, u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-miżura tal-iffriżar tal-assi tar-rikorrent, li hija miżura kawtelatorja, mhux suppost iċċaħħad lil dan tal-aħħar mill-proprjetà tiegħu, din tinkludi restrizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà tar-rikorrent. Din ir-restrizzjoni għandha tiġi kkwalifikata bħala sostanzjali fid-dawl tal-portata ġenerali tal-miżura ta’ iffriżar u fid-dawl tal-fatt li din tal-aħħar hija applikabbli, bis-saħħa tar-Regolament Nru 2297/2003, wara Diċembru 2003 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

158    Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk din ir-restrizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà tar-rikorrent tistax tkun iġġustifikata.

159    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandha teżisti rabta raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex. Għaldaqstant hemm lok li jiġi mfittex jekk l-ekwilibriju nżammx bejn ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali u l-interess tal-individwu jew tal-individwi kkonċernati. Huwa u jsir hekk, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa għandha tiġi rrikonoxxuta lil-leġiżlatur kemm sabiex jagħżel il-modalitajiet ta’ implementazzjoni kif ukoll sabiex jiddeċiedi jekk il-konsegwenzi tagħhom jirriżultawx leġittimi, fl-interess ġenerali, mix-xewqa li jintlaħaq l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni [sentenza Kadi, punt 47 iktar ’il fuq, punt 360; ara s‑sentenza tal-Qorti Ewropea D. H., J. A. Pye (Oxford) Ltd. u J. A. Pye (Oxford) Land Ltd. vs Ir-Renju Unit tat-30 ta’ Awwissu 2007, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, § 55 u 75].

160    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-importanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi sanzjonijiet tista’ tkun tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki sostanzjali, għal ċerti persuni kkonċernati, inkluż dawk li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati, iżda li jinsabu affettwati b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għal proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra, p. I-3953, punti 22 u 23, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2006, Hassan vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑49/04, Ġabra p. II‑52, punti 99 u 100; ara, wkoll, is-sentenza tal-Qorti Ewropea D. H., Bosphorus Hava Yolları Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi vs L-Irlanda tat-30 ta’ Ġunju 2005, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2005-VI, § 166 u 167).

161    F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessa 6 tar-regolament ikkontestat li l-għan tiegħu huwa, fid-dawl tal-vjolazzjonijiet serji u kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem li kienu twettqu għal żmien twil mir-reġim militari tal-Mjanmar, li jikkontribwixxi permezz ta’ tiġdid u tisħiħ ta’ miżuri restrittivi meħuda kontra l‑Unjoni tal-Mjanmar li jippromwovu r-rispett tad-drittijiet fundamentali u għalhekk kellhom l-għan li jipproteġu l-prinċipji morali tas-soċjetà.

162    Il-Kunsill qies korrettament li l-għan tal-interess ġenerali mfittex bir-regolament ikkontestat huwa fundamentali għall-komunità internazzjonali. Kif il-Kunsill enfasizza fir-risposta tiegħu, għandu jiġi rrilevat li, wara numru ta’ snin, l-Unjoni Ewropea, Stati terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi ppruvaw jagħmlu pressjonijiet b’diversi modi fuq ir-reġim militari tal-Mjanmar u l-persuni li huma assoċjati miegħu bl-għan li jtejbu s‑sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż.

163    Fid-dawl tal-importanza ta’ tali għan ta’ interess ġenerali, l-iffriżar tal-fondi u riżorsi ekonomiċi kollha tal-membri tal-Gvern tal-Mjanmar u tal-persuni li huma assoċjati magħhom ma jistax, fih innifsu, jitqies li huwa inadegwat jew sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosphorus, punt 160 iktar ’il fuq, punt 26, u s-sentenza tal-Qorti Ewropea D. H, Bosphorus Hava Yolları Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi vs L-Irlanda, punt 160 iktar ’il fuq, § 167).

164    Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fir-regolament ikkontestat, l-ekwilibriju nżamm bejn ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali u dawk tal-interess tar-rikorrent.

165    Fil-fatt, skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament ikkontestat, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi. Din l-eżenzjoni tirrigwarda l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi, maħsuba għall-ħlas ta’ onorarji u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi ma’ servizzi legali kif ukoll għall-ħlas ta’ onorarji jew ħlasijiet għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew meħtieġa sabiex jiġu koperti l-ispejjeż straordinarji.

166    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-Artikolu 9 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, il-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar huma kontinwament irrikunsidrati mill-Kunsill. Tali rikunsiderazzjoni tinkludi wkoll iż‑żamma tal-persuni li l-ismijiet tagħhom huma mniżżla fil-listi tal-Anness II ta’ din il-pożizzjoni komuni. Fl-avviż tal-11 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill indika fil-fatt li l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati setgħu jressqulu talba għal rikunsiderazzjoni tad-deċiżjoni li biha isimhom ġie miżjud u miżmum fuq dawn il-listi.

167    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li tali rikunsiderazzjoni individwali ma setgħetx twassal għat-tneħħija tal-miżuri restrittivi li huma applikabbli għalih peress li huwa ma jistax ibiddel il-fatt li huwa “t-tifel ta’ missieru”, hemm lok li jiġi kkunsidrat li rikunsiderazzjoni ma għandhiex neċessarjament ikollha bħala riżultat it-tneħħija tal-miżuri restrittivi wara kull talba f’dan ir-rigward. Din ir‑rikunsiderazzjoni individwali għandha essenzjalment l-għan li persuna tkun ikkonċernata meta ma tappartjenix għall-kategoriji ta’ persuni affettwati mill-miżuri restrittivi, pereżempju meta ma hijiex direttur importanti ta’ impriżi jew membru tal-familja tiegħu. Huwa wkoll neċessarju li jiġi evalwat jekk il-membri tal-familja ta’ direttur importanti ta’ impriżi ddissoċjawx ruħhom minn dan tal-aħħar. B’mod ġenerali, il-miżuri restrittivi meħuda kontra pajjiż terz ma jistgħux jitqiegħdu inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrent, il-fatt li huwa t-tifel ta’ direttur importanti ta’ impriżi, ma għandhux il‑konsegwenza li, wara rikunsiderazzjoni individwali mill-Kunsill tad-deċiżjoni li biha ismu ġie miżjud jew miżmum fuq il-lista tal-persuni li għalihom japplika l‑iffriżar tal-assi, ismu għandu jiġi awtomatikament miżjud fuq din il-lista, billi huwa dejjem jista’ juri li huwa ddissoċja ruħu minn missieru u ma jibbenefika b’ebda mod mill-politika ekonomika tal-pajjiż terz.

168    Rigward ir-restrizzjonijiet dwar id-dħul jew il-ħruġ mit-territorju tal-Istati Membri li jikkonċernaw ir-rikorrent, previsti fl-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318/PESK, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar tali miżura, anki bil-preżunzjoni li din ġiet implementata mill-Istati Membri, ħaġa li ma ntweritx f’dan il-każ mir-rikorrent (ara l-punt 134 iktar ’il fuq).

169    Fl-aħħar, skont il-ġurisprudenza, il-proċeduri applikabbli għandhom joffru lill-persuna kkonċernata okkażjoni adatta biex tressaq il-każ tagħha lill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ din il‑kundizzjoni, li tikkostitwixxi rekwiżit inerenti għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizjonali tal-KEDB, hemm lok li l-proċeduri applikabbli jiġu kkunsidrati minn perspettiva ġenerali (sentenza Kadi, punt 47 iktar ’il fuq, punt 368; ara, ukoll, is‑sentenza tal-Qorti Ewropea D. H, Black vs Il-Finlandja tal-20 ta’ Lulju 2004, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2004-VII, § 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Issa, f’dan il-każ, l-eżami tal-proċeduri applikabbli ma wassalx għall-konklużjoni li r-rikorrent ma kellux okkażjoni adatta biex iressaq il-każ tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti (ara l-punti 120 sa 135 u 141 sa 147 iktar ’il fuq).

171    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu għalhekk jiġi konkluż li l-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar li jolqtu b’mod konkret ir-rikorrent jikkostitwixxu retrizzjonijiet ġustifikati li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

172    Għalhekk, il-motivi bbażati rispettivament fuq ksur tad-dritt għal proprjetà u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistgħux jiġu milqugħa.

 Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipji legali li jirriżultaw min-natura kriminali tal-impożizzjoni tal-iffriżar tal-assi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

 L-argumenti tal-partijiet

173    Ir-rikorrent isostni fir-replika li l-ispjegazzjonijiet dwar ir-raġuni għaliex ismu tniżżel fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament Nru 353/2009, mogħtija mill-Kunsill fir-risposta tiegħu jekwivalu għal sanzjoni penali kontrih.

174    Skont ir-rikorrent, ebda akkuża ma tressqet kontrih. Bl-istess mod, ebda prova ta’ aġir illegali u lanqas ebda prova li turi li huwa bbenefika mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar ma ġew prodotti.

175    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill applika b’mod inkoerenti l-preżunzjoni li skontha huwa bbenefika mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar minħabba r‑relazzjoni tiegħu ma’ missieru sa fejn ma jiffriżax l-assi miżmuma minn ulied id-diretturi importanti ta’ impriżi meta dawn l-ulied huma minuri. Fil-fatt, l-assi tar-rikorrent ġew iffriżati għall-ewwel darba meta huwa kellu sittax-il sena.

176    Skont ir-rikorrent, il-Kunsill kiser għalhekk il-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u ta’ ċertezza legali meta ffriża b’mod indefinit l-assi tal-membri tal-familja tad-diretturi importanti ta’ impriżi.

177    Barra minn dan, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju li s-sanzjonijiet penali għandhom ikunu speċifiċi għall-persuna kkonċernata. Persuna tista’ tiġi inkriminata biss għall-atti li huma imputati personalment lilha u hija ma tistax tiġi inkriminata meta hija ma wetqitx att illegali.

178    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, jirrispondi li, fir-replika, ir-rikorrent iqajjem motivi ġodda li, skont l‑Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, huma inammissibbli. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

179    Fir-replika, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipji legali li jirriżultaw min-natura kriminali tal-impożizzjoni tal-iffriżar tal-assi, inkluż b’mod partikolari l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, u ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

180    L-ewwel nett, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji legali li jirriżultaw min-natura kriminali tal-impożizzjoni tal-iffriżar tal-assi, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża, sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

181    Ir-raġunament tal-Kunsill jirriżulta b’mod ċar u mhux ambigwu mir-regolament ikkontestat u ppermetta lir-rikorrent ikun jaf bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar (ara l-punti 93 sa 111 iktar ’il fuq). Għandu jiġi kkonstatat li, skont dan ir-raġunament, il-miżura li tikkonsisti fl-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-anness inkwistjoni ma kkostitwixxitx sanzjoni penali. Kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrent, il-Kunsill ma kkompletax din il‑motivazzjoni, fir-risposta tiegħu, billi pproduċa punti ta’ liġi jew ta’ fatt dwar il‑kwalifika tad-deċiżjoni li jinkludi l-isem tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni affettwati b’mod konkret b’dawn il-miżuri.

182    Il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji legali li jirriżultaw min-natura kriminali tal-impożizzjoni tal-iffriżar tal-assi, u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, jikkostitwixxi għalhekk motiv ġdid li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

183    F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma humiex ta’ natura kriminali. Fil-fatt, billi l-assi tal-partijiet ikkonċernati ma humiex ikkonfiskati bħala proprjetà miksuba minn attività kriminali, iżda ffriżati bħala prevenzjoni, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux sanzjoni penali u dawn, barra minn hekk, ma jimplikaw ebda akkuża ta’ din in-natura (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, Ġabra p. II‑73, punt 101).

184    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li ebda prova ta’ aġir illegali ma ġiet prodotta fir-rigward tiegħu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma jirrikjedux li r-rikorrent ikun wettaq tali aġir sabiex il-miżuri restrittivi jkunu applikabbli għalih.

185    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li skontu ebda prova li turi li huwa bbenefika mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar ma ġiet prodotta, hemm lok li jitfakkar li, jekk ċerti miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar jaffettwaw b’mod konkret ir-rikorrent, dan jirriżulta mill-preżunzjoni li skontha l-membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi ta’ pajjiż terz jibbenefikaw ukoll mill-politika ekonomika tal-gvern ta’ dan il-pajjiż, li tista’ tiġi konfutata jekk rikorrent jirnexxilu juri li ma għandux konnessjoni mill-qrib mal-mexxej li jagħmel parti mill-familja tiegħu b’tali mod li huwa ma jibbenefika bl-ebda mod minn din il-politika ekonomika. Għalhekk il-Kunsill ma għandux għalfejn jipproduċi l-prova li r-rikorrent jibbenefika mill-politika ekonomika tal-gvern tal-Mjanmar.

186    Sussegwentement, rigward il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rikorrent jilmenta dwar it-tul indeterminat tal-iffriżar tal-assi tiegħu mill-Kunsill.

187    Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv ma huwiex motiv ġdid, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, iżda amplifikazzjoni tal-motivi msemmija preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li dan għandu jitqies bħala ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II-1333, punt 435 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, dan l-ilment jagħmel parti minn dawk invokati fil-kuntest tal-motivi bbażati rispettivament fuq ksur tad-dritt għal proprjetà u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-punti 149 sa 151 iktar ’il fuq). L-argument tar-rikorrent dwar il-perijodu indeterminat tal-iffriżar tal-assi tiegħu ġie miċħud fl-eżami ta’ dawn il-motivi (ara punt 167 iktar ’il fuq). F’dan il-każ, għandu jiġi miżjud li l-pożizzjonijiet komuni stabbiliti mill-Kunsill bl-għan li jiġu stabbiliti u jinżammu l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma limitati fiż-żmien (ara l-punti 3 u 5 iktar ’il fuq).

188    Fl-aħħar, ir-rikorrent jiddikjara li l-Kunsill applika b’mod inkoerenti l-preżunzjoni li skontha huwa bbenefika mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar minħabba r-relazzjoni tiegħu ma’ missieru sa fejn ma jiffriżax l-assi miżmuma minn ulied id-diretturi importanti ta’ impriżi meta dawn l-ulied huma minuri. Fil-fatt, l-assi tar-rikorrent ġew iffriżati għall-ewwel darba meta huwa kellu sittax-il sena. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li limitazzjoni tas-sanzjonijiet, b’tali mod li ma jiġux inklużi minuri fiċ-ċirku tal-persuni affettwati b’mod konkret bil-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar, ma jistax ikollha bħala konsegwenza l-illegalità tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament Nru 353/2009. Mill-bidu nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 6 tal-Pożizzjoni Komuni 2005/340/PESK u fil-premessa 6 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 tiegħu, il-Kunsill spjega l-politika tiegħu li skontha t-tfal ta’ inqas minn 18-il sena ma għandhomx jiġu affettwati bil-miżuri restrittivi inkwistjoni.

189    Minn dan jirriżulta li l-motivi bbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipji legali li jirriżultaw min-natura kriminali tal-impożizzjoni tal-iffriżar tal-assi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhom jiġu miċħuda.

190    Għalhekk, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikors fl-intier tiegħu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

191    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont id-diċitura tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

192    Billi r-rikorrent tilef, huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Pye Phyo Tay Za huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Mejju 2010.


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-konsegwenzi proċedurali tal-emenda tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat bir-Regolament Nru 353/2009

2.  Fuq il-mertu

Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tar-regolament ikkontestat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motivi bbażati fuq ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tad-dritt għal proprjetŕ u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipji legali li jirriżultaw min-natura kriminali tal-impożizzjoni tal-iffriżar tal-assi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.