Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Finlandja
(Kawża C-217/19)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes, E. Ljung Rasmussen, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Finlandja
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tiddikjara li billi toħroġ b’mod rikorrenti permessi għall-kaċċa fir-rebbiegħa tal-Edreduni (Somateria mollissima) maskili fil-provinċja ta’ Åland mill-2011, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 7(4) u 9(l)(c) tad-Direttiva 2009/147/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi;
tikkundanna lir-Repubblika tal-Finlandja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Mill-2011, il-gvern tar-reġjun tal-gżejjer Åland, reġjun awtonomu fil-Finlandja, awtorizza b’mod rikorrenti kull sena “deroga għal kaċċa fir-rebbiegħa” tal-papri Edreduni maskili bi kwota totali minn 2000 sa 3800 għasfur matul ġimgħatejn sa tliet ġimgħat f’Mejju. Dan il-perijodu jikkoinċidi mal-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-Edreduni.
L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2009/147/KE jipprojbixxi l-kaċċa matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni.
Il-Finlandja ssostni li l-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Edreduni fil-gżejjer Åland hija ġġustifikata mid-dispożizzjoni ta’ deroga tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147/KE. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom l-oneru li jipprovaw li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni.
Il-Kummissjoni tqis li l-Finlandja, l-ewwel nett, ma stabbilixxietx li s-sistema ta’ deroga tikkostitwixxi “użu meqjus” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147/KE. B’mod partikolari, il-Finlandja ma ssostanzjatx bi provi xjentifiċi affidabbli li huwa żgurat li l-popolazzjoni rilevanti tal-papri Edreduni qedha tinżamm f’livell sodisfaċenti.
It-tieni net, il-Finlandja ma pprovatx li l-kaċċa fir-rebbiegħa awtorizzata tikkonċerna biss l-użu ta’ għasafar “f’numri żgħar” skont l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147/KE.
____________
1 Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7)