Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2018 minn České dráhy a.s. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-20 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-325/16, České dráhy vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-538/18 P)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Appellanti: České dráhy a.s. (rappreżentanti: K. Muzikář u J. Kindl, advokáti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Appell ippreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-20 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-325/16, České dráhy vs Il-Kummissjoni.

Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors ippreżentat b’applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, li permezz tiegħu České dráhy talbet l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2417 finali tat-18 ta’ April 2016 fil-Każ AT.40156 – Falcon. Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni “sa fejn hija tikkonċerna rotot oħra minbarra r-rotta Praga-Ostrava u aġir ieħor minbarra l-allegata prattika ta’ prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż ta’ produzzjoni”. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għall-bqija. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħtija fl-20 ta’Ġunju 2018 fil-Kawża T-325/16, České dráhy vs Il-Kummissjoni, EU:T:2018:368, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ispejjeż;

tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2417 finali tat-18 ta’ April 2016 fil-Każ AT.40156 – Falcon;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura fil-Kawża T-325/16 u għall-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    L-ewwel aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li d-deċiżjoni kkontesta tal-Kummissjoni hija mmotivata suffiċjentement.

České dráhy ssostni li l-Kummissjoni Ewropea ma mmotivatx id-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjentement preċiż u ddettaljat, u li hija għaldaqstant ma wettqitx l-obbligi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat sa fejn hija madankollu annullat – fl-intier tagħha – id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni.

2.    It-tieni aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, injorat bosta provi li jindikaw li České dráhy ma kinitx aġixxiet illegalment.

České dráhy ssostni li l-Kummissjoni, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, ma eżaminatx il-fatti li juru li l-aġir tagħha ma kienx illegali u tikkritika lill-Kummissjoni talli adottat id-deċiżjoni kkontestata (b’mod kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità) biss abbażi ta’ ċerti provi iżolati u mneħħija mill-kuntest tagħhom. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat sa fejn hija madankollu annullat – fl-intier tagħha – id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni.

3.    It-tielet aggravju bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

L-appellanti ssostni li, abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tinvestiga biss l-aġir li għandu mnejn jikser l-Artikolu 101 u/jew l-Artikolu 102 TFUE. Il-Kummissjoni ordnat spezzjoni fil-bini tal-appellanti għaliex hija ssuspettat ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata biss fejn a) l-impriża, jekk ikun il-każ, tkun abbużat minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu u fejn b) il-prattika allegatment abbużiva jkollha mnejn taffettwa sostanzjalment il-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-appellanti hija konvinta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-imsemmija kundizzjonijiet kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

4.     Ir-raba’ aggravju bbażat fuq in-natura żbaljata tad-dispożittiv tal-Qorti Ġenerali rigward l-ispejjeż.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tilqa’ b’mod sħiħ it-talba u għaldaqstant tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ České dráhy.

____________