Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Gera (il-Ġermanja) fl-4 ta’ Novembru 2019 – ER vs Volkswagen AG

(Kawża C-809/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Gera

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ER

Konvenuta: Volkswagen AG

Domandi preliminari

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 27(1) tal-EG-Fahrzeuggenehmigungsverordnung (iktar ’il quddiem “EG-FGV”) 1 , kif ukoll l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2007/46/KE 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-manifattur jikser l-obbligu tiegħu li joħroġ ċertifikat validu skont l-Artikolu 6(1) tal-EG-FGV (jew l-obbligu li joħroġ ċertifikat ta’ konformità skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2007/46) meta huwa jkun installa fil-vettura tagħmir ta’ manipulazzjoni pprojbit fis-sens tal-Artikolu 5(2) u tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 3 , u li t-tqegħid fis-suq ta’ din il-vettura jmur kontra l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ vettura li ma tkunx akkumpanjata b’ċertifikat ta’ konformità validu kif previst fl-Artikolu 27(1) tal-EG-FGV (jew il-projbizzjoni li tinbiegħ vettura mhux akkumpanjata b’ċertifikat ta’ konformità validu kif previst fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2007/46)?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv:

1.a)    L-Artikoli 6 u 27 tal-EG-FGV, kif ukoll l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46 huma intiżi sabiex jipproteġu wkoll lill-klijent finali inkluż, f’dak li jirrigwarda l-libertà ekonomika tiegħu u l-patrimonju tiegħu? L-akkwist, minn klijent finali, ta’ vettura li kienet tqiegħdet fis-suq mingħajr ċertifikat ta’ konformità validu jagħmel parti mir-riskji li l-adozzjoni ta’ dawn in-normi kienet intiża sabiex tipprevjeni?

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 huwa intiż sabiex jipproteġi wkoll lill-klijent finali, inkluż f’dak li jirrigwarda l-libertà ekonomika tiegħu u l-patrimonju tiegħu? L-akkwist, minn klijent finali, ta’ vettura li hija mgħammra b’tagħmir ta’ manipulazzjoni pprojbit jagħmel parti mir-riskji li l-adozzjoni ta’ dawn in-normi kienet intiża sabiex tipprevjeni?

L-Artikoli 6 u 27 tal-EG FGV kif ukoll l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46 u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma hemmx lok għal tpaċija tad-danni mġarrba mill-klijent finali bl-ammont, sħiħ jew parzjali, ta’ kumpens għall-użu effettiv tal-vettura (u jekk ikun il-każ: b’liema mod u f’liema proporzjon?), meta, minħabba dan il-ksur, il-klijent jista’ jeżiġi u fil-fatt jeżiġi, ix-xoljiment jew l-annullament tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura? Il-fatt li, minbarra li jkun kiser l-obbligu tiegħu jew din il-projbizzjoni, il-manifattur ikun qarraq bl-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni u bil-klijenti finali fir-rigward tal-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet kollha għall-approvazzjoni ġewx issodisfatti u li l-vettura setgħet tintuża, mingħajr restrizzjoni, fit-toroq, u li dan il-ksur u dan it-tqarriq twettqu sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u jitkabbru l-profitti permezz ta’ volum importanti ta’ bejgħ, filwaqt li ġie żgurat vantaġġ kompetittiv b’detriment għal klijenti li ma kienu qed jissuspettaw xejn, jibdel l-interpretazzjoni?

____________

1     EG Fahrzeuggenehmigungsverordnung (ir-Regolament Ġermaniż dwar l-approvazzjoni KE tal-vetturi) tat-3 ta’ Frar 2011 (BGBl. I, p. 126), kif emendat bl-Artikolu 7 tar-Regolament tat-23 ta’ Marzu 2017 (BGBl. I, p. 522).

2     Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU 2007, L 263, p. 1).

3     Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).