Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fid-29 ta’ Settembru 2020 – XXXX vs Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

(Kawża C-483/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: XXXX

Konvenut: Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

Domanda preliminari

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, essenzjalment l-Artikoli 18 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 2, 20, 23 u 31 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 u l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali 2 , jipprekludi li, fl-implementazzjoni tal-awtorità mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE, Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba protezzjoni diġà mogħtija minn Stat Membru ieħor, meta l-applikant huwa l-missier ta’ wild minuri mhux akkumpanjat li kien kiseb protezzjoni fl-ewwel Stat Membru, huwa l-uniku ġenitur tal-familja nukleari preżenti viċin il-wild, huwa joqgħod miegħu u meta l-imsemmi Stat Membru rrikonoxxa l-awtorità parentali tal-imsemmi applikant fuq il-wild? Il-prinċipji ta’ unità tal-familja u li jippreskrivi l-osservanza tal-interess superjuri tal-wild jeħtieġu, għall-kuntrarju, li protezzjoni tingħata lil dan il-ġenitur mill-Istat fejn il-wild tiegħu kiseb protezzjoni?

____________

1 ĠU L 337, p. 9.

2 ĠU L 180, p. 60.