Language of document : ECLI:EU:T:2007:212

Kawża T-351/03

Schneider Electric SA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità — Dannu subit minn impriża minħabba ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jivvizzja l-proċedura ta’ verifika tal-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq Komuni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura – Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 21(1), u 53(1), Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(c))

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju

(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju

(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju

(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE)

5.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Deċiżjoni li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni

(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE)

6.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Osservanza tad-drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 18(1) u (3))

7.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Identiċità tat-timijiet ta’ uffiċjali responsabbli mill-istadji differenti tal-verifika ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi minkejja annullament li seħħ bejn dawn id-diversi stadji

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 18(3) u (4))

8.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 8(4))

9.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Teħid in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-ftehim, legali taħt id-dritt nazzjonali, li jorbtu lill-impriżi li huma partijiet f’konċentrazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 2)

10.    Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni li tinfetaħ il-fażi ta’ eżami approfondit — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli 2(3), 6(1), u 8(3))

11.    Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi ta’ eżami approfondit

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 6(1)(c))

12.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali

(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE)

13.    Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Nuqqas ta’ preżunzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli 2 u 10)

14.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali

(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE)

15.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali

(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE)

16.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali

(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 7(3))

17.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu — Kumpens

(It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE)

1.      Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza permezz ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-istess Statut, u skond l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed biex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u biex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tippronunzja ruħha fuq ir-rikors, jekk dan ikun il-każ, mingħajr ma tkun meħtieġa informazzjoni oħra. Bil-għan li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, ta’ l-inqas b’mod sommarju iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.

Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors li għandu l-għan li jikkumpensa d-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jikkontjeni l-elementi li jippermettu li tiġi identifikata l-imġiba li r-rikorrenti tattribwixxi għall-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li r-rabta kawżali teżisti bejn l-imġiba u d-dannu li hija tallega li subiet, kif ukoll il-karattru u d-daqs tad-dannu.

(ara l-punti 92-94)

2.      Sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, iridu jiġu ssodisfati numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta’ l-aġir allegat fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

Meta, l-illegalità ta’ att ġuridiku hija invokata bħala bażi ta’ l-azzjoni għal kumpens, din l-illegalità, sabiex tista’ tkun ta’ natura li twassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, għandha tammonta għal ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala oġġett li tikkonferixxi drittijiet liċ-ċittadini. Il-kriterju deċiżiv f’dan ir-rigward huwa dak tal-ksur manifest u gravi, minn istituzzjoni Komunitarja, tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

Is-sistema użata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tieħu b’mod partikolari in kunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li jridu jiġu affrontati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-awtur ta’ l-att in kwistjoni.

Meta l-istituzzjoni in kwistjoni għandha biss marġni ta’ diskrezzjoni konsiderevolment imnaqqsa, anki ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju.

L-istess japplika meta l-istituzzjoni konvenuta tonqos minn obbligu ġenerali tad-diliġenza jew tapplika b’mod ħażin normi sostanzjali jew proċedurali rilevanti.

(ara l-punti 113-118)

3.      Jekk il-kunċett ta’ ksur serju tad-dritt Komunitarju huwa neċessarju sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jkun mifhum bħala li jinkludi l-iżbalji kollha jew fatti li, anki jekk jippreżentaw livell ta’ serjetà ċerta, huma xorta waħda parti, permezz tan-natura tagħhom jew tal-portata tagħhom, mill-imġiba normali ta’ istituzzjoni responsabbli sabiex tissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li huma kumplessi, delikati u suġġetti għal marġini konsiderevoli ta’ interpretazzjoni, dan jista’ jikkomprometti l-eżerċizzju sħiħ tal-funzjoni tar-regolatur tal-kompetizzjoni, kuntrarjament għall-interess ġenerali Komunitarju.

Ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju, għall-finijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-ksur ta’ obbligu legali li, għalkemm huwa ta’ dispjaċir, jista’ jiġi spjegat mil-limitazzjonijiet oġġettivi li jaqgħu fuq l-istituzzjoni u fuq l-aġenti tagħha bħala riżultat ta’ l-effett tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-verifika tal-konċentrazzjonijiet.

Min-naħa l-oħra jibqa’ d-dritt għal kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-imġiba ta’ l-istituzzjoni meta dan jikkostitwixxi att manifestament kuntrarju għar-regola ta’ dritt u serjament dannuż għall-interessi ta’ terzi għall-istituzzjoni u ma jkunux la ġustifikati u lanqas spjegati mil-limitazzjonijiet partikolari li huma imposti b’mod oġġettiv fis-servizz f’funzjonament normali.

Definizzjoni bħal din tal-limitu tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità hija ta’ tip li tipproteġi l-marġni ta’ manuvrar u l-libertà ta’ evalwazzjoni li għandu jibbenefika minnha, fl-interess ġenerali, ir-regolatur Komunitarju tal-kompetizzjoni, kemm fid-deċiżjonijiet diskrezzjonali tiegħu kif ukoll fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tiegħu tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju primarju u sekondarju, mingħajr madankollu ma jattribwixxi lil terzi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li mhumiex skużabbli.

(ara l-punti 121-125)

4.      Ma jistax jiġi eskluż li l-vizzji manifesti u gravi li jaffettwaw l-analiżi ekonomika li fuqha huma bbażati deċiżjonijiet meħuda dwar il-politika tal-kompetizzjoni jistgħu jammontaw għall-ksur tar-regola ta’ dritt suffiċjentement serju sabiex ikun hemm r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

Madankollu, determinazzjoni bħal din timponi qabel xejn l-obbligu li jiġi vverifikat li r-regola miksura mill-analiżi difettuża hija ddestinata sabiex tikkonferixxi drittijiet lill-individwi. Issa, jekk ċerti prinċipji u ċerti regoli li għalihom l-analiżi ta’ kompetizzjoni hija marbuta li tikkonforma għandhom in-natura ta’ regoli ddestinati li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi, in-normi kollha, tad-dritt primarju jew sekondarju jew ibbażati fuq ġurisprudenza, li l-Kummissjoni għandha tirrispetta fl-evalwazzjonjiet ekonomiċi tagħha ma jistgħux mill-bidu jiġu kkunsidrati li għandhom tali natura.

Sussegwentement, l-analiżi ekonomiċi neċessarji għall-kwalifikazzjoni ta’ sitwazzjoni jew ta’ operazzjoni skond id-dritt tal-kompetizzjoni huma ġeneralment, kemm fuq il-livell tal-fatti kif ukoll fuq dak tar-raġunament elaborat mid-deskrizzjoni tagħhom, dikjarazzjonijiet intellettwali kumplessi u diffiċli, li fihom jistgħu jaħarbu ċerti nuqqasijiet, bħal approssimazzjonijiet, inkoerenzi, anki ċerti omissjonijiet, fid-dawl tal-limitazzjonijiet tat-terminu li huma imposti fuq l-istituzzjoni. Għaldaqstant, dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal fil-każ tal-verifika ta’ konċentrazzjonijiet, l-analiżi tinkludi aspett prospettiv. Is-serjetà ta’ insuffiċjenza dokumentarja jew loġika tista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tikkostitwixxix dejjem ċirkustanza suffiċjenti sabiex twassal għar-responsabbiltà Komunitarja.

Fl-aħħar nett, l-Kummissjoni tiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex iżżomm il-kontroll tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, li jimplika li minn dan wieħed ma jistax jistenna prattika rigorożament stabbilita u invarjabbli fl-implementazzjoni tar-regoli rilevanti u, bl-istess mod, li hija tgawdi minn ċerta libertà fl-għażla ta’ l-għodda ekonometriċi għad-dispożizzjoni tagħha, kif ukoll f’dak tal-metodi ta’ approċċ approprijati għall-istudju ta’ fenomenu, safejn dawn l-għażliet mhumiex manifestament kuntrarji għar-regoli aċċettati mid-dixxiplina ekonomika u jkunu konsegwentement implementati.

(ara l-punti 129-132)

5.      Il-vizzji li jaffettwaw deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni, li ma kellhomx konsegwenzi fuq it-tkomplija tal-proċedura u, b’mod partikolari, li ma ċaħħdux lill-impriżi li huma partijiet f’konċentrazzjoni minn possibbiltà li jiksbu deċiżjoni favorevoli għall-operazzjoni, mhumiex xierqa, waħidhom, sabiex jikkawżaw dannu speċifiku lill-partijiet u, konsegwentement, sabiex twassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

(ara l-punti 134, 138, 139)

6.      Fil-kwalità tagħhom ta’ destinatarji tad-deċiżjonijiet ta’ awtorità pubblika li taffettwa b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom, l-impriżi li huma partijiet fl-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ daqs Komunitarju għandhom fil-fatt ikunu f’pożizzjoni li jinfurmaw b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom u, għal dawn il-finijiet, ikunu informati b’mod ċar, fi żmien xieraq, tas-sustanza ta’ l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni qajmet fir-rigward ta’ l-operazzjoni nnotifikata tagħhom.

Id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet għandha f’dan ir-rigward importanza partikolari, peress li hija speċifikament destinata sabiex tippermetti lill-impriżi kkonċernati jirreaġixxu għall-preokkupazzjonijiet espressi mill-istituzzjoni regolatorja, minn naħa, billi jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar dan, min-naħa l-oħra, bil-għan li jissottomettu lill-Kummissjoni miżuri destinati li jikkoreġu l-impatt negattiv ta’ l-operazzjoni nnotifikata.

Din il-garanzija, li taqa’ taħt il-garanziji fundamentali li bihom is-sistema legali Komunitarja tarmonizza t-twettiq tal-proċeduri amministrattivi, tagħti importanza kbira lill-verifika ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi.

Jikkostitwixxi ksur manifest u gravi ta’ l-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, il-fatt li l-Kummissjoni tfassal dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet b’tali mod li ma setgħetx tkun taf li, fin-nuqqas li tippreżenta l-miżuri korrettivi xierqa, hija ma kellha l-ebda possibbiltà li tara li l-operazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. Dawn il-ksur tad-drittijiet tad-difiża mhumiex ġustifikati u lanqas spjegati mil-limitazzjonijiet partikolari li jaqgħu oġġettivament fuq is-servizzi tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 147-149, 152, 154, 170)

7.      L-identiċità totali jew parzjali tat-timijiet ta’ uffiċjali responsabbli mill-istadji differenti ta’ verifika ta’ l-operazzjoni ma tikkostitwixxix, minn naħa tal-Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi.

Fil-fatt, jekk huwa veru li l-osservanza tad-dritt tal-persuni kkonċernati sabiex il-kawża tagħhom tinstema minn qorti indipendenti u imparzjali hija ggarantita mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni, li għalih jirreferi l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u ġiet stabbilita mill-ġdid fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, u sakemm id-dritt għal smigħ xieraq jistabbilixxi b’mod manifest regola li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-persuni kkonċernati, l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ma jipprojbixxix l-intervent minn qabel ta’ l-organi amministrattivi li ma jissodisfawx taħt l-aspetti kollha r-regoli li japplikaw għall-proċedura quddiem il-qrati, sakemm id-dritt għal qorti imparzjali jkun iggarantit.

Fil-qasam tal-verifika tal-konċentrazzjonijiet, ir-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 230 KE kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 4064/89 jikkostitwixxi rimedju ġurisdizzjonali li jinkludi l-garanziji mitluba mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni.

Minbarra dan, l-ebda regola ta’ dritt kif ukoll l-ebda prinċipju ma tipprekludi lill-Kummissjoni milli tafda f’idejn l-istess uffiċjali l-eżami mill-ġdid ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni li tiddikjara dik l-operazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni.

Fl-aħħar nett, wieħed ma jistax, bħala prinċipju ġenerali li jirriżulta mill-obbligu ta’ imparzjalità, jgħid li istanza amministrattiva jew ġudizzjarja għandha l-obbligu li tirrinvija l-kawża lil awtorità oħra jew lil organu ieħor ikkostitwit minn din l-awtorità.

(ara l-punti 181-186, 188)

8.      Meta operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tkun, bħal f’dan il-każ partikolari, diġà twettqet fil-mument meta l-Kummissjoni tikkonstata l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, l-Artikolu 8(4) tar-regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, jawtorizza l-istituzzjoni sabiex tordna kull azzjoni xierqa sabiex tistabbilixxi kompetizzjoni effettiva.

Sabiex jiġi determinat jekk, meta eżiġiet is-separazzjoni minn żewġ impriżi partijiet għal-operazzjoni tal-konċentrazzjoni, li tipproteġi l-intanġibbiltà tal-perimetru ta’ l-impriża kkonċernata u fejn ipprojbixxiet kull ċediment ulterjuri ta’ attivitajiet, il-Kummissjoni injoratx din id-dispożizzjoni b’mod manifest u gravi, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-metodi tas-separazzjoni, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-pożizzjonijiet ta’ l-impriżi notifikanti fis-swieq ikkonċernati, id-differenza li tissepara l-partijiet tagħha tas-suq minn dawk tal-kompetituri immedjati tagħha, il-fama tad-ditti tagħhom fi Franza, u li jiġi vverifikat jekk t-terminu ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni kien manifestament qasir wisq.

(ara l-punti 199-203, 209)

9.      Fl-eżerċizzju tal-kompetenza tal-verifika li hija għandha sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ daqs Komunitarju, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-ftehim li jorbtu l-partijiet notifikanti, sakemm il-kundizzjonijiet tagħhom ikunu legali skond id-dritt nazzjonali applikabbli.

(ara l-punt 221)

10.    Huwa suffiċjenti li jkun hemm dubji serji fuq il-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni sabiex tittieħed id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi II skond l-Artikolu 6(1)(c) tar-regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, filwaqt li l-prova tal-kreazzjoni jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti hija meħtieġa mill-Kummissjoni mill-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament meta hija tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni abbażi ta’ l-Artikolu 8(3).

(ara l-punti 235, 249, 250)

11.    F’materja dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, jekk l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża hija imposta qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ tippreġudika lill-impriżi kkonċernati, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi ta’ eżami approfondit ma tammontax għal att li jikkawża preġudizzju, li l-legalità tagħha tiddependi fuq l-osservanza ta’ dawn id-drittijiet.

(ara l-punt 240)

12.    Fil-kuntest tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, sabiex jiġi stabbilit id-dannu li jista’ jiġi attribwit lil azzjoni żbaljata ta’ istituzzjoni Komunitarja, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti tan-nuqqas li jiġġenera r-responsabbiltà u mhux dawk ta’ l-att li fih tali nuqqas, sakemm l-istituzzjoni setgħet jew kellha tadotta att ta’ l-istess effett mingħajr ma tikser ir-regola ta’ dritt.

Fi kliem ieħor, l-analiżi tar-rabta kawżali ma tistax titlaq mill-premessa żbaljata li tgħid li, fin-nuqqas ta’ att illegali, l-instituzzjoni tkun naqset milli taġixxi jew kellha tadotta att kuntrarju, li minn naħa tagħha tista’ tkun ukoll imġiba illegali, iżda għandha tagħmel paragun bejn is-sitwazzjoni kkawżata, għall-parti terza kkonċernata, mill-azzjoni żbaljata u s-sitwazzjoni li tirriżulta fil-konfront tagħha minn imġiba ta’ l-istituzzjoni li tosserva r-regola ta’ dritt.

Fil-każ fejn iċ-ċirkustanza ta’ żball li fuqha hija bbażata t-talba għal kumpens tinsab f’deċiżjoni li għandha bħala effett li tirrifjuta lil applikant awtorizzazzjoni jew miżura oħra favorevoli, ma jistax jiġi preżunt, għall-finijiet ta’ l-analiżi ta’ l-effetti ta’ l-iżball u tal-paragun bejn is-sitwazzjoni reali u s-sitwazzjoni legali kkonstatata, li, fin-nuqqas ta’ difett identifikat, l-applikant kien neċessarjament jibbenefika mill-awtorizzazzjoni jew mill-miżura oħra favorevoli li huwa kien qed jitlob.

Bl-istess mod, jeħtieġ li, meta jkun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża li jaffettwa deċiżjoni li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni, ma jiġix sostnut li, fin-nuqqas ta’ dan il-ksur, l-operazzjoni nnotifikata kienet tiġi ddikjarata kompatibbli b’mod espliċitu jew impliċitu, iżda li ssir evalwazzjoni ta’ l-effetti li d-difett identifikat seta’ kellu fuq is-sens tad-deċiżjoni.

B’hekk, id-dannu attribwibbli lill-Komunità ma jistax jiġi dedott mill-paragun bejn is-sitwazzjoni kkawżata mid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u sitwazzjoni kkaratterizzata mill-awtorizzazzjoni espressa jew taċita ta’ l-operazzjoni, ħlief fil-każ fejn l-qorti Komunitarja tkun f’pożizzjoni li tikkonstata li l-inkompatibbiltà ġiet iddikjarata mill-Kummissjoni bħala konsegwenza, diretta u ċerta, tal-ksur ta’ l-obbligi legali tagħha.

Minbarra dan, fis-sitwazzjoni fejn ma jkollhomx dritt għar-rikonoxximent tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, il-partijiet setgħu jkunu mċaħħda minn possibbiltà tajba li jiksbu deċiżjoni favorevoli, it-twettiq ta’ possibbiltà bħal din huwa marbut ma’ parametri inċerti wisq sabiex ikunu l-oġġett ta’ kwantifikazzjoni konvinċenti u jwasslu għal kumpens.

B’hekk, ma teżistix rabta kawżali suffiċjentement stretta bejn il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ impriża parti fl-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni u ċ-ċaħda ta’ deċiżjoni eventwali tal-kompatibbiltà sabiex ir-responsabbiltà tal-Komunità tista’ tirriżulta minħabba l-obbligu impost fuq l-impriża li jittrasferixxu l-assi li hija għandha fl-impriża kkonċernata, u konsegwentement lanqas sabiex jiġi attribwit lill-Komunità dannu ugwali għat-telf totali tal-valur li dawn l-assi soffrew bejn l-akkwist tagħhom u t-trasferiment sussegwenti tagħhom.

(ara l-punti 263-267, 278, 280, 282-283, 286, 292)

13.    Ir-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, ma joħloq l-ebda preżunzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata u f’kull każ hija l-Kummissjoni li għandha jkollha opinjoni ċara fuq din il-kompatibbiltà u li konsegwentement tieħu deċiżjoni.

Operazzjoni ta’ konċentrazzjoni taċitament titqies li hija kompatibbli mas-suq Komuni meta, b’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni ta’ ftuħ tal-fażi ta’ eżami approfondit fit-terminu ta’ xahar stabbilit mill-Artikolu 10(1) tar-regolament, jew iddeċidiet fuq il-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq Komuni fit-terminu ta’ erba’ xhur impost mill-Artikolu 10(3).

(ara l-punti 275, 276)

14.    L-ispejjeż ta’ konsultazzjoni ta’ pariri legali, fiskali u bankarji u ta’ spejjeż oħra amministrattivi sostnuti minn impriża skond il-metodi imposti mill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni tas-separazzjoni ta’ żewġ impriżi partijiet għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni iddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni, ma jistgħux ikunu rikonoxxuti aktar bħal konsegwenza ta’ l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

Fil-fatt, l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u, konsegwentement, tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni, ma timplikax li l-operazzjoni kellha tiġi rrikonoxxuta bħala kompatibbli u lanqas li l-impriżi setgħu jkomplu jikkostitwixxu entità magħquda. Għalhekk ma jistax ikun preżunt li l-ispejjeż amministrattivi normalment sostnuti minn impriża sabiex titwettaq is-separazzjoni ta’ l-ishma ma kellhomx ikunu sostnuti mir-rikorrenti jekk l-istituzzjoni kienet adottat deċiżjoni legali.

Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ konsultazzjoni, tariffi professjonali u spejjeż amministrattivi ta’ tipi differenti sostnuti minn impriża sabiex tipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura tal-verifika ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni – tkomplija magħmula neċessarja mill-annulament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tidikkjara din l-operazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – huma marbuta permezz ta’ rabta kawżali suffiċjenti ma’ l-imġiba ħażina ta’ l-istituzzjoni sabiex tagħti dritt għal kumpens.

Fl-aħħar nett, l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċeduri ta’ istħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qorti Komunitarja għandhom jiġu kkunsidrati bħala koperti permezz tad-deċiżjonijiet meħuda fuq l-ispejjeż, abbażi tar-regoli proċedurali speċifiċi applikabbli għal dawn it-tip ta’ spejjeż, fid-deċiżjonijiet li jġiebu fi tmiem l-istanza u f’għeluq tal-proċeduri speċjali previsti f’każ ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda l-ammont ta’ l-ispejjeż. Dawn il-proċeduri jittrattaw esklużivament talba ta’ l-istess somom, jew ta’ somom sostnuti għall-istess finijiet, fil-kuntest ta’ azzjoni li tpoġġi fid-dubju r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, inkluż minn persuni li, billi tilfu fil-kawża tagħhom, kellhom ibatu l-ispejjeż.

(ara l-punti 293, 294, 297-302)

15.    Meta ksur serju tad-dritt Komunitarju jivvizzja deċiżjoni li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u huwa attribwit għat-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment ta’ l-ishma miżmuma mill-persuna li titrasferixxi fil-kapital ta’ l-impriża ttrasferiti minħabba rabta kawżali suffiċjentement diretta, hija l-Komunità li għandha tikkumpensa d-danni subiti minħabba din ir-raġuni mill-persuna li titrasferixxi. Id-dannu huwa ndaqs għad-differenza eżistenti bejn il-prezz tat-trasferiment miftiehem u dak li l-persuna li titrasferixxi setgħet tikseb mill-akkwirent li kieku hija kienet tiddisponi fid-dawl ta’ l-ewwel proċedura ta’ verifika ta’ l-operazzjoni, minn deċiżjoni legali dwar il-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni.

(ara l-punti 316, 317, 322)

16.    Meta impriża tkun akkwistat il-kontroll ta’ impriża waħda jew aktar permezz ta’ offerta pubblika ta’ skambju, fejn għamlet użu mid-deroga kontenuta fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 4064/89 abbażi ta’ l-effett sospensiv ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni - b’mod kompletament legali kemm skond id-dritt nazzjonali kif ukoll skond id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, hija madankollu tassumi r-riskju li l-verifika ta’ l-operazzjoni twassal fit-termini stabbiliti mir-regolament għal deċiżjoni li tistabbilixxi l-inkompatibbiltà mas-suq komuni u għal obbligu sussegwenti li tipproċedi b’separazzjoni ta’ l-ishma ta’ impriżi diġà magħquda. Jekk, minbarra dan, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ l-operazzjoni, hija ma setgħetx tinjora li kien hemm għall-inqas ir-riskju li l-merger imwettaq joħloq jew isaħħaħ pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq komuni u li għalhekk tali merger ikun ipprojbit mill-Kummissjoni abbażi ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, jirriżulta li din stess ikkontribwiet għat-twettieq tad-dannu lilha nnfisha meta assumiet ir-riskju reali ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà a posteriori ta’ konċentrazzjoni ġuridikament perfetta u, konsegwentement, ta’ l-eventwalità ta’ bejgħ imġiegħel ta’ l-ishma akkwistati.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impriża tista’ tiġi rikonoxxuta responsabbli għal terz tad-dannu kumpensabbli li hija subiet minħabba t-tnaqqis tal-prezz tat-trasferiment awtorizzat mill-akkwirent.

(ara l-punti 328-330, 332, 334)

17.    Hekk kif jirriżulta mill-prinċipji komuni għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri, li għalihom jirreferi t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, talba għall-interessi hija ġeneralment ammissibbli fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens.

Fil-fatt, il-kumpens għad-dannu subit minn persuna kkonċernata minħabba l-imġiba illegali ta’ l-organi tal-Komunità għandu bħala suġġett li jerġa’ jikkostitwixxi malajr kemm jista’ jkun il-patrimonju tal-vittma.

Konsegwentement, sakemm ikunu ssodisfati il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-qorti Komunitarja ma tistax tinjora l-konsegwenzi żvantaġġużi li jirriżultaw miż-żmien li jkun għadda bejn id-data tat-twettiq tad-dannu u dak tal-ħlas tal-kumpens, safejn hemm lok li jittieħed in kunsiderazzjoni t-telf monetarju kkonstatat.

It-terminu tal-perijodu li jagħti d-dritt għal din l-evalwazzjoni monetarja mill-ġdid għandha, bħala prinċipju, tikkoinċidi mad-data ta’ l-għoti tas-sentenza li tistabbilixxi l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti.

Madankollu, safejn il-kreditu ta’ kumpens ma jkunx, fid-data ta’ l-għoti ta’ l-imsemmija sentenza, la ċert fir-rigward ta’ l-ammont tiegħu u lanqas li jista’ jiġi ddeterminat abbażi ta’ l-elementi oġġettivi stabbiliti, l-interessi moratorji ma jistgħux jibdew jiddekorru minn din id-data, iżda biss, f’każ ta’ dewmien u sal-ħlas kollu, mid-data ta’ l-għoti tas-sentenza li twassal għal-likwidazzjoni tad-dannu subit.

Jirriżulta li l-ammont ta’ kumpens dovut lir-rikorrenti għandu jerġa’ jiġi evalwat sad-data ta’ l-għoti tas-sentenza li twassal għal-likwidazzjoni tad-dannu, flimkien ma’ l-interessi moratorji sa minn din l-aħħar imsemmija data u sal-ħlas kollu.

Ir-rata ta’ interessi li tapplika hija kkalkulata abbażi tar-rati stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjoni prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, applikabbli suċċessivament matul kull wieħed miż-żewġ perijodi kkonċernati, miżjud b’żewġ punti, sakemm ma jkunx għola minn dak mitlub mir-rikorrenti fit-talbiet tagħha.

(ara l-punti 340-346)