Language of document : ECLI:EU:F:2007:230

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-73/06

Kris Van Neyghem

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kompetizzjoni ġenerali – Evalwazzjoni ta’ l-eżami bil-miktub – Terminu sabiex jiġi ppreżentat ilment – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 Euratom, li permezz tiegħu Kris Van Neyghem essenzjalment jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/A/19/04, tal-1 ta’ Ġunju 2005, li tirrifjuta lir-rikorrent aċċess għall-parti orali ta’ l-imsemmija kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni bħala kumpens tad-dannu materjali u morali allegatament imġarrab.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Għażla – Ilment amministrattiv preliminari – Natura fakultattiva – Introduzzjoni – Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedent

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

3.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv preliminari – Data ta’ introduzzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1182/71, Aritkolu 3(4))

4.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord ta’ l-Għażla – Ċaħda tal-kandidatura – Obbligu ta’ motivazzjoni

(Aritkolu 253 KE; Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25; Anness III, Aritkolu 6)

5.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord ta’ l-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

1.      Deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Għażla tista’ tiġi kkontestata direttament quddiem il-qorti Komunitarja mingħajr ma jkun ġie ppreżentat ilment preliminari fis-sens ta’ l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, jekk il-persuna kkonċernata, minflok ma taġixxi direttament quddiem il-qorti Komunitarja, tinvoka d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex, fil-forma ta’ lment amministrattiv, tressaq il-każ tagħha quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq sussegwentement quddiem il-qorti Komunitarja tiddependi mill-osservanza, min-naħa tal-persuna kkonċernata, tar-rekwiżiti proċedurali kollha li huma marbuta mar-rimedju ta’ l-ilment preliminari.

(ara l-punti 36 u 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustiżżja: 7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il-Kummissjoni, 52/85, Ġabra p. 1555, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il-Parlament, T‑386/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑55, punt 35; 21 ta’ Ottubru 2004, Schumann vs Il-Kummissjoni, T‑49/03, ĠabraSP p. I‑A‑301 u II‑1371, punt 25

2.      Meta kandidat li l-applikazzjoni tiegħu sabiex jingħata aċċess għal kompetizzjoni Komunitarja tkun ġiet miċħuda jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni preċiża li torbot lill-amministrazzjoni, hija d-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ l-Għażla wara eżami mill-ġdid li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2), jew, jekk ikun il-każ, ta’ l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija wkoll din id-deċiżjoni, meħuda wara eżami mill-ġdid, li tiskatta t-terminu sabiex jitressaq ilment u rikors mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk, f’sitwazzjoni bħal din, l-imsemmija deċiżjoni tistax eventwalment tiġi kkunsidrata bħala att ta’ sempliċi konferma.

(ara l-punt 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Gonçalves vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il-Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punt 58; 31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑5 u II‑A‑2‑19, punt 28

3.      Fir-rigward tad-determinazzjoni tad-data ta’ l-introduzzjoni ta’ lment amministrattiv preliminari, l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ilment ma “jsirx” meta jintbagħat lill-istituzzjoni iżda meta jasal għandha.

It-terminu ta’ tliet xhur previst f’din id-dispożizzjoni jintemm fl-aħħar tal-ġurnata li, fit-tielet xahar, ikollha l-istess numru bħall-ġurnata ta’ l-avveniment jew ta’ l-att li jkun skatta t-terminu. Skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 1182/71, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta’ żmien, meta dan it-terminu jintemm, b’mod partikolari, nhar ta’ Sibt, it-terminu jintemm meta tispiċċa l-aħħar siegħa tal-ġurnata ta’ xogħol sussegwenti.

(ara l-punti 43, 45, 47 u 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustiżżja: 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punti 8 u 13; 15 ta’ Jannar 1987, Misset vs Il-Kunsill, 152/85, Ġabra p. 223, punti 8 u 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Settembru 1991, Lacroix vs Il-Kummissjoni, T‑54/90, Ġabra p. II‑749, punti 28 u 29; 26 ta’ Settembru 1996, Maurissen vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T‑192/94, ĠabraSP p. I‑A‑425 u II‑1229, punt 28; 13 ta’ Marzu 1998, Lonuzzo-Murgante vs Il-Parlament, T‑247/97, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑317, punt 38; 30 ta’ Mejju 2002, Onidi vs Il-Kummissjoni, T‑197/00, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑325, punt 47; It-Tribunal għas-Serviżż Publikku: 15 ta’ Mejju 2006, Schmit vs Il-Kummissjoni, F‑3/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑9 u II‑A‑1‑33, punt 28; 24 ta’ Mejju 2007, Lofaro vs Il-Kummissjoni, F‑27/06 u F‑75/06, ĠabraSP p. I-A-1-0000 u II-A-1-0000, punti 31 u 32, u li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza 

4.      Mill-Artikolu 253 KE u mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li kull deċiżjoni relatata ma’ individwu meħuda b’applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u li tikkawża preġudizzju għandha tkun motivata. L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata bl-indizji meħtieġa sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jagħmel possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tas-segretezza marbuta mal-ħidma tal-Bord ta’ l-Għażla skond l-Artikolu 6 ta’ l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u li ġiet stabbilita sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-Bord ta’ l-Għażla u l-imparzjalità tal-ħidma tiegħu, billi jiġi protett minn kull interferenza u pressjoni esterna, kemm min-naħa ta’ l-amministrazzjoni Komunitarja stess u kif ukoll mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi. L-osservanza ta’ din is-segretezza tipprekludi, għalhekk, kemm l-iżvelar tal-pożizzjonijiet meħuda mill-membri individwali tal-Bord ta’ l-Għażla u kif ukoll l-iżvelar ta’ l-elementi kollha marbuta mal-evalwazzjonijiet tal-karattru personali jew komparattivi fir-rigward tal-kandidati.

L-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva mwettqa mill-Bord ta’ l-Għażla huma riflessi fil-marki li dan il-Bord jagħti lill-kandidati u huma l-espressjoni ta’ l-opinjoni personali magħmula fuq kull wieħed minnhom. Fid-dawl ta’ din is-segretezza, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi partijiet tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Għażla. Tali motivazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tal-kandidati. Din tippermettilhom li jagħrfu l-opinjoni personali li saret fil-konfront tal-prestazzjoni tagħhom u li jivverifikaw, jekk ikun il-każ, li effettivament ma kisbux in-numru ta’ punti meħtieġ mill-avviż tal-kompetizzjoni sabiex jingħataw aċċess għal ċerti eżamijiet jew għall-eżamijiet kollha.

(ara l-punti 70 u 74 sa 77)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustiżżja: Michel vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; 4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punti 23 u 24; It-Tribunal tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il-Kummissjoni, T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑73, punt 67; 27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il-Kummissjoni, T‑33/00, ĠabraSP p. I‑A‑105 u II‑541, punti 43 u 44; 19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑19/03, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑107, punti 27 u 31 sa 33

5.      L-evalwazzjonijiet li jagħmel il-Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kapaċitajiet tal-kandidati, kif ukoll id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom dan il-Bord jikkonstata li kandidat ma għaddiex minn eżami, jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ opinjoni personali. Għalhekk, huma jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdi minnha l-Bord ta’ l-Għażla li, madankollu, ma tistax ma tkunx suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fil-każ ta’ żball manifest. Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Għażla mhuwiex marbut jippreċiża liema risposti tal-kandidati ġew ikkunsidrati insuffiċjenti jew li jispjega għalxiex dawn ir-risposti ġew ikkunsidrati insuffiċjenti.

(ara l-punti 78 u 86)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustiżżja: 16 ta’ Ġunju 1987, Kolivas vs Il-Kummissjoni, 40/86, Ġabra p. 2643, punt 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Frar 1999, Jiménez vs UASI, T‑200/97, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑73, punt 40; Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 34; 5 ta’ April 2005, Christensen vs Il-Kummissjoni, T‑336/02, ĠabraSP p. I‑A‑75 u II‑341, punt 25