Language of document : ECLI:EU:C:2008:620

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Novembru 2008 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Netwerks u servizzi – Direttiva 2002/19/KE (Direttiva tal-Aċċess) – Artikolu 4(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) – Traspożizzjoni inkorretta”

Fil-Kawża C‑227/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Shotter u K. Mojzesowicz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata inizjalment minn E. Ośniecka-Tamecka u T. Nowakowski, u sussegwentement minn M. Dowgielewicz, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ttrasponietx korrettament fil-liġi nazzjonali d-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Aċċess”), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha dwar l-obbligu li tiġi nnegozjata interkonnessjoni reċiproka, u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tagħha dwar is-setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tħeġġeġ u fejn xieraq tiżgura, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati u interoperabbiltà ta’ servizzi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

2        Is-sitt premessa tad-Direttiva tal-Aċċess tgħid:

“Fi swieq fejn għad baqa’ differenzi kbar fis-saħħa ta’ l-innegozjar bejn l-impriżi, u fejn xi impriżi joqgħodu fuq l-istruttura fornuta minn oħrajn għat-twassil tas-servizzi tagħhom, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas biex jiġi żgurat li s-suq jiffunzjona b’mod effettiv. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jiżguraw, fejn in-negozjati kummerċjali jfallu, aċċess u inter-konnessjoni adegwati u l-interoperabilità ta’ servizzi fl-interess ta’ l-utent finali. B’mod partikolari, jistgħu jiżguraw konnettività tarf ma tarf billi jimponu obbligi proporzjonati fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utent finali. Il-kontroll tal-mezzi ta’ l-aċċess jista’ jinvolvi l-propjetà jew il-kontroll tal-konnessjoni fiżika ma’l-utent finali(sew jekk fiss jew mobbli), u/jew il-kapaċità li jiġi mibdul jew irtirat in-numru jew in-numri nazzjonali meħtieġa għall-aċċess tal-punt tat-terminazzjoni tan-network ta’ l-utent finali. Dan ikun il-każ per eżempju jekk l-operaturi ta’ network jirrestrinġu b’mod mhux raġonevoli l-għażla ta’ l-utent finali għall-aċċess ta’ portals u servizzi ta’ l-Internet.”

3        L-erbatax-il premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Id-Direttiva 97/33/KE tistipula firxa ta’ obbligi li għandhom jiġu mposti fuq impriżiimpriżi li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq, jiġifieri t-trasparenza, n-non-diskriminazzjoni, s-separazzjoni tal-kontabilità, l-aċċess, u l-kontroll tal-prezzijiet inkluża l-orjentazzjoni ta’ l-ispiża. Il-firxa ta’ l-obbligi possibbli għandha tiġi miżmuma fis-seħħ iżda, b’żieda, għandhom jiġu stabbiliti bħala sett ta’ obbligi massimi li jistgħu jiġu applikati għal impriżi, sabiex tiġi evitata ir-regolamentazzjoni żejda. Eċċezzjonalment, sabiex ikun hemm konformità ma’ l-obbligi internazzjonali jew mal-liġi tal-Komunità, jista jkun adatt li jiġu mposti obbligi għall-aċċess jew interkonnessjoni fuq il-parteċipanti kollha tas-suq, kif inhu l-każ fil-present għas-sistemi ta’ aċċess kondizzjonat għas-servizzi tat-televiżjoni diġitali.”

4        Skont id-dsatax-il premessa ta’ din l-istess direttiva:

“L-obbligu ta’ l-aċċess għall-infrastruttura tan-networks jista’ jkun ġustifikat bħala mezz biex tiżdied il-kompetizzjoni, iżda l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jibbilanċjaw id-drittijiet tas-sid ta l-infrastruttura biex jisfrutta l-infrastruttura tiegħu għall-benefiċċju tiegħu stess, u d-drittijiet ta’ fornituri oħra ta’ servizzi li jkollhom aċċess għall-faċilitajiet li huma essenzjali għall-forniment ta’ servizzi kompetituri. Fejn obbligi huma mposti fuq operaturi li jeħtiġuhom li jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għall-elementi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati u l-użu tagħhom, dawk it-talbiet għandhom jiġu rifjutati biss fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma l-kapaċità teknika jew il-ħtieġa li tinżamm l-integrità tan-network. Fejn l-aċċess jiġi rifjutat, il-parti milquta tista tissottometti l-każ għall-proċedura għar-risoluzzjoni tad-disputi msemmija f’Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar Kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU 108, p. 33 iktar ‘il quddiem id-“Direttiva Qafas”)]. Operatur li għandu mposti fuqu l-’obbligi ta’ aċċess ma jistgħax ikun meħtieġ li jforni tipi ta’ aċċess li ma jkunux fis-setgħa tiegħu li jforni. L-impożizzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta’ obbligu ta’ aċċess li jżid il-kompetizzjoni fuq medda qasira ta’ żmien m’għandux inaqqas l-inċentivi għall-kompetituri li jinvestu f’faċilitajiet alternattivi li jiżguraw aktar kompetizzjoni fuq medda taż-żmien fit-tul. Il-Kummissjoni ppublikat Avviż dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-ftehim ta’ aċċess fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet [(ĠU 1988, C 265, p.2)] li jindirizza dawn il-kwistjonijiet. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali nazzjonali jistgħu jimponu kondizzjonijiet tekniċi u ta’ operazzjoni fuq il-fornitur u/jew benefiċjarji ta’ aċċess obbligatorju skond il-liġi tal-Komunità. B’mod partikolari l-impożizzjoni ta’ standards tekniċi għandha tikkonforma mad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistipula proċedura għall-forniment ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u ta’ regoli ta’ Servizzi ta’ Soċjetà ta’ l-Informazzjoni [(ĠU L 204, p. 37), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 217 tal-5 ta’ Awwissu 1998, p. 18)]”.

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva fih b’mod partikolari d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[...]

a)      ‘aċċess’ tfisser it-tagħmil disponibbli ta’ faċilitajiet u/jew servizzi, lill-impriża oħra, taħt kondizzjonijiet definiti, fuq bażi jew esklussiva jew mhux esklussiva, għall-għan tal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Tkopri fost ħwejjeġ oħra: aċċess għall-elementi ta’ network u faċilitajiet assoċjati, li jista’ jinvolvi l-konnessjoni ta’ tagħmir, b’mezzi fissi jew mhux fissi (b’mod partikolari dan jinkludi aċċess ma linja lokali u għal faċilitajiet u servizzi meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi fuq il-linja lokali), aċċess għal infrastruttura fiżika li tinkludi bini, kanali u arbli; l-aċċess għal sistemi relevanti ta’ software inklużi s-sistemi ta’ sostenn operazzjonali, aċċess għat-traduzzjoni tan-numru jew għal sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti, aċċess għal networks fissi u mobbli, b’mod partikolari għar-roaming, aċċess għal sistemi ta’ aċċess kondizzjonat għall-servizzi tat-televiżjoni diġitali; aċċess għal servizzi ta’ network virtwali;

b)      ‘interkonnessjoni’ tfisser il-konnessjoni fiżika u loġika ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet wżati mill-istess impriża jew waħda differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ impriża waħda li jikkomunikaw ma utenti ta’ l-istess impriża jew oħra, jew li jkollhom aċċess għal servizzi provduti minn impriża oħra. Is-servizzi jistgħu jiġu fornuti mill-partijiet involuti jew minn partijiet oħra li jkollhom aċċess għan-network. L-interkonnessjoni hija tip speċifiku ta’ aċċess implimentat bejn operaturi ta’ networks pubbliċi;

[…]”

6        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jaqra kif ġej:

“L-operaturi tar-networki pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet għandu jkollhom dritt u, meta jintalbu minn impriżi oħra hekk awtorizzati, obbligazzjoni li jinnegozjaw interkonnessjoni ma’ xulxin għall-għan li jfornu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament, sabiex tiġi żgurata provista u interoperabilità ta’ servizzi mal-Komunità kollha. L-operaturi għandhom joffru aċċess u interkonnessjoni lill-impriżi oħra fuq termini u kondizzjonijiet konsistenti ma l-obbligi imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali skond Artikoli 5, 6, 7 u 8.”

7        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, li jiddefinixxi s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward tal-aċċess u tal-interkonnessjoni jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-Direttiva [‘Qafas’] iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabilità ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.

B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi b’saħħa sinjifikanti fis-suq skond Artikolu 8, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu:

(a)      sal-limitu li huwa meħtieġ biex tiġ[i] żgurata konnettività tarf sa tarf, obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tar-network tagħhom fejn dan ma jkunx diġà l-każ;

(b)      sal-limitu li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-aċċessibilità għall-utenti finali għall-servizzi tar-radju diġitali u x-xandir tat-televiżjoni speċifikati mill-Istat Membru, obbligi fuq l-operaturi li jipprovdu aċċess għall-faċilitajiet l-oħra msemmija f’Anness I, Taqsima II dwar kondizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.

2.      Meta jipprovdu obbligi fuq operatur biex jipprovdi aċċess skond Artikolu 12, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jistipulaw kondizzjonijiet tekniċi jew operazzjonali li għandhom jitħarsu mill-fornitur u/jew il-benefiċjarji ta’ dak l-aċċess skond il-liġi tal-Komunità, fejn meħtieġ biex tiġi żgurata l-operazzjoni normali tar-network. Kondizzjonijiet li jirreferi għall-implimentazzjoni ta’ standards tekniċi speċifiċi jew speċifikazzjonijiet għandhom jirrispettaw Artikolu 17 tad-Direttiva [‘Qafas’].

3.      L-obbligi u l-kondizzjonijiet imposti skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, u għandhom jiġu mplimentati skond il-proċedura msemmija f’Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru [Qafas]).

4.      Fir-rigward ta’ l-aċċess u l-interkonnessjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali nazzjonali jkollha s-setgħa li tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess fejn ġustifikat jew, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-impriżi, fuq talba ta’ xi wieħed mill-partijiet involuti, sabiex tiżgura l-għanijiet tal-politika ta’ Artikolu 8 tad-Direttiva [Qafas], skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7, 20 u 21 tad-Direttiva [Qafas].”

8        L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Aċċess, li huma inklużi fil-Kapitolu III tagħha, intitolat “Obbligi fuq l-operaturi u proċeduri għar-reviżjoni fis-suq”, jirrigwardaw, minn naħa, is-sistemi ta’ aċċess kundizzjonat għas-servizzi ta’ televiżjoni u ta’ radju diġitali mxandra lit-telespettaturi u semmiegħa fil-Komunità kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-reviżjoni neċessarja tal-obbligi ta’ qabel għall-aċċess u l-interkonnessjoni.

9        L-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva tal-Aċċess jispeċifika:

“2.      [Fejn] operatur huwa identifikat bħala li jkollu saħħa tas-suq sinjifikanti f’suq speċifiku bħala riżultat ta’ l-analiżi tas-suq imwettaq skond Artikolu 16 tad-Direttiva [‘Qafas’,] l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimponu l-obbligi stipulati f’Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva kif xieraq.

3.       Mingħajr preġudizzju għal:

–        d-dispożizzjonijiet ta’ Artikoli 5(1), 5(2) u 6,

–        d-dispożizzjonijiet ta’ Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva [Qafas], Kondizzjoni 7 fit-Taqsima B ta’ l-Anness li jinsab mad-Direttiva 2002/20/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) [ĠU L 108, p. 21] kif applikata bis-saħħa ta’ Artikolu 6(1) ta’ dik id-Direttiva [ta’ l-aħħar], Artikoli 27, 28 u 30 tad-Direttiva 2002/22/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva Servizz Universali) [(ĠU L 108, p. 51, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Servizz Universali”)] u dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-ipproċessar ta’ tagħrif personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet [(ĠU 1998, L 24, p.1)] li fiha obbligi fuq imprizi li ma jkunux dawk identifikati bħala li għandhom saħħa tas-suq sinjifikanti, jew

–        l-ħtieġa ta’ konformità ma’ obbligi [i]nternazzjonali,

l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m’għandhomx jimponu l-obbligi imniżżla f’Artikoli 9 sa 13 fuq operaturi li ma jkunux ġew identifikati skond il-paragrafu 2.

[…]”

10      L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Aċċess, intitolat “Obbligi ta’ aċċess għal, u użu ta’, faċilitajiet ta’ networks speċifiċi”, jipprovdi:

“1.      L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8, timponi obbligi fuq operaturi biex jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati, fost ġwejjeġ oħra f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kondizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu it-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew li ma jkunux fl-interess ta’ l-utent finali.

L-operaturi jistgħu jiġu mitluba inter alia:

[…]

(b)      li jinnegozjaw in bona fide ma’ impriżi li jitolbu l-aċċess;

[…]

2.      Fejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorju jkunu qed jikkonsidraw jekk jimponux l-obbligi imsemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari meta jagħmlu stima ta’ jekk dawk l-obbligi humiex ser ikunu proporzjonati għall-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-Direttiva [‘Qafas’], għandhom jieħdu kont b’mod partikolari tal-fatturi li ġejjin:

(a)      il-vijabilità teknika u ekonomika ta’ l-użu jew l-istallazzjoni ta’ faċilitajiet kompetituri, fid-dawl tar-rata ta’ l-iżvilupp tas-suq, waqt li jittieħed kont tan-natura u t-tip ta’ interkonnessjoni u aċċess involuti;

(b)      il-fattibiltà tal-forniment ta’ l-aċċess propost, b’relazzjoni mal-kapaċità disponibbli;

(ċ)      l-investiment inizjali mill-proprjetarju tal-faċilità, waqt li wieħed iżomm f’moħħu r-riskji nvoluti meta jsir dak l-investiment;

(d)      il-ħtieġa li tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni f’terminu fuq medda ta’ żmien fit-tul;

(e)      fejn xieraq, kull drittijiet relevanti ta’ proprjetà intellettwali;

(f)      il-forniment ta’ servizzi pan-Ewropej.”

11      L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-miri politiċi u l-prinċipji regolatorji li l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li jiġu rispettati.

 Id-dritt nazzjonali

12      L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet (Prawo Telekomunikacyjne), tas-16 ta’ Lulju 2004 (Dz. U. tal-2004, Nr 171, pożizzjoni 1800 iktar ‘il quddiem il-“Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet”), jiddefinixxi s-sistema applikabbli għall-attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ forniment ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet jew ta’ applikazzjonijiet relatati (iktar ’il quddiem l-“attività ta’ telekomunikazzjoni”).

13      Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprovdi li:

“L-għan tal-liġi huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet:

1)       għall-inkoraġġiment ta’ kompetizzjoni leali u effettiva fil-qasam tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet;

2)       għall-iżvilupp u ta’ użu tal-infrastrutturi moderni ta’ telekomunikazzjonijiet;

3)       sabiex jiżgura l-ordni fl-użu tan-numerazzjoni, tal-frekwenzi tar-radju u tar-riżorsi orbitali;

4)       sabiex jipprovdi benefiċċji massimi għall-utenti fil-qasam tad-diversità, tal-prezz u tal-kwalità tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet;

5)       sabiex jiżgura n-newtralità teknoloġika.

[…]”

14      L-Artikolu 26 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet jaqra kif ġej:

“1.      Jekk impriża oħra ta’ telekomunikazzjonijiet jew entità msemmija fl-Artikolu 4(1), (2), (4), (5), (7) u (8), hekk titlob, l-operatur ta’ netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet huwa obbligat jidħol f’negozjati relattivi għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ aċċess sabiex jipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku u jiggarantixxi l-interoperabbiltà tas-servizzi.

2.      L-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi li ġew imposti fuqhom meta huma jinnegozjaw il-klawżoli tal-kuntratti ta’ aċċess.

3.      Kemm-il darba ma jiġix ipprovdut xort’oħra, l-informazzjoni miksuba fil-kuntest tan-negozjati tista’ tiġi użata biss għall-iskop intiż tagħha u hija suġġetta għal obbligu ta’ kunfidenzjalità.

4.      Kemm-il darba ma jiġix ipprovdut xort’oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu relattivi għall-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet għandhom japplikaw rispettivament għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(1), (2), (4), (5), (7) u (8).

5.      Operatur ta’ Stat Membru li jitlob l-aċċess għal netwerk m’huwiex obbligat jitniżżel fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 10 jekk ma jeżerċita l-ebda attività ta’ telekomunikazzjonijiet fit-territorju Pollakk.”

15      Skont l-Artikolu 27 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet:

“1.      Il-President tal-[(Urząd Komunikacji Elektronicznej (UKE) [(Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi)] jista’, ex officio jew fuq talba bil-miktub ta’ kull parti fin-negozjati intiżi sabiex jiġi konkluż kuntratt ta’ aċċess, permezz ta’ digriet, jiffissa terminu għall-għeluq tan-negozjati, li ma jistax jeċċedi 90 jum minn meta titressaq it-talba biex jiġi konkluż tali kuntratt.

2.      Jekk in-negozjati ma jinbdewx, jekk l-aċċess jiġi rrifjutat mill-istabbiliment obbligat li jagħtih jew jekk l-ebda kuntratt ma jiġi konkluż fit-terminu msemmi fil-paragrafu 1, kull parti tista’ titlob lill-President tal-UKE biex jiddeċiedi dwar il-punti inkwistjoni jew biex jiddefinixxi t-termini tal-kollaborazzjoni.

3.      It-talba msemmija fil-paragrafu 2 tinkludi l-abbozz tal-kuntratt ta’ aċċess u tesponi l-pożizzjonijiet rispettivi tal-partijiet sa fejn previst fil-liġi u ssemmi l-klawżoli tal-kuntratt li fuqhom il-partijiet ma waslux għal ftehim.

4.      Fuq talba tal-President tal-UKE, il-partijiet għandhom jippreżentawlu, fi żmien 14-il jum, il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fuq il-punti inkwistjoni u d-dokumenti indispensabbli għall-eżami tat-talba.”

16      L-Artikolu 28 ta’ din il-liġi jaqra kif ġej:

“1.      Il-President tal-UKE jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti tal-aċċess fi żmien 90 jum mid-data li fiha titressaq it-talba msemmija fl-Artikolu 27(2), billi jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:

1)      l-interess tal-utenti tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet;

2)      l-obbligi imposti fuq l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet;

3)      il-promozzjoni ta’ servizzi moderni ta’ telekomunikazzjonijiet;

4)      in-natura tal-punti inkwistjoni eżistenti u l-possibbiltà prattika, fid-dawl tal-aspetti tekniċi u ekonomiċi tal-aċċess, li jiġu implementati s-soluzzjonijiet proposti mill-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet li jkunu partijiet fin-negozjati jew soluzzjonijiet alternattivi;

5)      il-garanzija:

a)      tal-integrità tan-netwerk u tal-interoperabbiltà tas-servizzi;

b)      ta’ kundizzjonijiet non-diskriminatorji għall-aċċess;

c)      tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet;

6)      is-saħħa fis-suq tal-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet li n-netwerks tagħhom huma interkonnessi;

7)      l-interess pubbliku, inkluż f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent;

8)      il-kontinwità tas-servizzi universali.

2.      Il-President tal-UKE jagħti d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-aċċess lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(1), (2), (4), (5), (7) u (8), fi żmien 60 jum minn meta titressaq it-talba msemmija fl-Artikolu 27(2), fid-dawl tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1[ta’ dan il-paragrafu] (1) sa (4), (5)(a) u (c), u (6) sa (8), tad-difiża u tas-sigurtà tal-Istat, tas-sigurtà pubblika u tal-ordni pubbliku kif ukoll tan-natura speċifika tal-missjonijiet imwettqa minn dawn l-entitajiet.

3.      Id-deċiżjoni dwar l-aċċess, fil-kuntest tal-interkonnessjoni tan-netwerks, tista’ tinkludi d-dispożizzjonijiet [mandatorji u varjabbli skont it-tipi ta’ netwerks interkonnessi].

4.      Il-deċiżjoni dwar l-għoti tal-aċċess tissostitwixxi l-parti tal-kuntratt ta’ aċċess koperta mill-imsemmija deċiżjoni.

5.      Fil-każ li l-partijiet ikkonċernati jikkonkludu kuntratt ta’ aċċess, id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni tal-aċċess li huma koperti minn dan il-kuntratt jiġu terminati de jure.

6.      Id-deċiżjoni dwar l-aċċess tista’ tiġi emendata mill-President tal-UKE fuq talba ta’ kull parti kkonċernata jew ex officio meta dan ikun iġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-interessi tal-utenti finali, kompetizzjoni effettiva jew l-interoperabbiltà tas-servizzi.

7.      Fil-każ ta’ talbiet finanzjarji minħabba n-nuqqas ta’ twettiq jew it-twettiq ħażin tal-obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjoni dwar l-aċċess, għandhom jittieħdu proċeduri ġudizzjarji.

8.      Il-President tal-UKE jagħti d-deċiżjoni dwar l-aċċess li jkun fiha d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex jiġi ggarantit l-aċċess, jekk waħda mill-partijiet tkun impriża ta’ telekomunikazzjonijiet li fuqha ġie impost obbligu taħt [b’mod partikolari, l-Artikolu] 45.”

17      Skont l-Artikolu 29 tal-imsemmija liġi:

“Il-President tal-UKE jista’ jiddeċiedi ex officio li jemenda t-test ta’ kuntratt ta’ aċċess jew jobbliga lill-partijiet jemendawh meta dan ikun iġġustifikat min-neċessità li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-interessi tal-utenti finali, kompetizzjoni effettiva jew l-interoperabbiltà tas-servizzi.”

18      L-Artikolu 30 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet jipprovdi li “[l]-Artikoli 26 sa 28 […] japplikaw mutatis mutandis għall-emenda tal-kuntratti ta’ aċċess”.

19      Skont l-Artikolu 45 ta’ din il-liġi:

“Fid-dawl tan-natura xierqa ta’ obbligu meta jitqiesu l-problema identifikata, il-prinċipju ta’ proporżjonalità u l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2), u fid-dawl tal-Artikolu 1(3), il-President tal-UKE jista’ jadotta deċiżjoni li timponi fuq impriża ta’ telekomunikazzjonijiet li tikkontrolla l-aċċess għall-utenti finali, l-obbligi regolamentari indispensabbli sabiex jiġi ggarantit li l-utenti finali ta’ din l-impriża jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-utenti ta’ impriża oħra ta’ telekomunikazzjonijiet, inkluż l-obbligu ta’ interkonnessjoni.”

20      L-Artikolu 136 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.      Sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tal-utenti finali għal servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni diġitali, il-President tal-UKE jista’ jadotta deċiżjoni li timponi fuq l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet obbligu ta’ għoti tal-aċċess għall-applikazzjonijiet relatati li ġejjin:

1)      interface ta’ softwer,

2)      gwida elettronika tal-programmi

–        sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tal-utenti finali għal servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni diġitali.

2.      Id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ konsultazzjoni u ta’ konsolidazzjoni japplikaw għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.      Il-President tal-UKE għandu jadotta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 billi jibbaża ruħu fuq il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

21      Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta fil-21 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika tal-Polonja bil-preokkupazzjonijiet tagħha dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tal-Artikolu 4(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess. Dan l-Istat Membru rrisponda għal din l-ittra permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2005.

22      Fl-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lill-imsemmi Stat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċeviha. L-awtoritajiet Pollakki rrispondew għal din l-opinjoni fl-4 ta’ Settembru 2006. Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-non-konformità tal-Artikolu 26 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess

 L-argumenti tal-partijiet

23      Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-obbligu ta’ negozjar previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess japplika għall-operaturi kollha ta’ netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijet u jikkonċerna l-interkonnessjoni tan-netwerks. Din tal-aħħar tikkostitwixxi tip speċifiku ta’ aċċess li huwa implementat bejn l-operaturi differenti ta’ netwerks pubbliċi u ma tinvolvi l-ebda forma oħra ta’ aċċess. L-awtorità regolatorja nazzjonali tintervjeni biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

24      Skont il-Kummissjoni, jirriżulta fil-fatt mis-sitt u mill-erbatax-il premessi kif ukoll mill-Artikoli 8(3), 5(1) u 12 tad-Direttiva tal-Aċċess li, fl-ewwel lok, għandha ssir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni bil-għan li jiġi stabbilit jekk is-suq ikkonċernat huwiex suġġett għal regolamentazzjoni ex ante u x’inhu l-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti f’dan is-suq. Fit-tieni lok, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni serje ta’ elementi u li jeżaminaw l-effett tal-obbligu ta’ għoti tal-aċċess fuq il-kompetizzjoni fuq medda ta’ żmien fit-tul f’dan is-suq. Fit-tielet lok, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess teħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħa espressa li jimponu fuq l-operaturi kollha, inklużi dawk li m’għandhomx saħħa sinjifikattiva fis-suq, l-obbligu li jinnegozjaw l-aċċess għan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet. Fir-raba’ lok, wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-qafas ġuridiku Komunitarju fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi huwa l-prinċipju li l-awtorità regolatorja nazzjonali tintervjeni biss fil-każ li l-mekkaniżmi tas-suq liberu ma jiffunzjonawx jew ma jwasslux għal riżultati sodisfaċenti.

25      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 26(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet iwassal sabiex jimponi obbligu ġenerali li jiġu nnegozjati in bona fide kuntratti ta’ aċċess għan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet.

26      Skont il-Kummissjoni, meta tali obbligu huwa impost ex lege, dan ifisser mhux biss li l-awtorità regolatorja mhijiex obbligata tivverifika jekk l-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu tinkoraġġixxix l-aċċess għan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, iżda wkoll li hija ma tibbilanċjax l-interessi tal-operaturi tan-netwerk ikkonċernat u tal-impriżi li jitolbu l-aċċess għal dan in-netwerk, u ma tevalwax l-effett li l-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu jkollu fuq suq speċifiku. L-imsemmija awtorità lanqas ma tkun obbligata tindika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess humiex sodisfatti.

27      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Polonja hija bbażata fuq żewġ premessi żbaljati. L-ewwel waħda hija li d-Direttiva tal-Aċċess tipprovdi li l-awtorità regolatorja tista’, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta, timponi fuq l-operaturi kollha ta’ netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet l-obbligu li jinnegozjaw l-aċċess għal dan in-netwerk. It-tieni waħda hija li l-fatt li jsiru n-negozjati jinvolvi piż minimu għall-operaturi ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, mingħajr ma jkollu effetti fuq id-deċiżjonijiet tagħhom fil-qasam tal-investimenti u, għaldaqstant, fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

28      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva, minn naħa, li s-soluzzjoni adottata mil-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet ma tippermettiex li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jiġi implementat aħjar milli dak previsti fid-Direttiva tal-Aċċess u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar ma tipprovdix għal dritt li wieħed jeżiġi l-ftuħ tan-negozjati, iżda tipprovdi biss għas-setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali li timponi, wara li tkun analizzat is-suq, obbligu ta’ negozjar fuq l-operaturi ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq jew, f’ċerti każijiet, fuq l-operaturi kollha.

29      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ewwel ilment. Fil-fatt, hija tisħaq li interpretazzjoni teleoloġika u funzjonali tad-Direttiva tal-Aċċess twassal għall-konklużjoni, li, billi jipprovdu għall-obbligu li jinbdew negozjati mhux biss għall-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, iżda wkoll għall-aċċess għal dawn in-netwerks, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet ma jmorrux kontra l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

30      F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jenfasizza, fl-ewwel lok, li l-impożizzjoni, fuq operatur ta’ netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet, tal-obbligu li jibda negozjati mal-impriża li titlob l-aċċess għal dan in-netwerk, tikkostitwixxi forma ta’ inkoraġġiment għall-aċċess għan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet. L-użu massimu tal-infrastrutturi eżistenti mill-partijiet ikkonċernati kollha jista’ għaldaqstant jintlaħaq.

31      Barra minn hekk, l-imsemmi Stat Membru jisħaq li s-soluzzjoni li tikkonsisti f’li korpi nazzjonali jingħataw il-kompetenza li jimponu fuq tali operatur l-obbligu li jibda negozjati fuq talba ta’ impriża li tixtieq taċċedi għan-netwerk ikkonċernat u s-soluzzjoni, adottata minnu, li tikkonsisti f’li din l-impriża tiġi ggarantita d-dritt li tikseb il-ftuħ ta’ negozjati jwasslu għal riżultati simili għal dan l-operatur.

32      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-kunċett adottat huwa l-aħjar mod sabiex jiġi implementat il-prinċipju ta’ ċertezza legali, għaliex l-operaturi għandhom il-possibbiltà li jkun jafu eżattament il-portata tal-obbligi tagħhom taħt il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet.

33      Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li mis-sitt premessa u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jista’ jiġi dedott li kull impriża għandha de facto d-dritt li titlob lill-operatur ta’ netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet li jsiru negozjati fir-rigward tal-aċċess għal dan in-netwerk u li, fil-każ li jfallu n-negozjati, impriża tista’ tindirizza ruħha lill-awtorità regolatorja. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja li tobbliga lill-operatur ikkonċernat sabiex jibda negozjati tista’ titqies bħala deċiżjoni ta’ natura dikjaratorja li tikkonferma l-eżistenza ta’ obbligu f’dan is-sens għal dan l-operatur, u għaldaqstant id-dritt korrispondenti tal-impriża li teħtieġ aċċess. Għaldaqstant, dan id-dritt u l-obbligu simetriku li jġib miegħu għall-operaturi jsibu l-ġustifikazzjoni sħiħa tagħhom fl-għan li l-imsemmija direttiva tfittex li tilħaq.

34      Fl-aħħar nett, skont dan l-istess Stat Membru, peress li l-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijet ilha fis-seħħ tliet snin, la l-operaturi u lanqas l-iżvilupp tal-kompetizzjoni ma ġarrbu effetti mhux mixtieqa minħabba din tal-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Polonja tirrikonoxxi li l-Artikolu 26(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet jikkostitwixxi dispożizzjoni legali ġenerali li timponi fuq l-operaturi kollha ta’ netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet l-obbligu li jinnegozjaw in bona fide l-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-aċċess għal dan in-netwerk fuq talba ta’ kull impriża li tixtieq tikseb tali aċċess, liema negozjati jirrigwardaw mhux biss il-ftehim fil-qasam tal-interkonnessjoni, iżda wkoll il-ftehim li jirregolaw l-aċċess għall-imsemmi netwerk.

36      L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ negozjar li għandhom l-operaturi kollha ta’ netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet fil-każ li ssir talba minn impriżi oħrajn li għandhom awtorizzazzjoni, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, jirrigwarda l-interkonnessjoni li, skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, “hija tip speċifiku ta’ aċċess implimentat bejn l-operaturi ta’ networks pubbliċi”. Kuntrarjament għall-Artikolu 26 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet, dan l-obbligu għaldaqstant ma jikkonċernax tipi oħrajn ta’ aċċess għan-netwerks, bħal dawk definiti fl-Artikolu 2(a) tal-istess direttiva u bħal dawk previsti fil-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet.

37      Għandu wkoll jiġi mfakkar li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess tippermetti lill-operaturi li joffru aċċess u interkonnessjoni lill-impriżi oħra skont it-termini u l-kundizzjonijiet konsistenti mal-obbligi imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Fosthom hemm l-obbligi li, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Aċċess, din l-awtorità tista’ timponi, wara analiżi tas-suq, fuq operatur identifikat bħala li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq speċifiku.

38      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-qari tal-Artikoli 8 u 12(1)(b) tad-Direttiva tal-Aċċess, meħuda flimkien, li l-obbligu li kuntratt ma’ impriżi jiġi nnegozjat in bona fide jista’ jiġi impost mill-awtorità regolatorja nazzjonali fuq l-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq, wara analiżi ta’ dan tal-aħħar.

39      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 26 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet mhuwiex ibbażat fuq duwaliżmu tas-sistema skont is-saħħa tal-impriżi, iżda jwassal sabiex jittratta b’mod ugwali lill-operaturi kollha, mingħajr ma jippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet konkreti qabel ma tintervjeni jew matul l-eżami tat-talba tal-impriża li titlob aċċess għal netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet.

40      Fil-fatt, l-obbligu previst fil-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet li l-kuntratti ta’ aċċess jiġu nnegozjati in bona fide għandu l-konsegwenza li jimponi tali obbligu mingħajr ma ssir evalwazzjoni minn qabel tal-livell ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat. Din il-liġi lanqas ma tippermetti li dan l-obbliġu jiġi mħassar jew emendat fil-każ li tintensifika l-kompetizzjoni f’dan is-suq.

41      Barra minn hekk, l-interventi tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandhom, skont id-dsatax-il premessa tad-Direttiva tal-Aċċess, filwaqt li jżidu l-kompetizzjoni, jibbilanċjaw id-dritt tas-sid tal-infrastruttura biex jisfrutta l-infrastruttura tiegħu għall-benefiċċju tiegħu stess u d-drittijiet ta’ fornituri oħra ta’ servizzi li jkollhom aċċess għall-faċilitajiet li huma essenzjali għall-forniment ta’ servizzi kompetituri.

42      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Aċċess, l-interventi tal-awtorità regolatorja nazzjonali huma ċirkoskritti mill-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi msemmija f’din id-dispożizzjoni, fosthom il-ħtieġa li tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni fuq medda ta’ żmien fit-tul, u li tiġi eżaminata l-proporzjonalità tal-obbligi li din l-awtorità tipprospetta li timponi f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal elementi speċifiċi ta’ netwerk u l-użu tagħhom b’relazzjoni għall-għanijiet definiti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas.

43      Billi ma tipprovdix għall-intervent tal-awtorità regolatorja nazzjonali qabel l-impożizzjoni tal-obbligu li jiġu nnegozjati kuntratti ta’ aċċess, il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet ma tippermetti l-ebda evalwazzjoni tas-sitwazzjoni skont il-fatturi msemmija fl-imsemmi Artikolu 12(2).

44      Minn dan isegwi li, billi timponi fuq l-operaturi pubbliċi ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet obbligu ġenerali li jiġu nnegozjati kuntratti ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja ma ttrasponietx korrettament l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess.

45      Din il-konklużjoni ma titqiegħedx fid-dubju mill-argument magħmul minn dan l-Istat Membru li interpretazzjoni iktar dinamika u teleoloġika ta’ din id-direttiva tippermetti żvilupp iktar mgħaġġel tat-teknoloġiji.

46      Fil-fatt, għandu jiġi konstatat li l-intervent tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsir biss sabiex jiżgura funzjonament effiċjenti tas-suq. F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jipprovdi li l-imsemmija awtorità għandha tippromwovi l-effiċjenza ekonomika, il-kompetizzjoni sostenibbli u tagħti benefiċċju massimu lill-utenti finali.

47      Fir-rigward tal-argument tal-imsemmi Stat Membru li l-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet issaħħaħ ir-rispett tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huma biżżejjed li jingħad li dan il-prinċipju ma jista’ fl-ebda każ jippermetti li jkun hemm deroga mir-regoli previsti fid-Direttiva tal-Aċċess.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment huwa fondat.

49      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ttrasponietx korrettament l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-non-konformità tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess

 L-argumenti tal-partijiet

50      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 26 sa 30 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet ma jiżgurawx traspożizzjoni korretta tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess. Mill-imsemmija Artikoli 26 sa 30 u mill-Artikoli 45 u 136 tal-istess liġi jirriżulta li l-operaturi kollha ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet huma obbligati jinnegozjaw l-aċċess għal dawn in-netwerks, u li l-President tal-awtorità regolatorja nazzjonali jista’ jiddeċiedi fuq it-terminu għall-għeluq ta’ dan it-tip ta’ negozjati u li, jekk il-partijiet ma jaslux għal ftehim, l-imsemmi President jista’, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, jadotta deċiżjoni dwar l-għoti ta’ aċċess li tissostitwixxi l-kuntratt ta’ aċċess fir-rigward tal-punti koperti mid-deċiżjoni u għaldaqstant jimponi obbligi fuq l-impriżi indipendentement mill-pożizzjoni tagħhom fis-suq.

51      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Aċċess ma jistax jiġi implementat permezz ta’ dispożizzjoni legali ġenerali, għaliex huwa jeżiġi li l-awtorità regolatorja nazzjonali tingħata s-setgħa li taġixxi biss f’ċerti każijiet. Din is-setgħa hija limitata mir-referenza għall-miri msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas u mir-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Aċċess. L-imsemmi Artikolu 5(1) mhuwiex sempliċi dispożizzjoni programmatika, iżda test li jispeċifika d-deċiżjonijiet li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jingħataw is-setgħa li jieħdu. Huwa jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

52      Fit-tieni lok, hija tisħaq li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva tal-Aċċess ma jippermettix, minnu nnifsu, li jiġu imposti obbligi regolamentari fuq l-impriżi kollha, iżda biss fuq dawk li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq, jew, indipendentement minn din il-kundizzjoni, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva. L-obbligi msemmija fl-Artikoli 9 sa 13 tal-imsemmija direttiva ma jistgħux jiġu imposti fuq il-bażi tal-proċedura deskritta fl-imsemmi Artikolu 5(4).

53      Fit-tielet lok, hija ssostni li skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, is-setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ kwalunkwe tilwima bejn impriżi.

54      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta dan l-ilment. Fl-ewwel lok, hija tisħaq li ż-żewġ regoli li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess li skonthom l-awtorità regolatorja nazzjonali hija obbligata, minn naħa, tħeġġeġ l-aċċess għan-netwerks, l-interkonnessjoni kif ukoll l-interoperabbiltà tas-servizzi u, min-naħa l-oħra, tiggarantihom fil-każ ta’ bżonn, huma ta’ natura ġenerali ħafna u jikkostitwixxu dispożizzjonijiet programmatiċi. Tali regoli jorbtu lill-Istat Membru biss fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, li huma obbligati jiżguraw it-twettiq tiegħu fil-kuntest tal-politika tagħhom ta’ aċċess għan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet.

55      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva tal-Aċċess, peress li l-Artikolu 5 huma imdaħħal fil-Kapitolu II ta’ din tal-aħħar, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”.

56      L-Istat Membru konvenut isostni wkoll li l-miri msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas huma definiti b’mod ġenerali b’mod li l-fatt li ssir referenza għalihom jagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Barra minn hekk, anke definizzjoni preċiża tal-miri tal-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar ma tiggarantixxix lill-impriżi li joperaw fis-suq il-possibbiltà li jipprevedu l-obbligi imposti fuqhom. Issa l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li r-regoli ġuridiċi jkunu ċari u preċiżi.

57      Il-kompetenzi regolamentari ġenerali lanqas mhuma limitati mill-kriterji definiti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Aċċess, li jikkonċernaw l-obbligi u r-rekwiżiti imposti taħt l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ din tal-aħħar.

58      Dan l-Istat Membru jikkonkludi li t-traspożizzjoni tal-imsemmi Artikolu 5 ma tistax issir verbatim, billi tiġi prevista setgħa ġenerali għall-awtorità regolatorja nazzjonali sabiex tħeġġeġ u tiżgura l-aċċess għan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet.

59      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li dan l-ilment jirrigwarda biss in-non-konformità tal-liġi Pollakka mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċes, u mhux mat-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 1.

60      Barra minn hekk, hija tisħaq li l-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzzjoni l-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 5(1) jinkludi żewġ regoli ġuridiċi. L-ewwel minn dawn ir-regoli, li tistabbilixxi obbligu ġenerali li jitħeġġu l-aċċess, l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tas-servizzi f’kull każ, indipendentement miċ-ċirkustanzi, li minħabba f’hekk l-awtorità regolatorja ġenerali għandha taġixxi b’mod permanenti, hija implementata mill-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonjiet. It-tieni regola tirrigwarda l-obbligu li jiġi żgurat l-aċċess għan-netwerk, liema regola hija prevista fl-Artikoli 28 u 29 ta’ din il-liġi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61      Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, li jeżiġi li l-awtorità regolatorja nazzjonali tingħata s-setgħa tintervjeni, każ b’każ, insostenn tal-miri tal-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, ma ġietx trasposta korrettament permezz tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet.

62      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-kompiti regolatorji tal-awtorità regolatorja nazzjonali huma definiti fl-Artikoli 8 sa 13 tad-Direttiva Qafas. L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2 sa 4 tal-istess artikolu.

63      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-imsemmi Artikolu 8 fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jassiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu kull miżura raġonevoli intiża sabiex tippromwovi l-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jassiguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi u billi jneħħu l-ostakoli li baqa’ għall-provvista tal-imsemmija servizzi fuq livell Ewropew (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, punt 81).

64      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jirrigwarda s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni. Huwa jipprovdi li, dawn l-awtoritajiet għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabbiltà ta’ servizzi, filwaqt li jippromwovu l-effiċjenza ekonomika, jiffavorixxu l-kompetizzjoni sostenibbli u jagħtu benefiċċju massimu lill-utenti finali.

65      Minn dan isegwi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jillimita ruħu li jipprovdi għal setgħa ġenerali għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas fil-kuntest speċifiku tal-aċċess u tal-interkonnessjoni.

66      Fit-tielet lok, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 26 sa 30 tal-imsemmija liġi jagħtu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali setgħat wiesgħa sabiex jintervjenu.

67      Fir-raba’ lok, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija hi li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Finlanda, C-387/06, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Issa għandu jiġi kkonstatat li, billi llimitat ruħha li ssostni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess lanqas ma jista jiġi implementat permezz ta’ dispożizzjoni legali ġenerali, iżda biss permezz ta’ test li jispeċifika d-deċiżjonijiet li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha s-setgħa tieħu, mingħajr ma wriet li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet ma jilħqux il-miri tad-Direttiva Qafas, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx suffiċjentement skont il-liġi li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jiżgurawx it-traspożizzjoni korretta tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess.

69      Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja tilfu parzjalment, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma ttrasponietx korrettament l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika tal-Polonja għandhom, kull wieħed u waħda minnhom, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.