Language of document : ECLI:EU:C:2008:587

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-23 ta’ Ottubru 2008 1(1)

Kawża C‑362/06 P

Markku Sahlstedt,

Juha Kankkunen,

Mikko Tanner,

Toini Tanner,

Liisa Tanner,

Eeva Jokinen,

Aili Oksanen,

Olli Tanner,

Leena Tanner,

Aila Puttonen,

Risto Tanner,

Tom Järvinen,

Runo K. Kurko,

Maa- ja metsätaloustuottajain keskusliitto MTK ry,

MTK:n säätiö

vs

Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/101/KE – Lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja – Rikors għal annullament – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE – Kunċett ta’ deċiżjoni li tirrigwarda ‘direttament u individwalment’ lil persuna fiżika jew ġuridika”





1.        Din il-kawża għandha bħala suġġett appell ippreżentat minn diversi proprjetarji ta’ proprjetà immobbli (2) u assoċjazzjoni ta’ operaturi agrikoli u forestali (3) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“appellanti”) mid-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (4).

2.        Bid-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2005/101/KE tat-13 ta’ Jannar 2005 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (5), l-elenku tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Boreali (6). Fil-fatt, wara l-eżami tagħha fuq l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax lill-appellanti direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikoli 230 KE u għaldaqstant ċaħdet ir-rikors tagħhom.

3.        Il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika trid tkun direttament ikkonċernata mill-att Komunitarju biex tkun tista’ tressaq proċeduri fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jeħtieġ żewġ elementi. Fl-ewwel lok, l-att ikkontestat għandu jipproduċi direttament xi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent. Fit-tieni lok, dak l-att ma għandu jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-implementazzjoni tiegħu (7). Fid-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li dawn iż-żewġ elementi ma kinux sodisfatti.

4.        Fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba tanalizza l-effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti ta’ deċiżjoni li tikklassifika ċerti territorji bħala siti ta’ importanza Komunitarja. Hija mitluba wkoll tevalwa l-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tilqa’ dan l-appell, sabiex tannulla d-digriet appellat u tiddeċiedi definittivament favur l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentata fil-prim’istanza.

6.        Fil-fatt, jiena nsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikors, meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax direttament lill-appellanti.

7.        Jiena ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena nsostni, mill-banda l-oħra, li tali deċiżjoni, li tikklassifika bħala siti ta’ importanza Komunitarja artijiet li fuqhom għandhom ċerta drittijiet il-proprjetarji tal-proprjetà immobbli, taffettwa s-sitwazzjoni legali tagħhom u tħalli biss setgħa diskrezzjonali limitata ħafna lill-Istati Membri responsabbli mill-implementazzjoni tagħha. Jiena ser nuri, imbagħad, għaliex fil-fehma tiegħi, il-proprjetarji tal-art huma wkoll ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata u għaliex MTK għandha tiġi ammessa li tressaq proċeduri.

I –    Il-kuntest ġuridiku u fattwali

8.        Id-Direttiva hija intiża li toħloq netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti, imsemmi “Natura 2000”. Dan in-netwerk għandu jinkoraġġixxi l-manteniment u r-restawr tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea (8).

9.        L-imsemmi netwerk huwa ffurmat minn “żoni speċjali ta’ konservazzjoni”. Skont l-Artikolu 1(l) tad-Direttiva, żona speċjali ta’ konservazzjoni hija “sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat”.

10.      Dawn iż-żoni jiġu nnominati skont proċedura fi tliet fażijiet ikkontemplata fl-Artikolu 4 tad-Direttiva.

11.      Fil-kuntest tal-ewwel stadju, l-Istati Membri jipproponu lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom bil-għan li jiġu mħarsa t-tipi ta’ habitats naturali jew speċijiet tal-fawna jew tal-flora kkontemplati fid-Direttiva. Din il-lista għandha tiġi akkumpanjata bl-informazzjoni utli kollha mhux biss ta’ natura xjentifika u ekoloġika (9), ġeografika (10), imma wkoll ta’ natura ekonomika u soċjali (11) u għandha tintbagħat lill-Kummissjoni fit-tliet snin ta’ wara n-notifika tad-Direttiva.

12.      Imbagħad, fit-tieni stadju, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura fejn jitqabbad kumitat ad hoc (12), tadotta l-lista ta’ siti magħżula bħala siti ta’ importanza Komunitarja. Din il-lista ssir fi żmien sitt snin wara n-notifika tad-Direttiva.

13.      Fl-aħħar nett, it-tielet stadju jinsab deskritt fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva. Dan juri t-tmiem tal-proċedura tan-nomina taz-zona speċjali ta’ konservazzjoni.

14.      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat mill-Kummissjoni, “l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni”.

15.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, hekk kif sit jitniżżel fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja, dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva.

16.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva jistabbilixxi s-sistema li l-Istati Membri għandhom jadottaw biex jiżguraw il-konservazzjoni u l-ġestjoni tas-siti Natura 2000.

17.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprevedi sistema ta’ konservazzjoni ġenerali li l-Istati Membri għandhom jintroduċu għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Din is-sistema tista’ tieħu l-forma ta’ miżuri statutorji, amministrattivi jew kuntrattwali u, jekk hemm bżonn, pjani ta’ tmexxija.

18.      B’kuntrast ma’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva japplika, hekk kif sit jitniżżel fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja.

19.      Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha li huma xierqa biex jevitaw id-deterjorament tal-habitats kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi protetti.

20.      L-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva, min-naħa tiegħu, jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom jistgħu jiġu awtorizzati l-pjani u l-proġetti li jistgħu jaffettwaw l-integrità ta’ xi sit.

A –    Id-deċiżjoni kkontestata

21.      B’applikazzjoni tad-Direttiva, id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi l-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Boreali. Din il-lista ġiet adottata skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva.

22.      Fost is-siti ta’ importanza Komunitarja mniżżla fil-lista li tinsab fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata hemm is-siti segwenti:

A

 

A

B

 

B

C

 

C

D

 

D

E

 

E

Kodiċi [SIC (13)]

 

Kodiċi [SIC (13)]

Isem l-[SIC]

 

Isem l-[SIC]

 

Zona tas-[SIC] (ha)

 

Zona tas-[SIC] (ha)

Tul tas-[SIC] (km)

 

Tul tas-[SIC] (km)

Koordinati ġeografiċi tas-[SIC]

 

Koordinati ġeografiċi tas-[SIC]

     

Lonġitudni

 

Lonġitudni

Latitudni

 

Latitudni

[…]

 

[…]

FI0100040

 

FI0100040

Nuuksio

 

Nuuksio

 

5 643

 

5 643

 

E 24 29

 

E 24 29

N 60 19

 

N 60 19

[…]

 

[…]

FI0100050

 

FI0100050

Haaviston alueet

 

Haaviston alueet

 

59

 

59

 

E 24 24

 

E 24 24

N 60 32

 

N 60 32

[…]

 

[…]

FI0200011

 

FI0200011

Varesharju

 

Varesharju

 

271

 

271

 

E 23 42

 

E 23 42

N 60 26

 

N 60 26

[…]

 

[…]

FI0900013

 

FI0900013

Hietasyrjänkangas-Sirkkaharju

 

Hietasyrjänkangas-Sirkkaharju

 

378

 

378

 

E 25 59

 

E 25 59

N 62 29

 

N 62 29


23.      Is-siti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata jinvolvu l-artijiet tal-proprjetarji tal-art (14).

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

24.      Fit-18 ta’ April 2005, l-appellanti ppreżentaw rikors fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jiksbu l-annullament parzjali jew integrali tad-deċiżjoni kkontestata.

25.      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni qajmet l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

26.      B’digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2005, ir-Repubblika tal-Finlandja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

III – Id-digriet appellat

27.      Fi tmiem tal-eżami tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-appellanti ma kinux ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u konsegwentement, ċaħdet ir-rikors tagħhom.

28.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret mill-ewwel it-termini tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE fejn jingħad “[k]ull persuna fisika jew legali [ġuridika] tista’ […] tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna”.

29.      Wara li kkonstatat li l-appellanti ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat b’hekk jekk l-imsemmija deċiżjoni kinitx tirrigwardahom direttament u individwalment.

A –    Fuq il-punt dwar jekk il-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli humiex ikkonċernati direttament

30.      Wara li fil-punti 52 u 53 tad-digriet appellat il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, l-istess Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sitwazzjoni legali tal-proprjetarji tal-artijiet, persuni fiżiċi (15). Hija ddikjarat dan li ġej:

“54      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li ma jistax jiġi sostnut li d-deċiżjoni [kkontestata] li tinnomina, bħala siti ta’ importanza Komunitarja, żoni mit-territorju Finlandiż fejn ir-rikorrenti [il-proprjetarji tal-proprjetà immobbli, bħala persuni fiżiċi] għandhom xi artijiet, tipproduċi, minnha nnifisha, xi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti [il-proprjetarji tal-proprjetà immobbli, persuni fiżiċi]. Id-deċiżjoni [kkontestata] ma fiha ebda dispożizzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ protezzjoni tas-siti ta’ importanza Komunitarja, bħalma huma l-miżuri ta’ konservazzjoni jew il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni […] B’hekk hija ma taffettwax la d-drittijiet u l-obbligu tal-proprjetarji ta’ beni immobbli u lanqas l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. B’kuntrast ma’ dak li jippretendu r-rikorrenti [il-proprjetarji tal-artijiet, bħala persuni fiżiċi], l-inklużjoni ta’ dawn is-siti fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja bl-ebda mod ma tobbliga lill-operaturi ekonomiċi jew lill-persuni privati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

31.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat it-tieni kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza, jiġifieri dik li l-implementazzjoni tal-att ikkontestat għandha tkun ta’ natura awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Fil-punti 55 sa 58 tad-digriet appellat, hija eżaminat il-kontenut tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(4) u (5) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet dan li ġej:

“59      Mill-qari tal-obbligi ċċitati iktar ’il fuq, li jaqgħu fuq l-Istati Membri kkonċernati ladarba s-siti ta’ importanza Komunitarja jkunu ġew innominati bid-deċiżjoni [kkontestata], jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ebda wieħed minn dawn l-obbligi ma japplika direttament għar-rikorrenti [il-proprjetarji tal-artijiet, bħala persuni fiżiċi]. Fil-fatt, dawn l-obbligi kollha jeħtieġu att min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex huwa jippreċiża b’liema mod ikun bi ħsiebu jimplementa l-obbligu inkwistjoni, kemm jekk b’miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa (Artikolu 6(1) tad-Direttiva […]), miżuri xierqa biex jevitaw id-deterjorament tas-sit (Artikolu 6(2) tad-Direttiva […]) jew bil-qbil tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-proġett li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq is-sit (Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva […]).

60      Għaldaqstant, jirriżulta mid-Direttiva […] li hija l-bażi li fuqha ttieħdet id-deċiżjoni [ikkontestata], li din torbot lill-Istat Membru fir-rigward tar-riżultat li jrid jintlaħaq, filwaqt li tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali s-setgħa fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni li jridu jittieħdu u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jridu jiġu segwiti. Din il-konklużjoni mhijiex affetwata mill-fatt li s-setgħa diskrezzjonali b’hekk imħollija lill-Istati Membri għandha tiġi eżerċitata skont l-obbjettivi tad-Direttiva […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ikkonkludiet li l-proprjetarji tal-proprjetà immobbli, bħala persuni fiżiċi, ma kinux ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u ddeċidiet li, għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk huma kinux ikkonċernati direttament mill-att Komunitarju.

B –    Fuq il-punt dwar jekk MTK hijiex ikkonċernata direttament

33.      Fil-punt 61 tad-digriet appellat, u fid-dawl tal-konklużjonijiet li hija waslet għalihom fir-rigward tal-interess dirett tal-proprjetarji tal-proprjetà immobbli, bħala persuni fiżiċi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċiediet li l-membri ta’ MTK ma setgħux jitqiesu bħala li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwardahom direttament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat ukoll li din l-assoċjazzjoni ma wrietx li hija kellha interess proprju sabiex titressaq l-azzjoni.

34.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti bħala inammissibbli.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

35.      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Settembru 2006, l-appellanti ppreżentaw dan l-appell.

36.      Ir-Renju ta’ Spanja ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Jannar 2007.

37.      Bl-appell tagħhom, l-appellanti qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-digriet appellat. Huma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

38.      Il-Kummissjoni, li f’dan is-sens kienet sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, titlob biex l-appell jiġi miċħud u sabiex l-appellanti jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż.

V –    L-appell

39.      L-appellanti jqajmu tliet aggravji insostenn tal-appell tagħhom, li huma bbażati, primarjament, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat; fit-tieni lok, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza fejn iddeċidiet li huma mhumiex ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u fit-tielet lok, fuq in-nuqqas ta’ protezzjoni legali effettiva.

A –    Fuq l-ewwel aggravju, li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat

1.      L-argumenti tal-partijiet

40.      Fil-punti 57 sa 60 tal-appell, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli twieġeb l-argument dwar l-effetti ġuridiċi tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-pjani, kif ikkontemplat fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva. Fil-fehma tagħhom madankollu, dan l-argument kien imsemmi biċ-ċar fil-punti 21 sa 29 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati wara l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

2.      Kunsiderazzjonijiet

41.      Dan l-aggravju jirrigwarda r-rekwiżit formali tal-motivazzjoni. Huwa intiż li jissanzjona n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat.

42.      Għal dak li jikkonċerna l-appelli ppreżentati kontra sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza wieġbitx għall-motivi tal-partijiet u mmotivat b’mod regolari s-sentenza tagħha tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li, bħala tali, tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (16).

43.      Mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma timponix l-obbligu fuq il-Qorti tal-Prim’Istanza li din tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti wieħed wieħed l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, dejjem bil-kundizzjoni li l-motivazzjoni għandha tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-miżuri inkwistjoni jkunu ttieħdu u lill-qorti kompetenti sabiex din ikollha biżżejjed elementi quddiemha biex teżerċita l-istħarriġ tagħha (17). Fir-rigward ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, ir-rekwiżit tal-motivazzjoni jimplika li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżamina l-motivi invokati mill-appellant għall-annullament u tesponi r-raġunijiet li jwasslu għaċ-ċaħda tal-motiv jew għall-annullament tal-att ikkontestat.

44.      Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex obbligata li tirrispondi fid-dettall għal kull wieħed mill-argumenti invokati mill-appellant, b’mod partikolari jekk l-istess argumenti ma jkunux ċari u preċiżi biżżejjed u ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ prova ċirkustanzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-inqas, għandha teżamina l-ksur kollu tal-allegati drittijiet (18).

45.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jeħtieġ li jiġi analizzat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza naqsitx mili twieġeb għall-argument inkwistjoni mqajjem mill-appellanti, u jekk ikun il-każ, jekk hija kinitx obbligata twieġeb għal dak l-argument.

46.      F’dan il-każ, jiena nikkonstata li l-appellanti ppreżentaw b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom huma jsostnu li huma kkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, fit-taqsima 2.2 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom (19), u b’mod partikolari, fil-punti 21 sa 29, huma esponew b’mod dettaljat ħafna, il-piżijiet ġodda li jaqgħu fuq il-propjetarji tal-art minħabba l-obbligu tal-evalwazzjoni tal-pjani u tal-proġetti kkontemplat fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva.

47.      Dan l-argument sar insostenn tal-aggravju dwar l-interess dirett tal-appellanti. Mhuwiex aggravju tad-dritt differenti minn dak tal-interess dirett, kif jippruvaw ipinġuha l-appellanti fis-sunt tagħhom anness mal-osservazzjonijiet tagħhom kif ukoll fis-sunt tal-aggravji invokati insostenn tal-appell (20).

48.      Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-interess dirett tal-proprjetarji tal-art, bħala persuni fiżiċi, jinsab fil-punti 54 u 59 tad-digriet appellat u jinsab redatt skont kif ġej:

“54      Il-Qorti tal-Prim’Istanza jidhrilha li ma jistax jiġi deċiż li d-deċiżjoni [ikkontestata] […] tipproduċi, minnha nnifisha, xi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti [il-proprjetarji tal-artijiet, persuni fiżiċi]. Id-deċiżjoni [kkontestata] ma fiha ebda dispożizzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ protezzjoni tas-siti ta’ importanza Komunitarja, bħalma huma l-miżuri ta’ konservazzjoni jew il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni […] B’hekk hija ma taffettwax la d-drittijiet u l-obbligi tal-proprjetarji ta’ beni immobbli u lanqas l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. B’kuntrast ma’ dak li jippretendu r-rikorrenti [il-proprjetarji tal-artijiet, bħala persuni fiżiċi], l-inklużjoni ta’ dawn is-siti fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja bl-ebda mod ma tobbliga lill-operaturi ekonomiċi jew lill-persuni privati.

[…]

59      Mill-qari tal-obbligi ċċitati iktar ’il fuq, li jaqgħu fuq l-Istati Membri kkonċernati ladarba s-siti ta’ importanza Komunitarja jkunu ġew innominati bid-deċiżjoni [kkontestata], jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ebda wieħed minn dawn l-obbligi ma japplika direttament għar-rikorrenti [il-proprjetarji tal-proprjetà immobbli, bħala persuni fiżiċi]. Fil-fatt, dawn l-obbligi kollha jeħtieġu att min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex huwa jippreċiża b’liema mod ikun bi ħsiebu jimplementa l-obbligu inkwistjoni, kemm jekk b’miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa (Artikolu 6(1) tad-Direttiva […]), miżuri xierqa biex jevitaw id-deterjorament tas-sit (Artikolu 6(2) tad-Direttiva […]) jew bil-qbil tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-proġett li jista’ jkollu effett sinjifikanti fuq is-sit (Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

49.      Fil-punt 61 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet b’hekk li MTK ma setgħetx tkun ikkonċernata direttament.

50.      Is-sempliċi qari tad-digriet appellat huwa biżżejjed biex jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fuq il-motiv dwar l-interess dirett tal-appellanti. Huwa minnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx f’dettall suffiċjenti, l-effetti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva fuq is-sitwazzjoni legali tal-proprjetarji tal-art. Ma nistax ma niddeplorax il-ħeffa tal-motivi tagħha fuq dan il-punt, inkwantu jitfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fuq motiv ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.

51.      Madankollu, jiena naħseb li l-motivazzjoni tad-digriet appellat tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u, barra minn hekk, tippermetti lill-appellanti li jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li huma ma kinux ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata. Kif jirriżulta biċ-ċar mid-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt telqet mill-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda dispożizzjoni dwar is-sistema ta’ protezzjoni kkontemplata fl-Artikolu 6 tad-Direttiva u, barra minn hekk, tħalli setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri responsabbli mill-implementazzjoni tagħha.

52.      Għaħdaqstant jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara l-ewwel aggravju bħala infondat.

B –    Fuq it-tieni aggravju li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-interess dirett tal-proprjetarji tal-artijiet

1.      L-argumenti tal-partijiet

53.      L-appellanti jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li huma ma kinux ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat iż-żewġ kundizzjonijiet rikjesti mill-ġurisprudenza fejn minn banda, l-att ikkontestat għandu jaffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u, mill-banda l-oħra, l-implementazzjoni tal-att għandu jkun ta’ natura purament awtomatika (21).

54.      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 6 tad-Direttiva inkwantu kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinvolvi ebda effett ġuridiku dirett fil-konfront tagħhom.

55.      Min-naħa waħda, id-deċiżjoni kkontestata tinvolvi inevitabbilment il-klassifikazzjoni tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza Komunitarja f’żoni speċjali ta’ protezzjoni. Għaldaqstant l-imsemmija deċiżjoni tirregola b’mod definittiv il-kwistjoni tal-inklużjoni ta’ dawn is-siti fin-netwerk Natura 2000.

56.      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata tinvolvi l-projbizzjoni fuq id-deterjorament tas-siti kklassifikati bħala siti ta’ importanza Komunitarja kif ukoll l-obbligu tal-evalwazzjoni tal-pjani u tal-proġetti li jistgħu jiġu implementati f’dawn is-siti, u dan kif inhu previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva. Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tinvolvix, minnha nnifisha, obbligi jew restrizzjonijiet rigwardanti l-użu tal-proprjetajiet huwa rrilevanti.

57.      Insostenn ta’ din il-konklużjoni, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li eżaminat l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-diversi stadji tal-proċedura tal-għażla tas-siti.

58.      Għal dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza interepretat b’mod żbaljat ukoll l-Artikoli 6 tad-Direttiva inkwantu kkunsidrat li biex jitwieldu l-effetti ġuridiċi miġjuba mid-deċiżjoni kkontestata jinħtieġu miżuri min-naħa tal-Istat Membru li fuqhom huwa għandu setgħa diskrezzjonali.

59.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-digriet appellat huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax direttament lill-appellanti, peress li ma fiha ebda dispożizzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ protezzjoni li l-Istati Membri għandhom jadottaw abbażi tad-Direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, l-istess bħad-deċiżjoni kkontestata, bl-ebda mod ma jimpedixxi lill-appellanti milli jimplementaw xi proġetti immobiljari, forestali jew agrikoli fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Id-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni hija ċara u teħtieġ biss l-applikazzjoni ta’ proċeduri ta’ evalwazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ konsultazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qabel l-approvazzjoni tal-proġett. Finalment, il-Kummissjoni ma tħossx li huwa meħtieġ li twieġeb għall-argumenti tal-appellanti fejn din issostni li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwardaha individwalment ukoll.

60.      Ir-Renju ta’ Spanja, li intervjena insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, iżid li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmilx ħlief li tikkonstata stat ta’ fatt, jiġifieri li l-kundizzjonijiet ambjentali partikolari f’territorju speċifiku huma preżenti. Barra minn hekk, huwa jippreċiża li l-effetti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ma jirriżultawx mid-deċiżjoni kkontestata, imma mid-dikjarazzjoni ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni magħmula mill-Istati Membri.

2.      Kunsiderazzjonijiet

61.      Id-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 2 tagħha, hija indirizzata biss lill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi, f’dan il-każ huma dawk li jiffurmaw parti mill-proprjetarji tal-artijiet, jew il-persuni legali, f’dan il-każ il-fondazzjoni MTK:n säätiö, li jixtiequ jippreżentaw rikors għal annullament kontra dik id-deċiżjoni għandhom jissodisfaw għalhekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Konsegwentement, huma għandhom juru li d-deċiżjoni tirrigwardahom direttament u individwalment. Għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni minn persuna fiżika jew persuna legali hija inammissibbli.

62.      Dan hu s-suġġett ta’ din il-kawża.

63.      Skont ġurisprudenza stabbilita u kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 52 tad-digriet appellat, il-kundizzjoni li biha persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mill-att ikkontestat teħtieġ iż-żewġ elementi segwenti. Primarjament, dak l-att għandu jkollu effett dirett fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu. Fit-tieni lok, l-att imsemmi ma għandu jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implementazzjoni tiegħu, l-att għandu jkun ta’ natura purament awtomatika u għandu jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (22).

64.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

a)      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, dwar l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sitwazzjoni legali tal-proprjetarji tal-artijiet

65.      Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 54 tad-digriet appellat, sostniet li d-deċiżjoni kkontestata “li tinnomina, bħala siti ta’ importanza Komunitarja, żoni mit-territorju Finlandiż fejn ir-rikorrenti [il-proprjetarji tal-proprjetà immobblit, bħala persuni fiżiċi] għandhom xi artijiet [(23)] [ma] tipproduċi[x], minnha nnifisha, xi effetti fuq is-sitwazzjoni legali [ta’ dawn tal-aħħar]”. Fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda dispożizzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ protezzjoni tas-siti ta’ importanza Komunitarja, u ma taffettwax la d-drittijiet u l-obbligi tal-proprjetarji ta’ beni immobbli u lanqas l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. B’hekk, fil-fehma tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-inklużjoni ta’ dawn is-siti fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja bl-ebda mod ma tobbliga lill-operaturi ekonomiċi jew lill-persuni privati.

66.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

67.      Min-naħa l-oħra, jiena nsostni li d-deċiżjoni kkontestata, minnha nnifisha, iġġib magħha konsegwenzi diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-proprjetarji tal-artijiet u dan anki fl-assenza ta’ miżuri ta’ protezzjoni adottati mill-Istat Membru kkonċernat.

68.      B’kuntrast ma’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi fil-fatt att li jista’ jiġi kkontestat. Din id-deċiżjoni mhijiex “att dikjaratorju” jew sempliċi miżura intermedjarja, peress li hija tistabbilixxi definittivament il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tas-siti ta’ importanza Komunitarja li jidħlu fin-netwerk Natura 2000 (24).

69.      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Bil-fatt li kklassifikat bħala siti ta’ importanza Komunitarja, l-artijiet li fuqhom għandhom dritt il-proprjetarji tal-proprjetà immobbli, dik id-deċiżjoni ċċaħħadhom mill-fakultà li jiddisponu minnhom liberament (25).

70.      Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni għandha l-konsegwenza li żżid restrizzjonijiet ġodda fuq id-drittijiet tal-proprjetarji tal-proprjetà immobbli, liema restrizzjonijiet ma kinux jeżistu fil-mument li fih l-imsemmija proprjetarji akkwistaw u li jirrendu iktar diffiċli l-eżerċizzju tagħhom. Bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata, il-proprjetarji tal-artijiet ma setgħux jużaw jew ibiegħu l-artijiet tagħhom mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni tal-proprjetà tagħhom bħala siti ta’ importanza Komunitarja. L-impatt tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sitwazzjoni tagħhom jista’ jirrifletti ruħu f’dannu ta’ natura ekonomika u soċjali, minħabba t-tnaqqis fil-valur tal-artijiet jew ukoll minħabba t-terminazzjoni totali jew parzjali tal-attivitajiet agrikoli u forestali. L-impatt jista’ jidher ukoll permezz ta’ serje ta’ restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-prerogattivi marbutin mal-proprjetà, peress li, ladarba dawn l-artijiet jiġu kklassifikati bħala siti ta’ importanza Komunitarja, huma jkollhom fuqhom obbligi ġodda.

71.      Min-naħa waħda, l-artijiet imsemmija huma kklassifikati, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, f’żoni speċjali ta’ protezzjoni.

72.      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni tas-siti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata, u dan skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) sa (4) tad-Direttiva (26). L-Istati Membri għandhom, pereżempju, jadottaw il-miżuri kollha ta’ konservazzjoni meħtieġa għall-preservazzjoni tas-siti (27). B’hekk huma jistgħu jipprojbixxu ċerti attivitajiet ġewwa ż-żoni protetti, bħalma huwa l-ħrit u d-deforestazzjoni, jew jillimitaw ukoll ix-xogħol ta’ kostruzzjoni u sfruttament. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jissottomettu l-pjani u l-proġetti kollha li jistgħu jaffettwaw is-siti ta’ importanza Komunitarja, bħalma huma l-proġetti tat-teħid tal-ilma, sabiex jingħataw awtorizzazzjoni amministrattiva ibbażata fuq evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit ikkonċernat (28).

73.      Dawn il-miżuri jikkostitwixxu wkoll restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà u huma marbutin direttament mal-klassifikazzjoni tal-artijiet tal-proprjetajiet tal-artijiet, bħala siti ta’ importanza Komunitarja.

74.      Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq, li tidher li hija simili, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li r-rikorrent kien affettwat direttament. L-att ikkontestat kien deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkonstatat il-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ leġiżlazzjoni Britannika li, skont id-Direttiva 89/552/KEE (29), kienet tistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tax-xandir tal-avvenimenti l-kbar mill-korpi ta’ xandir televiżiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li impriża, f’dak il-każ Infront WM AG, li xogħolha kien ix-xiri u bejgħ tad-drittijiet tax-xandir ta’ avvenimenti sportivi, kienet ikkonċernata direttament b’dak l-att inkwantu l-leġiżlazzjoni adottata mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u approvata mill-imsemmi att kienet timponi fuq dawn il-korpi numru ta’ limiti, meta huma jkunu ser ixandru l-avvenimenti inkwistjoni li għalihom Infront WM AG kienet akkwistat id-drittijiet esklużivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[s]a fejn dawn il-limiti [kienu] marbuta mal-kundizzjonijiet li fihom dawn ix-xandara jakkwistaw mingħand Infront [WM AG] id-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid […] il-miżuri meħuda mir-Renju Unit u l-att ikkontestat għandhom il-konsegwenza li jżidu restrizzjonijiet ġodda mad-drittijiet miżmuma minn din il-kumpannija li ma kinux jeżistu fil-mument meta din akkwistat l-imsemmija drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi, u li jagħmlu iktar diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. B’hekk, l-att ikkontestat jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali ta’ Infront [WM AG]” (30).

75.      Din il-ġurisprudenza tidher li tapplika perfettament għal din il-kawża.

76.      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li d-deċiżjoni kkontestata effettivament taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-proprjetarji tal-proprjetà immobbli.

77.      Fil-preżent, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-miżuri ta’ applikazzjoni li jwasslu għall-bżonn tad-deċiżjoni kkontestata humiex purament awtomatiċi jew jekk, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali jikkonservawx f’dan ir-rigward, xi setgħa diskrezzjonali.

b)      Għal dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni, dwar il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

78.      Mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każ fejn att Komunitarju jiġi indirizzat lil Stat Membru minn xi istituzzjoni, meta l-azzjoni li l-Istat Membru għandu jieħu biex jeżegwixxi l-att hija ta’ natura awtomatika jew meta, b’xi mod jew ieħor, il-konsegwenzi tal-att imsemmi mhumiex dubjużi, allura l-att ikun jikkonċerna direttament lil kull persuna li tkun affettwata b’dik l-azzjoni (31).

79.      Fil-każ fejn teżisti miżura nazzjonali ta’ eżekuzzjoni li tapplika bejn l-att ikkontestat u r-rikorrent, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li dak mhuwiex, minnu nnifsu, fattur ta’ inammissibbiltà tar-rikors jekk il-miżura hija ta’ natura purament awtomatika jew is-sens tagħha huwa prevedibbli u jista’ jiġi dedott mil-leġiżlazzjoni Komunitarja (32). Il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, ddeċidiet li dan kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq. Minkejja l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali fl-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-awtoritajiet nazzjonali ma kellhom ebda setgħa diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda r-riżultat li kellu jintlaħaq, peress li dan kien stabbilit unikament minn dak l-att (33).

80.      Jekk, mill-banda l-oħra, l-att ikkontestat iħalli verament l-għażla f’idejn l-Istat Membru destinatarju, fejn dan ikollu l-possibbiltà li jressaq jew ma jressaqx proċeduri jew ma jkunx obbligat iressaq proċeduri f’sens partikolari, allura, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li individwu ma jistax jippretendi li jkollu l-kwalità diretta biex jikkontestah (34).

81.      Kif indikajt diġà, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 55 sa 58 tad-digriet appellat, eżaminat il-kontenut tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikoli 4(4) u (5) u 6 tad-Direttiva. Hija ddeduċiet li dawn l-obbligi kollha jeħtieġu att min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex dan jippreċiża kif huwa bi ħsiebu jimplementahom fit-territorju tiegħu. Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet dan li ġej:

“60      Għaldaqstant, jirriżulta mid-Direttiva […] li hija l-bażi li fuqha ttieħdet id-deċiżjoni [ikkontestata], li din torbot lill-Istat Membru fir-rigward tar-riżultat li jrid jintlaħaq, filwaqt li tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali s-setgħa fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni li jridu jittieħdu u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jridu jiġu segwiti [(35)]. Din il-konklużjoni mhijiex affetwata mill-fatt li s-setgħa diskrezzjonali b’hekk imħollija lill-Istati Membri għandha tiġi eżerċitata skont l-obbjettivi tad-Direttiva […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

82.      Hija fuq din l-aħħar konstatazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors għal anullament ippreżentat mill-proprjetarji tal-artijiet bħala inammissibbli.

83.      Jien ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament għar-raġunijiet segwenti.

84.      Minn banda, jiena nfakkar li d-deċiżjoni kkontestata għandha natura ta’ deċiżjoni u tapplika kollha kemm hi fuq l-Istati Membri mingħajr ma’ dawn jistgħu jindaħlu fil-klassifikazzjoni tal-artijiet fin-netwerk Natura 2000.

85.      Mill-banda l-oħra, fl-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri għandhom biss setgħa diskrezzjonali limitata ħafna.

86.      F’din il-kawża, il-punt li fuqu ma qablux il-partijiet joħroġ mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata teħtieġ miżuri ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-Istati Membri sabiex tiġi implementata. Kif diġà indikajt, l-eżistenza ta’ miżura nazzjonali ta’ applikazzjoni, li sseħħ bejn l-att ikkontestat u r-rikorrent, ma tikkostitwixxix, minnha nnifisha, raġuni għall-inammissbbiltà ta’ rikors. F’din is-sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri fl-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat.

87.      F’din il-kawża, dawn il-miżuri huma stabbiliti minn Direttiva li, per definizzjoni, hija intiża li tħalli ċertu setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri. Fil-fatt, jiena nfakkar li skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, l-Istati Membri huma obbligati bir-riżultat li jridu jilħqu, imma għandhom ċerta diskrezzjoni fir-rigward tal-forma u l-metodi li huma jużaw għal dan il-għan (36).

88.      F’dan il-każ, il-kwistjoni hija għalhekk dwar jekk, fid-dawl ta’ dak li tippreskrivi d-Direttiva, l-Istati Membri għandhomx setgħa diskrezzjonali suffiċjenti għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tippermettilhom li jressqu jew ma jressqux proċeduri, jew jekk, mill-banda l-oħra, humiex obbligati li jaġixxu f’sens partikolari.

89.      Il-mod u l-kundizzjonijiet li fihom id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi implementata huma stabbiliti fl-Artikoli 4(4) u (5) u 6 tad-Direttiva.

90.      Primarjament, ladarba l-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, l-Istati Membri huma obbligati li jinnominaw dawn is-siti f’żoni speċjali ta’ konservazzjoni fl-iqsar żmien possibbli u f’terminu massimu ta’ sitt snin. Kif irrilevaw l-appellanti, it-termini tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva huma ċari u l-Istati Membri ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (37).

91.      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, l-Istati Membri huma obbligati li japplikaw is-sistema ta’ protezzjoni kkontemplata fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva għas-siti mniżżla fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja (38). Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dragaggi et, iċċitata iktar ’il fuq, iż-żieda ta’ sit fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja u l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni kkontemplati fl-imsemmija dispożizzjoni huma espressament marbutin ma’ xulxin (39).

92.      Ċertament, l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex imċaħħda minn kull setgħa diskrezzjonali biex jimplementaw l-Artikolu 6 tad-Direttiva u d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, biex jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw minn dawn, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipprovdu sistema xierqa ta’ protezzjoni ta’ siti, li tista’ tvarja skont ir-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali ta’ kull Stat Membru (40).

93.      Madankollu, jidher li s-setgħa diskrezzjonali li huma għandhom hija limitata ħafna.

94.      Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-proprjetarji tal-artijiet ikklassifikati bħala siti ta’ importanza Komunitarja ma jiddeterjorawx il-habitats naturali li jinsabu fil-proprjetà tagħhom u ma jfixklux l-ispeċijiet ħajjin f’dik iż-żona bi ksur tad-Direttiva. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jadottaw il-miżuri ta’ protezzjoni li, fil-fehma tiegħi, huma prevedibbli ħafna u li huma f’sens li wieħed jista’ faċilment jistabbilixxihom. Għaldaqstant dawn il-miżuri għandhom jippermettu li jiġu mantnuti u restawrati fi “stat ta’ konservazzjoni favorevoli” il-habitats naturali u l-ispeċijiet tal-fawna u tal-flora selvaġġi ta’ importanza Komunitarja (41). Huma għandhom jippermettu wkoll li jiġu evitati r-riskji kollha ta’ deterjorament u t-tfixkil tas-siti. L-imsemmija miżuri jikkostitwixxu l-implementazzjoni diretta tad-deċiżjoni kkontestata. Huma dawn il-miżuri, u f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata, li jistabbilixxi r-riżultat li jrid jintlaħaq. Għal dak li jikkonċerna dan ir-riżultat, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali.

95.      F’dan il-każ, il-preġudizzji kkaġunati lis-sitwazzjonijiet legali tal-proprjetarji tal-artijiet huma dovuti għall-ħtieġa li jintlaħaq dan ir-riżultat.

96.      Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet Komunitarji jistabbilixxu limiti dejjem iktar stretti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

97.      Il-Kummissjoni ħarġet, għaldaqstant, gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva fejn hija tindika l-portata u l-kontenut ta’ kull dispożizzjoni tagħha (42). Pereżempju, fir-rigward tal-implementazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni tippreċiża s-sens tal-kunċetti tat-tfixkil u tad-deterjorament tas-siti u tindika, b’mod partikolari, lill-Istati Membri l-mod li bih huma għandhom jevalwaw dawn ir-riskji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u t-termini li fihom l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri ta’ salvagwardja (43). Għal dak li jikkonċerna, imbagħad, l-implementazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, il-Kummissjoni tippreċiża x’għandha tkun it-tifsira ta’ “raġunijiet […] marbuta ma’ l-interess pubbliku” u tal-“miżuri […] kumpensatorji”. Hija tindika inter alia meta għandhom jittieħdu dawn il-miżuri, min għandu jbati l-ispiża tagħhom u lil min għandhom jiġu notifikati.

98.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni permezz tal-proċedura tar-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ xi obbligu mill-Istat, u l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, jeżerċitaw kontroll rigoruż ħafna tal-miżuri adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva. Dan jixhdu n-nuqqas ta’ qbil mifrux fuq l-implementazzjoni tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-akkuratezza tat-traspożizzjoni għandha “importanza partikolari f’każ […] fejn il-ġestjoni tal-patrimonju komuni hija fdata, għat-territorju rispettiv tagħhom, lill-Istati Membri” (44). Fil-fehma tagħha, u inkwantu d-Direttiva timponi “regoli kumplessi u tekniċi”, “l-Istati Membri huma obbligati b’mod partikolari li jivverifikaw li l-leġiżlazzjoni tagħhom, li tkun intiża sabiex tassigura t-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, tkun ċara u preċiża, inkluż dak li jirrigwarda l-obbligi essenzjali ta’ sorveljanza u kontroll” (45).

99.      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżitatx biex tippreċiża l-metodi tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni kkontemplat fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jidentifikaw l-aspetti kollha tal-pjani li jkunu pproġettati li jkunu jistgħu jaffettwaw l-obbjettivi ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat. Imbagħad, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorizzazzjoni tal-pjan jew tal-proġett ma tistax tingħata ħlief jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom iċ-ċertezza li mhux ser ikun hemm effetti ta’ ħsara għall-integrità tas-sit ikkonċernat. Kif tippreċiża l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll, “meta jkun għad hemm dubju dwar in-nuqqas ta’ effetti li jagħmlu ħsara […] l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni tiegħu” (46) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif ġustament irrilevaw l-appellanti, l-awtorizzazzjoni mogħtija abbażi ta’ dawn il-kriterji tħalli biss setgħa diskrezzjonali limitata ħafna lill-Istati Membri (47).

100. Jidhirli għalhekk li, mill-mument meta l-Kummissjoni tkun identifikat sit bħala ta’ importanza Komunitarja, l-Istati Membri ma għandhomx għażla oħra ħlief li jinnominaw dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni u jadottaw sistema ta’ protezzjoni li tippermetti l-preservazzjoni tas-sit imsemmi, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva. Il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jgawdu minn setgħa diskrezzjonali, anke jekk limitata, fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni li jridu jadottaw u fir-rigward tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jridu jsegwu, fil-fehma tiegħi, ma għandux jaffettwa l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata bħala tali.

101. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-fehma li ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex persuna fiżika jew ġuridika tkun direttament ikkonċernata minn att Komunitarji huma sodisfatti f’dan il-każ.

102. Jiena nsostni għalhekk li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli mhumiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u konsegwentement, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-digriet appellat.

103. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nħoss li ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat it-tielet aggravju, li huwa bbażat fuq il-protezzjoni legali effettiva.

104. Barra minn hekk, jiena nsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat fil-prim’istanza mill-appellanti, u dan skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (48).

VI – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat fil-ewwel istanza

105. Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma analizzathiex fid-digriet appellat, jiena sejjer għalhekk neżamina sa fejn il-proprjetarji tal-artijiet jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Wara din l-analiżi, jiena ser neżamina l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn MTK.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat mill-proprjetarji tal-proprjetà immobbli

1.      L-argumenti tal-partijiet

106. Fl-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma fil-kuntest tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ssostni li l-proprjetarji tal-propjetà immobbli mhumiex ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett, hija tirrileva li din id-deċiżjoni ma taffettwahomx b’mod li jiġu mċaħħda mit-tgawdija tal-beni tagħhom. L-imsemmi deċiżjoni ma tagħtihom ebda dritt u ma timponilhom ebda obbligu. Sussegwentement, il-Kummissjoni tenfasizza li s-siti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata huma definiti esklużivament abbażi ta’ kriterji bijoloġiċi, skont l-Artikolu 1(k) tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li huwa impossibbli li jiġu identifikati l-proprjetarji tas-siti kklassifikati bħala siti ta’ importanza Komunitarja abbażi tad-deċiżjoni kkontestata jew abbażi tal-informazzjoni li serviet biex tingħata d-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li s-siti kkontemplati f’dik id-deċiżjoni jinteressaw lil persuni oħra li mhumiex il-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, bħalma huma l-impriżi ta’ kostruzzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jew iċ-“ċittadin normali”.

107. Mill-banda l-oħra, l-appellanti jsostnu li huma jinsabu effettivament f’sitwazzjoni partikolari, li tiddistingwihom minn kull persuna oħra, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda artijiet li huma proprjetà tagħhom u taffettwa s-sitwazzjoni legali tagħhom.

2.      Kunsiderazzjonijiet

108. Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li jinsab fih id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (49).

109. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li meta d-deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att sa fejn jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (50). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan huwa l-każ meta d-deċiżjoni tbiddel id-drittijiet akkwistati mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha (51).

110. F’din il-kawża, jiena nsostni li l-proprjetarji tal-artijiet jiffurmaw parti minn grupp ristrett li l-membri tiegħu huma affetwati b’mod speċjali mid-deċiżjoni kkontestata, u dan minħabba tliet raġunijiet.

111. Primarjament, huma jinsabu f’sitwazzjoni partikolari, peress li għandhom drittijiet ta’ proprjetà fuq is-siti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata.

112. Fit-tieni lok, il-proprjetarji tal-artijiet kienu identifikabbli mill-Kummissjoni fil-mument meta hija adottat din id-deċiżjoni. Fil-fatt, is-siti kkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata huma identifikati minn koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni). Din l-informazzjoni, li tiġi proposta, mibgħuta u mbagħad ivverifikata mill-Istat Membru, tippermetti li jiġu identifikati l-artijiet li fuqhom hemm drittijiet ta’ proprjetà. Id-drittijiet ta’ proprjetà ta’ kull wieħed minnha, fil-prinċipju, jiġu rreġistrati mill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġistri.

113. Fit-tieni lok, kif urejna diġà, id-deċiżjoni kkontestata taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-proprjetarji tal-proprjetà immobbli u, b’mod partikolari, il-libera dispożizzjoni ta’ dawk id-drittijiet.

114. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat mill-proprjetarji jista’ jiġi studjat fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn jingħad li individwu jista’ jikkontesta l-legalità ta’ att Komunitarju meta dak l-att ibiddel id-drittijiet akkwistati preċedentement minn dak l-individwu fiż-żmien meta l-att ikun ġie adottat.

115. Kif indikajt fil-punti 99 sa 102 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dan fis-sentenza Toepfer u Getreide-Import Gesellschaft vs Il‑Kummissjoni (52), fejn hija aċċettat, għall-ewwel darba, li individwu jista’ jkun ikkonċernat individwalment b’deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru. Hija adottat din is-soluzzjoni wkoll fis-sentenza Bock vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fis-sentenzi Agricola commerciale olio et vs Il‑Kummissjoni u Savma vs Il‑Kummissjoni (53). Fis-sentenza CAM vs Il‑Kummissjoni (54), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li individwu kellu l-kapaċità li jressaq proċeduri, meta l-miżura kkontestata tirrigwarda sitwazzjoni li tkun pendenti fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura u tipperikola d-drittijiet akkwiżiti fir-rigward ta’ operazzjonijiet futuri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll f’dan is-sens fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq.

116. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, meta d-dritt inkwistjoni jkun ekwivalenti għal dritt fundamentali fis-sistema legali Komunitarja, bħalma huwa d-dritt għall-proprjetà (55), huwa ċar li l-ksur ta’ dan id-dritt għandu jista’ jkun suġġett għal rikors ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti Komunitarja.

117. Jidhirli li din l-analiżi ssib sostenn fil-ġurisprudenza Komunitarja u b’mod partikolari, fis-sentenza Codorniu vs Il Kunsill (56). F’din il-kawża, kumpannija rregolata bid-dritt Spanjol, li kienet titulari tal-marka Gran Cremant de Codorniu sa mis-sena 1924, talbet l-annullament tal-artikolu ta’ regolament tal-Kunsill li kien jipprojbixxiha, b’mod definittiv, milli tuża l-kelma “crémant”. Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha, minkejja n-natura normattiva tal-att ikkontestat, fi sforz li jiġi protett id-dritt għall-proprjetà li l-kumpannija kellha fuq dik il-marka skont il-leġiżlazzjoni Spanjola.

118. Din il-ġurisprudenza tidher li tista’ tiġi applikata perfettament għal din il-kawża, peress li d-drittijiet tal-proprjetarji tal-artijiet ġew akkwistati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

119. Din hija r-raġuni għaliex, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena ninsab tal-fehma li r-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati b’din id-deċiżjoni.

120. Il-proprjetarji tal-artijiet jissodisfaw għalhekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE biex jippreżentaw rikors għal anullament kontra d-deċiżjoni. Konsegwentement, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara r-rikors tagħhom bħala ammissibbli.

121. F’dan l-istadju jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn MTK kontra d-deċiżjoni kkontestata.

B –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn MTK

122. Kif jirriżulta mid-dokumenti fil-proċess, MTK tirrappreżenta l-interessi ta’ 163 000 operatur agrikolu u forestali, fosthom dawk tal-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli (57).

123. L-ammissibbiltà ta’ kawża ppreżentata minn assoċjazzjoni li tiddefendi interessi kollettivi quddiem il-qorti Komunitarja tirriżulta wkoll mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Jiena nfakkar li din id-dispożizzjoni tissuġġetta r-rikors għal annullament ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li mhix indirizzata lilhom għall-kundizzjoni doppja li din id-deċiżjoni trid tkun tirrigwardahom direttament u individwalment.

124. Għaldaqstant, assoċjazzjoni li tiddefendi l-interessi kollettivi ma tistax titlob l-annullament ta’ deċiżjoni li mhix indirizzata lilha ħlief jekk dik id-deċiżjoni tkun tirrigwarda lilha stess jew lill-membri tagħha direttament u individwalment. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, assoċjazzjoni ma tistax tressaq proċeduri kontra dak l-att biex tiddefendi l-interessi ġenerali u kollettivi tal-membri li hija tirrappreżenta (58). Dan iwassal b’hekk li jiġi evitat li, bil-ħolqien ta’ dik l-assoċjazzjoni, l-individwi jkunu jistgħu jevitaw ir-rekwiżiti proċedurali tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (59).

125. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, assoċjazzjoni bħal MTK, ma tistax tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni ħlief f’żewġ każijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikors tagħha huwa ammissibbli jekk il-membri li hija tirrappreżenta jew ftit minnhom għandhom il-kapaċità huma stess li jressqu l-proċeduri (60). F’dak il-każ, l-assoċjazzjoni hija meqjusa bħala li tissostitwixxi lill-membri tagħha. Fit-tieni lok, ir-rikors tagħha jista’ jkun ammissibbli wkoll jekk hija tkun tista’ tinvoka l-interess tagħha stess sabiex jitressqu dawk il-proċeduri. Il-ġurisprudenza tippermetti li dan jista’ jkun il-każ meta l-pożizzjoni tal-assoċjazzjoni bħala negozjatriċi tkun ġiet affettwata bl-att li l-annullament tiegħu jkun qiegħed jintalab (61).

126. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-appellanti jsostnu li r-rikors ippreżentat minn MTK huwa ammissibbli, peress li l-parti l-kbira tal-membri tagħha għandhom huma stess il-kapaċità li jressqu proċeduri.

127. Jiena naqbel ma’ din il-fehma wkoll.

128. Fil-fatt, jidhirli li, b’dan ir-rikors, MTK tixtieq tiddefendi l-interessi individwali ta’ ċerti membri minn tagħha u, b’mod partikolari, dawk tal-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli tagħha. Kif urejt diġà, jiena nsostni li l-membri tagħha huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikors ta’ MTK jidher għalhekk li huwa ammissibbli inkwantu din l-assoċjazzjoni tirrappreżentahom.

129. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-element jidher li hu suffiċjenti biex jiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ MTK.

130. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra r-rikors ippreżentat mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

131. Barra minn hekk, jiena nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors u tirriżerva l-ispejjeż (62).

VII – Konklużjoni

132. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi bil-mod kif ġej:

“1)      Id-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-22 ta’ Ġunju 2006, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (T‑150/05), huwa annullat.

2)      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej hija miċħuda.

3)      Il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Fost dawn il-proprjetarji tal-artijiet, hemm tlettax-il persuna fiżika kif ukoll fondazzjoni msejħa MTK:n säätiö (iktar ’il quddiem, il-“proprjetarji tal-artijiet”).


3 – Din hija l-Maa- ja metsätaloustuottajain keskusliitto MTK ry (iktar ’il quddiem il-“MTK”). Din l-assoċjazzjoni tirrappreżenta l-interessi ta’ 163 000 operatur agrikolu u forestali.


4 – T‑150/05, Ġabra p. II‑1851, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”.


5 – Direttiva tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) kif emendata bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1882/2003 (KE) tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).


6 – ĠU L 40, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.


7 – Ara, b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, Ġabra, p. II‑69, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – L-ewwel u t-tielet sas-sitt premessa.


9 – Bħalma hija l-klassifikazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-annimali skont il-kriterji ornitoloġiċi kkontemplati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), imma wkoll l-informazzjoni dwar l-għasafar migratorji li jkunu preżenti regolarment fis-sit u li mhumiex ikkontemplati fl-anness, il-klassifikazzjoni tal-mammiferi, ir-rettili, l-amfibji, il-ħut, l-invertebrati kif ukoll il-pjanti mniżżla fl-Anness II tad-Direttiva u l-ispeċijiet importanti l-oħra tal-flora u tal-fawna mhux ikkontemplati f’dak l-anness.


10 – Bħalma hija l-lokalizzazzjoni tas-sit u l-pjanta tiegħu.


11 – Huwa b’hekk rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri jibagħtu l-“[i]nformazzjoni fuq l-impatti u attivitajiet umani ġewwa u madwar is-sit”. Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma mitluba jipprovdu l-informazzjoni fuq l-attivitajiet marbuta, partikolarment, mal-agrikoltura u l-foresti, is-sajd, il-kaċċa u l-ħsad, l-urbanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni, it-trasport u l-komunikazzjoni [ara l-punt 6.1 u l-Appendiċi E tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/266/KE tat-18 ta’ Diċembru 1996, dwar format ta’ tagħrif fuq is-siti għas-siti proposti għan-Natura 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 162, p. 1 u speċjalment p. 37)].


12 – Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva. Dan il-kumitat, ippresjedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni, huwa kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri.


13 – Sit ta’ importanza Komunitarja.


14 – Ċerti proprjetajiet immobiljari huma kkontemplati u identifikati fil-punt 6.2.2.7 tar-rikors promotur ta’ din il-kawża.


15 – Jidhirli li fl-analiżi tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx is-sitwazzjoni legali tal-fondazzjoni MTK:n säätiö, li wieħed għandu jiftakar li hija wkoll proprjetarja tal-artijiet ikkontemplati mid-deċiżjoni kkontestata.


16 – B’mod partikolari ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Il‑Kummissjoni vs V (C‑188/96 P, Ġabra p. I‑6561, punt 24) u tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il‑Kummissjoni (C‑401/96 P, Ġabra p. I‑2587, punt 53).


17 – F’dan is-sens ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il‑Kummissjoni (C‑167/06 P, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Idem.


19 – Nirreferi għall-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati wara l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà imqajma mill-Kummissjoni fil-Prim’Istanza.


20 – Ara l-punti 68 sa 70 rispettivament tal-osservazzjonijiet bil-miktub u paġna 4 tal-appell.


21 – Punti 8 sa 56 tal-appell.


22 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Enfasi tiegħi.


24 – Sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, Ġabra p. 2639, punt 10).


25 – Jiena nirreferi għat-termini espressi mill-professur G. Isaac li jsostni li “r-rikorrent mhuwiex direttament ikkonċernat jekk l-att ikkontestat, minnu nnifsu, għandu l-effett immedjat li jċaħħdu minn xi dritt jew li jimponilu obbligu b’mod li jpoġġih f’sitwazzjoni simili għal dik li kien isib ruħu fiha kieku kien destinatarju ta’ dak l-att” (G. Isaac, Droit communautaire général, is-7 edizzjoni, Colin, Pariġi, 1999, p. 266).


26 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et (C‑117/03, Ġabra p. I-167). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 21 ta’ din is-sentenza sostniet li l-miżuri ta’ protezzjoni kkontemplati fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva huma meħtieġa għal dak li jikkonċerna s-siti li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, huma mniżżla fil-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza Komunitarja kif stabbilita mill-Kummissjoni skont il-proċedura kkontemplata fl-Artikolu 21 tad-Direttiva.


27 – Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva.


28 – Artikolu 6(3) tad-Direttiva.


29 – Direttiva tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36/KE tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321).


30 – Punti 47 sa 52.


31 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni (C‑386/96 P, Ġabra p. I2309, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (T‑223/01, Ġabra p. II‑3259, punt 46).


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company vs Il‑Kummissjoni (41/70 sa 44/70, Ġabra p. 411, punt 25) kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 1971, Bock vs Il‑Kummissjoni (62/70, Ġabra p. 897, punti 7 u 8).


33 – Punti 59 sa 63.


34 – B’mod partikolari ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, France vs Comafrica et (C‑73/97 P, Ġabra p. I‑185). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3190/93 tad-19 ta’ Novembru 1993 li jistabbilixxi l-koeffiċjent uniformi tat-tnaqqis għad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ banana li trid tingħata lil kull operatur tal-kategoriji A u B fil-kuntest tal-kwota tariffarja għall-1994 (ĠU L 285, p. 28) ma kienx jirrigwarda direttament lill-operaturi, peress li fir-realtà kien jispetta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jiffissaw b’mod definittiv il-kwantitajiet ta’ banana li huma jkunu jistgħu jimpurtaw matul dan il-perijodu, abbażi ta’ dan ir-regolament.


35 –      Enfasi tiegħi.


36 – Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, Ġabra p. I‑7411, punt 45).


37 – Ara t-taqsima 2.2 tal-appell.


38 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern et (C-244/05, Ġabra p. I-8445, punt 35).


39 – Punt 24.


40 – F’dan ir-rigward ara l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva.


41 – Ara l-Artikoli 1(e) u (i) u 2(2) tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jitqies favorevoli meta l-medda naturali tiegħu u z-zoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu, u l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli, u l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi tipiċi hu favorevoli kif imfisser fl-Artikolu 1(i) tad-Direttiva.


42 – Din il-gwida hija intitolata Gérer les sites Natura 2000 – Les dispositions de l’article 6 de la directive ‘habitats’ (92/43/CEE) (Il-Lussemburgu, 2000).


43 – Ara wkoll is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-75/01, Ġabra p. I-1585, punti 41 u 42) kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-6/04, Ġabra p. I-9017, punti 29 sa 39).


44 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).


45 – Ibidem (punt 26).


46 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punti 52 sa 60).


47 – Punt 30 tal-appell.


48 – Skont din id-dispożizzjoni, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan il-każ, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża, meta din tkun fi stat li tista’ tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ħalli tiddeċiediha hi.


49 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197, speċjalment p. 223); tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 33), u Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 70).


50 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207, punt 31); tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, (C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 60), kif ukoll Il-Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 71).


51 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 1965 (106/63 u 107/63, Ġabra p. 525).


53 – Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1984 (232/81, Ġabra p. 3881, u 264/81, Ġabra p. 3915).


54 – Sentenza tat-18 ta’ Novembru 1975 (100/74, Ġabra p. 1393).


55 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1996, T. Port (C‑68/95, Ġabra p. I‑6065, punt 40), kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C‑20/00 u C‑64/00, Ġabra p. I‑7411, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56 – Sentenza tat-18 ta’ Mejju 1994 (C‑309/89, Ġabra p. I‑1853). Insostenn ta’ din l-analiżi ara t-teżi ta’ P. Cassia, L’accès des personnes physiques ou morales au juge de la légalité des actes communautaires, Dalloz, Pariġi, 2002, p. 752, punti 968 et seq.


57 – Punti 3 u 6 tar-rikors promotur tal-kawża u l-punt 66 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-appellanti wara l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.


58 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il‑Kunsill (16/62 u 17/62, Ġabra p. 901, 919 u 920); digriet tat-18 ta’ Diċembru 1997, Sveriges Betodlares u Henrikson vs Il‑Kummissjoni (C‑409/96 P, Ġabra p. I‑7531, punt 45); sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Frar 1999, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il‑Kummissjoni (T‑86/96, Ġabra p. II‑179, punt 55), kif ukoll id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 1999, Unione provinciale degli agricoltori di Firenze et vs Il-Kummissjoni (T‑78/98, Ġabra p. II‑1377, punt‑36).


59 – F’dan is-sens, ara l-analiżi ta’ P. Cassia, op. cit., punti 1226 et seq.


60 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 1993, Federmineraria et vs Il‑Kummissjoni (C‑6/92, Ġabra p. I‑6357, punt 17), tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni (T‑447/93 sa T‑449/93, Ġabra p. II‑1971, punt 62); kif ukoll id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1997, Federolio vs Il‑Kummissjoni (T‑122/96, Ġabra p. II‑1559, punt 61) u s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il‑Kummissjoni (T‑55/99, Ġabra p. II‑3207, punti 23 et 24).


61 – Sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 21 sa 24), kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti‑28 sa 30).


62 – Sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il‑Kunsill u BĊE (C‑193/01 P, Ġabra p. I‑4837).