Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka

(Kawża C-614/18)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Tokár u C. Cattabriga, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet

Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika Slovakka, peress li ċaħdet liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea u li l-applikazzjoni tagħhom għal viża ġiet miċħuda, jew il-viża tagħhom ġiet annullata jew revokata, mid-dritt li jressqu proċeduri ġudizzjarji, kif iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 32(3), l-Artikolu 34(7) u l-Artikolu 35(7) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 1 (Kodiċi dwar il-Viżi);

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjonijiet ġuridiċi inkwistjoni f’dan il-każ ġew solvuti b’mod ċar fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-403/16, El Hassani, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 2 , moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprevedu proċedura ta’ appell mid-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ viżi, li l-modalitajiet tagħha jkunu ddefiniti fl-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Din il-proċedura għandha tiggaranixxi, f’ċertu stadju tal-proċedura, rimedju ġudizzjarju.

Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Slovakka matul il-proċedura prekontenzjuża fil-każ inkwistjoni ma jistax jintlaqgħu u tikkonferma l-pożizzjoni tagħha li r-Repubblika Slovakka ma hijiex qed tissodisfa l-obbligi tagħha indikati fir-rikors promotur.

____________

1 Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1).

2 Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 182, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 225, p. 91).