Language of document : ECLI:EU:F:2013:156

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

tat-23 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑98/12

Kathleen Verstreken

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2008 — Proċedura ta’ promozzjoni 2009 — Deċiżjoni li r-rikorrenti ma tiġix promossa — Motivazzjoni — Motivazzjoni ġenerali u stereotipata”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih Kathleen Verstreken titlob l-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2011 li ma tiġix promossa fil-grad AD 12 abbażi tal-proċeduri ta’ promozzjoni 2008 u 2009, adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ Diċembru 2010, Almeida Campos et vs Il-Kunsill (F‑14/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza Almeida Campos”).

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Novembru 2011, li Kathleen Verstreken ma tiġix promossa fil-proċeduri ta’ promozzjoni 2008 u 2009 hija annullata. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn Kathleen Verstreken.

Sommarju

Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Motivazzjoni ġenerali u sterjotipata ekwivalenti għal assenza totali tal-motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25, 45 u 90(2))

Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fil-konfront ta’ kandidati li ma jkunux ingħataw promozzjoni, hija obbligata timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-ilment imressaq skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal minn kandidat li ma jkunx ingħata promozzjoni, peress li l-motivi għal din id-deċiżjoni ta’ ċaħda huma preżunti li jikkoinċidu mal-motivi tad-deċiżjoni li kontriha huwa dirett l-ilment.

Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tkun meħtieġa li timmotiva d-deċiżjoni tagħha fl-okkażjoni taċ-ċaħda tal-ilment lil hinn mill-ilmenti invokati fl-ilment imsemmi, billi tispjega b’mod partikolari għal liema raġunijiet kull wieħed mill-uffiċjali li setgħu jiġu promossi kellhom meriti superjuri għal dawk tal-awtur tal-ilment. Peress li l-promozzjonijiet isiru b’għażla, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, f’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tkun relatata mal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet legali u statutorji tal-promozzjoni li saret għas-sitwazzjoni individwali tal-uffiċjal.

Motivazzjoni ġenerali u sterjotipata tad-deċiżjoni ta’ ċħid tal-ilment li ma tinkludi fiha ebda indikazzjoni li tikkonċerna s-sitwazzjoni speċifika tal-persuna interessata u, b’mod partikolari, li b’ebda mod ma tispjega kif l-Awtorità tal-Ħatra applikat il-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal għas-sitwazzjoni individwali tagħha tekwivali, fir-realtà, għal assenza totali ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 29 sa 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T‑117/01, punti 27 u 31; 29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, punt 74

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Settembru 2011, AC vs Il-Kunsill, F‑9/10, punt 29; 10 ta’ Novembru 2011, Merhzaoui vs Il-Kunsill, F‑18/09, punti 71 u 75; 8 ta’ Frar 2012, Bouillez et vs Il-Kunsill, F‑11/11, punt 22; 14 ta’ Novembru 2012, Bouillez vs Il-Kunsill, F‑75/11, punt 26