Language of document : ECLI:EU:C:2018:564

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

12 ta’ Lulju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 7307 11 10, 7307 19 10 u 7307 19 90 – Aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali”

Fil-Kawżi magħquda C‑397/17 u C‑398/17,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Ġunju 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2017, fil-proċeduri

Profit Europe NV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Profit Europe NV, minn P. Diaz Gavier, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tariffarji 7307 11 u 7307 19 10 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Profit Europe NV u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut għal sistemi ta’ detezzjoni u ta’ tifi tan-nar.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, li ġiet imfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD) u stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-protokoll ta’ emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas‑7 ta’ April 1987 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4        In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri ta’ din is-sistema armonizzata, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li jirrappreżentaw subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

5        L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tirrigwarda r-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A, bit-titolu “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

6.      Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

6        It-Tieni Parti tan-NM hija maqsuma f’21 taqsima. It-Taqsima XV, bit-titolu “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx” tinkludi l-Kapitoli 72 sa 83 tan-NM. Il-Kapitolu 73, bit-titolu “Oġġetti ta’ ħadid jew azzar”, jirrigwarda l-intestaturi 7301 sa 7326 tan-NM.

7        L-intestatura 7307 hija strutturata kif ġej:

“7307

Tagħmir ta’ tubi u pajpijiet (per eżempju, couplings, liwjiet minkeb, sleeves), ta’ ħadid jew azzar:


– Tagħmir ta’ forma:

7307 11

– – Ta’ ħadid fondut mhux-malleabbli:

7307 11 10

– – – Ta’ tip użati f’sistemi ta’ pressjoni

7307 11 90

– – – Oħrajn

7307 19

– – Oħrajn:

7307 19 10

– – – Ta’ ħadid fondut malleabbli

7307 19 90

– – – Oħrajn


– Oħrajn, ta’ l-istainless steel:

[…]



– Oħrajn:”

8        In-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011, C 137, p. 1, iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega”), dwar is-subintestaturi 7307 11 10 u 73 07 11 90 tan-NM, jipprovdu:

“L-espressjoni ‘mhux malleabbli’ tinkludi ħadid fondut tal-grafit lamellari

Dawn is-subtitli jkopru fitjaturi tal-ħadid fondut, bħal liwjiet minkeb, liwjiet, sleeves, ties, collars u tees. Huma magħqudin ma’ tubi jew pajpijiet ta’ ħadid fondut jew azzar permezz ta’ kamin, kuntatt jew permezz ta’ mmuntar mekkaniku.”

9        Skont in-Noti ta’ Spjega relatati mas-subintestatura 7307 19 10 tan-NM:

“Ħadid fondut malleabbli huwa prodott intermedju bejn ħadid tal-grafit lamellari (ħadid griż) u azzar fondut. Dan jista’ jkun fondut faċilment u jsir iebes u malleabbli wara trattament xieraq bis-sħana. Matul it-trattament bis-sħana, il-karbonju jisparixxi parzjalment jew jibdel il-kompożizzjoni tiegħu; huwa fl-aħħar jiddepożita fil-forom ta’ noduli li ma joħolqux koeżjoni metallika sa tali punt li l-grafit jitqaxxar fil-ħadid fondut griż.

Fejn il-kontenut ta’ karbonju ikun 2 % jew inqas mill-piż, il-prodotti jitqiesu li huma ta’ azzar fondut u jaqgħu f’subtitlu 7307 19 90 (ara Nota 1 għal dan il-kapitlu).

L-espressjoni malleabbli tinkludi grafit ta’ ħadid fondut sferojdali.

Ara wkoll in-Noti ta’ Spjega għal subtitli 7307 11 10 u 7307 11 90, tieni paragrafu.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

10      Fix-xahar ta’ Marzu 2014, Profit Europe ressqet quddiem l-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u tas-Sisa (il-Belġju) (iktar’ il quddiem l-“Amministrazzjoni tad-Dwana”) diversi talbiet għal informazzjoni tariffarja vinkolanti dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ diversi aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali għal installazzjonijiet kontra n-nar.

11      Fl‑14 ta’ Marzu 2014, l-Amministrazzjoni tad-Dwana ħarġet diversa informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika dawn il-prodotti fis-subintestatura 7307 11 10 tan-NM bħala aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma magħmula mill-ħadid fondut mhux malleabbli.

12      Fix-xahar ta’ Awwissu 2014, Profit Europe ressqet quddiem l-Amministrazzjoni tad-Dwana talbiet ġodda għal informazzjoni tariffarja vinkolanti, dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ varjanti ta’ dawn il-prodotti.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2015, l-Amministrazzjoni tad-Dwana ħarġet 20 informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika dawn il-prodotti fis-subintestatura 7307 19 10 tan-NM, bħala aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma magħmula mill-ħadid fondut malleabbli.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2015, din l-amministrazzjoni rtirat l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fl‑14 ta’ Marzu 2014 u kklassifikat il-prodotti kkonċernati minn din tal-aħħar fis-subintestatura 7307 19 10 tan-NM.

15      Fis‑26 u fit‑30 ta’ Ġunju 2015 rispettivament, Profit Europe ppreżentat żewġ appelli amministrattivi mid-deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Marzu u tad‑9 ta’ April 2015. Dawn tal-aħħar ġew ikkonfermati permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Amministrazzjoni tad-Dwana tas‑27 ta’ April 2016.

16      Fl‑10 ta’ Mejju 2016, Profit Europe ppreżentat, quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), rikors kontra kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll kontra l-informazzjoni tariffarja vinkolanti kkonċernata.

17      Fil-kuntest taż-żewġ kawżi prinċipali, Profit Europe ssostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma magħmula mill-ħadid fondut mhux malleabbli u għalhekk jaqgħu taħt is-subintestatura 7307 11 10 tan-NM.

18      Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-ħadid fondut tal-grafit sferojdali ma għandux il-karatteristika oġġettiva tal-ħadid fondut malleablli, li abbażi tagħha l-malleabbiltà għandha tkun ir-riżultat ta’ trattament termiku.

19      In-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) tirrileva li n-Noti ta’ Spjega dwar l-intestatura 7307 19 10 tan-NM jindikaw b’mod ċar li l-kunċett ta’ ħadid fondut malleabbli jkopri wkoll il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali.

20      Madankollu, ir-rapporti xjentifiċi prodotti minn Profit Europe jidhru li juru li l-ħadid fondut tal-grafit sferojdali ma huwiex ħadid fondut malleabbli.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi kienet tqis li t-tilwimiet pendenti quddiemha jqajjmu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑397/17 u C‑398/17:

“1)      Is-subintestatura 7307 19 10 għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi l-aċċessorji ta’ ħadid fondut graffit sferiku li għandhom il-karatteristiċi tal-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta mill-karatteristiċi oġġettivi tagħhom jirriżulta li huma sostanzjalment differenti mill-ħadid fondut malleabbli, peress li l-malleabbiltà tal-ħadid fondut graffit sferiku ma tirriżultax minn trattament termiku adegwat u li dan il-ħadid fondut jinkludi forma oħra ta’ graffit minbarra l-ħadid fondut malleabbli, jiġifieri l-graffit sferiku minflok il-graffit nodulari?

2)      Is-subintestatura 7307 11 00 għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi aċċessorji tal-ħadid fondut graffit sferiku li għandhom il-karatteristiċi tal-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta mill-karatteristiċi oġġettivi tal-ħadid fondut graffit sferiku jirriżulta li dan essenzjalment jikkorrispondi għall-karatteristiċi oġġettivi tal-ħadid fondut mhux malleabbli?

3)      Għandhom jiġu mwarrba n-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM marbuta mas-subintestatura 7307 19 10, li jindikaw li l-ħadid fondut malleabbli jkopri il-ħadid fondut graffit sferiku sa fejn dawn jindikaw li l-ħadid fondut malleabbli jinkludi l-ħadid fondut graffit sferiku ġaladarba huwa stabbilit li l-ħadid fondut graffit sferiku ma huwiex ħadid fondut malleabbli?”

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal—20 ta’ Lulju 2017, il-Kawżi C‑397/17 u C‑398/17 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

23      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 7307 11 10, bħala aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut mhux malleabbli, jew fis-subintestatura 7307 19 10 tan-NM, bħala aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut malleabbli.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija taħt is-subintestaturi tal-istess intestatura hija legalment iddeterminata skont il-kliem ta’ dawn is-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, filwaqt li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli għandha titqies li għandha biss valur indikattiv.

26      Barra minn hekk, in-Noti ta’ Spjega mfassla mill-Kummissjoni Ewropea jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr madankollu ma huma legalment vinkolanti (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 19).

27      F’dan il-każ, l-intestatura 7307 tan-NM tirrigwarda l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet magħmula mill-ħadid fondut, mill-ħadid jew mill-azzar. Din tinkludi tliet kategoriji.

28      L-ewwel kategorija, ikkaratterizzata bl-espressjoni “[t]agħmir ta’ forma”, tinkludi, hekk kif jirriżulta minn din l-espressjoni, l-aċċessorji minn forma, magħmula mill-ħadid fondut, mill-ħadid jew mill-azzar.

29      Din tagħmel distinzjoni bejn l-aċċessorji “[t]a’ ħadid fondut mhux-malleabbli”, imsemmija fis-subintestatura 7307 11 tan-NM, u l-“[o]ħrajn”, li jaqgħu taħt is-subintestatura 7307 19 tan-NM. Peress li din hija kategorija residwa, din l-aħħar subintestatura tirrigwarda għaldaqstant l-aċċessorji minn forma, magħmula mill-ħadid jew mill-azzar, kif ukoll dawk magħmula mill-ħadid fondut għajr dak tat-tip indikat fis-subintestatura 7307 11 tan-NM.

30      Is-subintestatura 7307 19 tan-NM hija min-naħa tagħha maqsuma f’żewġ subintestaturi, jiġifieri, minn naħa, is-subintestatura 7307 19 10, bit-titolu “[t]a’ ħadid fondut malleabbli” u, min-naħa l-oħra, is-subintestatura 7307 19 90, bit-titolu “[o]ħrajn”.

31      Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit x’ikopri l-kunċett “[t]a’ ħadid fondut mhux-malleabbli”, fis-sens tas-subintestatura 7307 11 tan-NM, u x’ikopri dak “[t]a’ ħadid fondut malleabbli”, fis-sens tas-subintestatura 7307 19 10.

32      Hekk kif jirriżulta min-Noti ta’ Spjega dwar is-subintestatura 7307 19 10 tan-NM, “[ħ]adid fondut malleabbli huwa prodott intermedju bejn ħadid tal-grafit lamellari (ħadid griż) u azzar fondut[,li] jista’ jkun fondut faċilment u jsir iebes u malleabbli wara trattament xieraq bis-sħana [li matulu] il-karbonju jisparixxi parzjalment jew jibdel il-kompożizzjoni tiegħu [u] fl-aħħar jiddepożita fil-forom ta’ noduli”.

33      Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-ħadid fondut malleabbli jikkostitwixxi kategorija speċifika fid-deskrizzjoni standardizzata tal-ħadid fondut. B’mod partikolari, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardazzjoni, bħala organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 316, p. 12), adotta, fid-dokument EN 1560:2011, l-istandard Ewropew EN 1560.

34      Dan l-istandard jiddistingwi bejn sitt kategoriji kbar ta’ ħadid fondut, skont l-istruttura tal-grafit li jikkostitwixxihom, li jinkludu, b’mod partikolari, il-ħadid fondut tal-grafit nodulari, magħruf ukoll bħala “ħadid fondut malleabbli” u identifikat bil-kodiċi EN-GJM.

35      Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “ħadid fondut mhux-malleabbli”, fis-sens tas-subintestatura 7307 11 tan-NM, la huwa ddefinit fin-NM u lanqas fin-Noti ta’ Spjega. Dan lanqas ma jikkostitwixxi kategorija speċifika fid-deskrizzjoni standardizzata tal-ħadid fondut.

36      Kuntrarjament għal dak li ssostni, essenzjalment, Profit Europe, is-subintestatura 7307 11 tan-NM ma tistax madankollu tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħtha t-tipi kollha ta’ ħadid fondut li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, fis-sens tal-punt 32 ta’ din is-sentenza.

37      Fil-fatt, ir-regola ġenerali 6 għall-interpretazzjoni tan-NM tipprovdi li jistgħu jiġu mqabbla biss is-subintestaturi tal-istess livell, fatt li ma huwiex il-każ fir-rigward tas-subintestaturi 7307 11 u 7307 19 10 tan-NM.

38      Barra minn hekk, is-subintestatura 7307 19 tan-NM tinkludi, minbarra s-subintestatura 7307 19 10, is-subintestatura 7307 19 90, li, hekk kif tindika l-formulazzjoni tagħha, hija subintestatura residwa. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jinkludi taħt din l-aħħar subintestatura mhux biss l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid jew mill-azzar, iżda wkoll dawk magħmula minn tipi ta’ azzar fondut differenti minn dawk indikati fis-subintestaturi 7307 11 u 7307 19 10 tan-NM.

39      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li fl-istess ħin jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 38).

40      L-aġġettiv “malleabbli”, fit-tifsira komuni tiegħu, jikkaratterizza materjal li għandu l-proprjetà li jiċċattja u jespandi fi strixxi jew f’folji taħt il-martell jew permezz tal-azzjoni tar-romblu. Fi kliem ieħor, li jirriżulta mill-premessa 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 500/2009 tal‑11 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1212/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2009, L 151, p. 6), il-malleabbiltà tirreferi, fix-xjenza materjali, “għall-abilità tal-materjal li jibdel il-forma taħt stress kompressiv li huwa kkaratterizzat mill-abilità tal-materjal li jifforma folja rqiqa meta jkun imsammar jew imrembel”.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-subintestatura 7307 11 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħtha l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet magħmula mill-ħadid fondut li ma jistax jibdel il-forma taħt stress kompressiv.

42      Għaldaqstant, is-subintestatura 7307 19 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li din tinkludi l-aċċessorji minn forma, magħmula mill-ħadid jew mill-azzar, kif ukoll dawk magħmula mill-ħadid fondut li jista’ jibdel il-forma taħt stress kompressiv.

43      Fir-rigward tal-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 55 tar-Regolament Nru 500/2009, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali “ma jbiddilx biss il-forma taħt stress tensili, iżda wkoll taħt stress kompressiv sa ċertu punt”.

44      Għaldaqstant, bħala tali, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali ma jistax jitqies bħala li jaqa’ taħt is-subintestatura 7307 11 tan-NM.

45      Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali u l-ħadid fondut malleabbli huma differenti minħabba l-kompożizzjoni u l-metodu ta’ produzzjoni tagħhom.

46      Għalhekk, peress li dan lanqas ma jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, kif iddefinit fin-Noti ta’ Spjega dwar is-subintestatura 7307 19 10 tan-NM u peress li dan jikkostitwixxi, fid-deskrizzjoni standardizzata tal-ħadid fondut, kategorija distinta mill-ħadid fondut malleabbli, identifikata mill-kodiċi EN-GJS, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali lanqas ma jista’ jaqa’ taħt is-subintestatura 7307 19 10 tan-NM.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-imsemmija noti ta’ spjega, inkwantu jindikaw li “[l]-espressjoni malleabbli tinkludi grafit ta’ ħadid fondut sferojdali”, għandhom l-effett li jestendu l-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli” għal kategorija oħra ta’ ħadid fondut li, anki jekk ikollu karatteristiċi simili għal dawk tal-ħadid fondut malleabbli, xorta waħda jikkostitwixxi kategorija separata fil-klassifikazzjoni tal-ħadid fondut.

48      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kontenut tan-Noti ta’ Spjega għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax ibiddel il-portata tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għaldaqstant, in-Noti ta’ Spjega dwar is-subintestatura 7307 19 10 tan-NM għandhom jitwarrbu, peress li dawn għandhom l-effett li jbiddlu l-portata ta’ din is-subintestatura billi jestenduha għall-aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali.

50      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, għalkemm jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dan il-kodiċi mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jitqiesu bħala mezzi siewja għall-interpretazzjoni tiegħu, ma humiex legalment vinkolanti u ma jistgħux, għaldaqstant, ibiddlu l-portata tad-dispożizzjonijiet tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 1977, Dittmeyer, 69/76 u 70/76, EU:C:1977:25, punt 4, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Unomedical, C‑152/10, EU:C:2011:402, punt 41).

51      Minn dan isegwi li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, espressa fil-minuti tal-140 laqgħa tat-taqsima “Nomenklatura Tariffarja” ta’ dan il-Kumitat, li nżammet fi Brussell mit-30 ta’ Settembru sat‑3 ta’ Ottubru 2014, u li tipprovdi li s-subintestatura 7307 19 10 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kelma “malleabbli” għandha tinftiehem f’sens wiesa’, jiġifieri bħala intiża li tiddistingwi l-ħadid fondut li jista’ jibdel il-forma taħt stress kompressiv minn dak li jitfarrak taħt tali stress, għandha wkoll tiġi miċħuda sa fejn din għandha l-effett li testendi l-portata tas-subintestatura 7307 19 10 tan-NM.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 7307 19 90 tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal4 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 7307 19 90 tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.