Language of document : ECLI:EU:C:2019:209

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/24/UE – Assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru tal-krediti relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra – Artikolu 13(1) – Artikolu 14(2) – Rkupru forzat, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest, ta’ krediti tal-Istat Membru applikant – Proċedura dwar talba intiża għar-reintegrazzjoni, fl-assi tal-falliment ta’ kumpannija stabbilita fl-Istat Membru rikjest, ta’ dawn il-krediti – Konvenut għal din il-proċedura – Determinazzjoni”

Fil-Kawża C‑695/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Metirato Oy, fi stralċ,

vs

Suomen valtio/Verohallinto,

Eesti Vabariik/Maksu- ja Tolliamet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, A. Rosas u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas‑16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU 2010, L 84, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Metirato Oy u s-Suomen valtio/Verohallinto (l-Istat Finlandiż – l-Awtorità tat-Taxxa) u l-Eesti Vabariik/Maksu- ja Tolliamet (l-Istat Estonjan – l-Awtorità tat-Taxxa) dwar talba tal-istralċjarju ta’ din il-kumpannija intiża għar-reintegrazzjoni, f’dawn l-assi, ta’ krediti rkuprati mill-awtoritajiet Finlandiżi, fuq talba tal-awtoritajiet Estonjani.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 1 sa 4 tad-Direttiva 2010/24:

“(1)      L-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri għall-irkupru tat-talbiet ta’ xulxin u dawk tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti taxxi u miżuri oħrajn tikkontribwixxi għat-tħaddim xieraq tas-suq intern. Hija tiżgura n-newtralità fiskali u ppermettiet lill-Istati Membri biex ineħħu l-miżuri protettivi diskriminatorji fi transazzjonijiet transkonfini maħsuba biex jipprevjenu l-frodi u t-telf baġitarju.

(2)      L-arranġamenti għall-assistenza reċiproka għall-irkupru ġew stabbiliti għall-ewwel darba fid-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal‑15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 44)]. Dik id-Direttiva u l-atti li jemendawha ġew ikkodifikati mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas‑26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra [(ĠU 2008, L 150, p. 28)].

(3)      Dawn l-arranġamenti, madankollu, filwaqt li jipprovdu l-ewwel pass lejn proċeduri ta’ rkupru mtejba fi ħdan l-Unjoni billi japprossimaw ir-regoli nazzjonali applikabbli, urew li mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-suq intern kif evolva tul dawn l-aħħar 30 sena.

(4)      Bil-għan li jiġu ssalvagwardjati aħjar l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri u n-newtralità tas-suq intern, hu meħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza reċiproka għall-irkupru jiġi estiż għal talbiet relatati ma’ taxxi u dazji li għadhom mhumiex koperti mill-assistenza reċiproka għall-irkupru, filwaqt li sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu maż-żieda fit-talbiet għall-assistenza u biex iwasslu riżultati aħjar, jeħtieġ li l-assistenza ssir aktar effiċjenti u effikaċi u li tiġi ffaċilitata fil-prattika. Sabiex jiġu sodisfatti dawn l-għanijiet, huma meħtieġa adattamenti importanti, fejn is-sempliċi modifika tad-Direttiva 2008/55/KE eżistenti ma tkunx biżżejjed. Għalhekk din tal-aħħar trid titħassar u tiġi sostitwita bi strument ġuridiku ġdid li jibni fuq il-kisbiet tad-Direttiva 2008/55/KE iżda jipprevedi regoli aktar ċari u preċiżi fejn meħtieġ.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skonthom l-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza għall-irkupru f’kull Stat Membru ta’ kwalunkwe talba msemmija fl-Artikolu 2 li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor.”

5        L-Artikolu 10 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta’ strument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti.

2.      Hekk kif l-awtorità applikanti ssir taf b’xi informazzjoni rilevanti relatata mas-suġġett li ta lok għat-talba għall-irkupru, hija għandha tgħaddiha lill-awtorità rikjesta.”

6        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/24 jipprovdi:

“1.      Għall-fini tal-irkupru fl-Istat Membru rikjest, kwalunkwe talba li għaliha tkun saret rikjesta għall-irkupru għandha tiġi ttrattata daqslikieku kienet talba tal-Istat Membru rikjest, għajr fejn huwa pprovdut mod ieħor f’din id-Direttiva. L-awtorità rikjesta għandha tagħmel użu mis-setgħat u l-proċeduri pprovduti taħt il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest li japplikaw għal talbiet li jikkonċernaw l-istess taxxa jew dazju, jew fin-nuqqas ta’ dawn, taxxi jew dazji simili, għajr fejn huwa pprovdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

[…]

L-Istat Membru rikjest m’għandux ikun obbligat li jagħti lit-talbiet ta’ Stati Membri oħrajn il-preferenzi li jagħti lil talbiet simili li jirriżultaw f’dak l-Istat Membru, għajr fejn huwa maqbul mod ieħor bejn l-Istati Membri kkonċernati jew previst fil-liġi tal-Istat Membru rikjest. Stat Membru li jagħti l-preferenzi lit-talbiet ta’ Stat Membru ieħor ma jistax jirrifjuta li jagħti l-istess preferenzi lill-istess talbiet jew lil dawk simili ta’ Stati Membri oħrajn bl-istess kondizzjonijiet.

[…]

5.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(1), l-awtorità rikjesta għandha tibgħat lill-awtorità applikanti l-ammonti rkuprati fir-rigward tat-talba u l-imgħax imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.”

7        Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva:

“1.      Tilwim dwar it-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest u tilwim dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru applikanti għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-korpi kompetenti tal-Istat Membru applikanti. Jekk, waqt il-proċess tal-proċedura tal-irkupru, it-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest jiġi kkonstestat minn parti interessata, l-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lil dik il-parti li din tal-aħħar għandha tressaq it-tali azzjoni quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti f’konformità mal-liġijiet fis-seħħ hemmhekk.

2.      Tilwim dwar il-miżuri ta’ infurzar li jittieħdu fl-Istat Membru rikjest jew dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandhom jitressqu quddiem il-korp kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

3.      Meta azzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 tkun tressqet quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti, l-awtorità applikanti għandha tgħarraf lill-awtorità rikjesta dwar dan u għandha tindika safejn it-talba mhix ikkontestata.

4.      Hekk kif l-awtorità rikjesta tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jew mill-awtorità applikanti jew mill-parti interessata, hija għandha tissospendi l-proċedura ta’ infurzar, safejn tikkonċerna parti kkontestata tat-talba, sakemm tinqata’ d-deċiżjoni tal-korp kompetenti fil-kwistjoni, għajr meta l-awtorità applikanti titlob mod ieħor f’konformità mat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, jew fejn jitqies meħtieġ mod ieħor mill-awtorità rikjesta, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, l-awtorità rikjesta tista’ tieħu miżuri ta’ prekawzjoni biex tiggarantixxi l-irkupru safejn il-liġijiet jew ir-regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest jippermettu azzjoni bħal din.

L-awtorità applikanti tista’, f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru applikanti, titlob lill-awtorità rikjesta biex tirkupra talba kkontestata jew il-parti kkontestata ta’ talba, safejn azzjoni bħal din hija permessa mil-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi rilevanti fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest […]

[…]”

8        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tieħu miżuri ta’ prekawzjoni, jekk permessa bil-liġi nazzjonali tagħha u f’konformità mal-prassi amministrattivi tagħha, biex tiżgura l-irkupru meta talba jew l-istrument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti huwa kkontestat fiż-żmien meta ssir it-talba, jew meta t-talba li għadha mhix is-suġġett ta’ strument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti, safejn miżuri ta’ prekawzjoni huma wkoll possibbli, f’sitwazzjoni simili, skont il-liġi nazzjonali u l-prattiki amministrattivi tal-Istat Membru applikanti.”

 Id-dritt Finland

9        Skont l-Artikolu 5(1) tal-laki takaisinsaannista konkurssipesään (il-Liġi dwar ir-Reintegrazzjoni ta’ Beni fl-Assi tal-Falliment), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, att ġuridiku għandu jiġi annullat, inter alia, jekk waħdu jew flimkien ma’ miżuri oħra, jiffavorixxi b’mod indebitu kreditur wieħed bi ħsara għall-kredituri l-oħra. Ir-rekwiżiti għal tali annullament huma li d-debitur kien insolventi fil-mument li fih sar l-att ġuridiku jew li l-att ġuridiku jkun, parzjalment, ikkawża l-insolvenza tad-debitur.

10      L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jipprevedi, inter alia, li l-ħlas ta’ kreditu li jsir wara iktar minn tliet xhur qabel id-data ta’ referenza għandu jiġi annullat jekk l-ammont tal-kreditu mħallas, meta mqabbel mal-assi tal-falliment, ikun jidher li huwa sostanzjali. Madankollu tali ħlas għandu jiġi annullat biss jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, dan jista’ jitqies li huwa ta’ użu.

11      Skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija liġi, l-istralċjarju jew kreditur li jkun iddikjara l-kreditu tiegħu jew li l-kreditu tiegħu jkun meħud inkunsiderazzjoni b’xi mod ieħor fil-lista      tal-krediti jistgħu jagħmlu talba għar-reintegrazzjoni billi jinbdew proċeduri legali jew billi tiġi kkontestata d-dikjarazzjoni ta’ kreditu. Din l-azzjoni tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza li tkun fetħet il-proċedura ta’ insolvenza.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fit‑18 ta’ April 2012, l-Awtorità tat-Taxxa u tad-Dwana tar-Repubblika tal-Estonja, abbażi tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/24, issottomettiet talba għall-irkupru lill-Awtorità tat-Taxxa Finlandiża, dwar taxxa kif ukoll interessi dovuti fuq din it-taxxa, jiġifieri somma totali ta’ EUR 28 754,50, li kellhom jiġu rkuprati minn Metirato.

13      Skont din it-talba, l-Awtorità tat-Taxxa Finlandiża kkomunikat, għall-finijiet tal-irkupru tagħhom, il-krediti tagħha stess u kif ukoll dawk tal-Istat Estonjan lill-awtoritajiet Finlandiżi responsabbli għall-irkupru forzat tal-krediti.

14      Fit‑12 ta’ Frar 2013, Metirato ħallset volontarjament EUR 17 500 lil din l-awtorità, li minnhom EUR 15 837,67 ġew ittrasferiti lill-Awtorità tat-Taxxa Finlandiża, li ħallset EUR 15 541,67 minnhom lill-Istat Estonjan, skont l-imsemmija talba għal irkupru.

15      Fit‑23 ta’ April 2013, Metirato volontarjament ħallset EUR 17 803 addizzjonali lill-Awtorità tat-Taxxa Finlandiża.

16      Fit‑8 ta’ Mejju 2013, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), fuq talba ta’ Metirato, fetħet il-proċeduri għall-istralċ ta’ din il-kumpannija.

17      Fl‑10 ta’ Settembru 2013, l-Awtorità tat-Taxxa Estonjana indirizzat it-tieni talba għal irkupru lill-Awtorità tat-Taxxa Finlandiża, li tinkludi, b’mod partikolari, il-bilanċ li kien għadu dovut tal-kreditu msemmi fl-ewwel talba għal irkupru, jiġifieri ammont ta’ EUR 8 840,17. L-Awtorità tat-Taxxa Finlandiża bbażat ruħha fuq din it-tieni talba sabiex tiddikjara, fis‑17 ta’ Settembru 2013, minbarra l-krediti tagħha stess, dawk tal-Istat Estonjan fil-konfront ta’ Metirato.

18      Fit‑8 ta’ Mejju 2014, l-istralċjarju ta’ Metirato ppreżenta azzjoni kontra l-Istat Finlandiż u l-amministrazzjoni tat-taxxa tiegħu quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki), u talab, konformement mal-Artikoli 5 u 10 tal-Liġi dwar ir-Reintegrazzjoni ta’ Beni fl-Assi tal-Falliment, ir-reintegrazzjoni tal-ammonti kollha mħallsa fl-assi tal-falliment ta’ Metirato.

19      Din l-azzjoni hija bbażata fuq l-argumenti li jipprovdu li, minn naħa, l-Awtorità tat-Taxxa Finlandiża ingħatat prijorità b’mod indebitu b’detriment tal-kredituri l-oħrajn bil-ħlas ta’ taxxi li kienu ilhom dovuti, fi żmien meta Metirato kienet diġà insolventi u li din l-awtorità kien imissha taf b’din l-insolvenza u, min-naħa l-oħra, Metirato kienet, matul il-perjodu kritiku, jiġifieri bejn l‑25 ta’ Jannar u t‑8 ta’ Mejju 2013, ħallset ammont fir-rigward ta’ krediti ta’ taxxa li kien sostanzjali meta mqabbel mal-beni tal-assi.

20      L-imsemmija azzjoni hija indirizzata lejn l-Istat Finlandiż u l-amministrazzjoni tat-taxxa tiegħu u, fil-każ li dawn ma jitqisux bħala l-konvenuti tajba għall-ammont ta’ EUR 15 541,67, l-Istat Estonjan.

21      L-Istat Finlandiż ikkontesta l-proċeduri mressqa mill-istralċjarju ta’ Metirato, billi argumenta b’mod partikolari li, sa fejn inkwistjoni kien hemm ammont rċevut mill-Istat Estonjan, din l-azzjoni kellha titressaq kontra dan tal-aħħar. L-Istat Finlandiż iqis li, meta pprovda, konformement mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/24, assistenza amministrattiva lill-awtoritajiet Estonjani, huwa aġixxa biss bħala aġent tal-awtoritajiet tat-taxxa Estonjani, li huwa qatt ma kien fil-pussess ta’ dan l-ammont u li l-kompitu tiegħu ntemm malli sar l-irkupru, b’mod illi t-talba tal-istralċjarju ta’ Metirato dwar l-imsemmi ammont għandha tiġi indirizzata kontra l-Awtorità tat-Taxxa Estonjana.

22      Min-naħa tiegħu, l-Istat Estonjan ikkontesta wkoll l-imsemmija proċeduri għar-raġuni li, skont hu, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) u mill-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2010/24 jirriżulta li, sa fejn it-talba tal-istralċjarju ta’ Metirato tirrigwarda ammont rkuprat mill-amministrazzjoni Finlandiża, hija biss din tal-aħħar li tista’ titqies bħala l-konvenuta fil-kuntest tal-proċedura ta’ reintegrazzjoni inkwistjoni.

23      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-djun li għandhom jiġi rkuprati skont talba għall-irkupru għandhom jiġu ttrattati mill-Istat Membru rikjest daqslikieku dawn kienu djun ta’ dan l-Istat, fis-sens li:

a)      l-Istat Membru rikjest huwa wkoll parti fil-proċedura li tirrigwarda r-reintegrazzjoni, fl-assi tal-falliment, ta’ ammonti mħallsa wara rkupru, jew li

b)      l-intervent tal-Istat Membru rikjest huwa limitat għat-twettiq tal-irkupru infurzat tad-dejn u għad-dikjarazzjoni tad-dejn fil-kuntest tal-proċedura ta’ likwidazzjoni, u huwa l-Istat Membru applikant li huwa l-konvenut fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reintegrazzjoni ta’ beni fl-assi tal-falliment li tirrigwarda l-estent tal-beni koperti mil-likwidazzjoni?

2)      Id-Direttiva [2010/24] għandha tiġi interpretata fis-sens li d-djun ta’ Stat Membru ieħor għandhom, skont talba għall-irkupru, jiġu rkuprati permezz tal-użu tal-istess mezzi, iżda b’mod li l-ammonti hekk irkuprati jibqgħu sseparati u distinti mill-beni tal-Istat Membru rikjest, jew għandha tiġi interpretata fis-sens li dawn l-ammonti għandhom jiġu rkuprati b’mod parallel mad-djun tal-Istat Membru rikjest, b’mod li dawn jitħalltu mal-beni tal-Istat Membru rikjest? Fi kliem ieħor: id-Direttiva [2010/24] hija intiża biss sabiex tipprojbixxi t-trattament inqas favorevoli ta’ djun ta’ Stat Membru ieħor?

3)      Huwa possibbli li tilwima dwar ir-reintegrazzjoni ta’ beni fl-assi tal-falliment titqies li hija tilwima dwar il-miżuri ta’ infurzar fis-sens tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva [2010/24], u jista’ wieħed jiddeduċi minn dan li, skont [din] id-Direttiva, l-Istat Membru rikjest huwa wkoll konvenut f’tali tilwima?”

 Fuq id-domandi preliminari

24      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2010/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, dawn japplikaw għal proċedura intiża għar-reintegrazzjoni, fl-assi tal-falliment ta’ kumpannija stabbilita fl-Istat Membru rikjest, ta’ krediti li kienu s-suġġett ta’ rkupru fuq it-talba tal-Istat Membru applikant, meta din il-proċedura hija bbażata fuq il-kontestazzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 14(2), u li, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru rikjest, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitqies bħala l-konvenut għall-imsemmija proċedura u jekk iċ-ċirkustanza li l-ammont ta’ dawn il-krediti jkunu sseparati mill-beni ta’ dan l-Istat Membru jew ikunu flimkien magħhom għandhomx effett f’dan ir-rigward.

25      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, permezz tal-azzjoni tiegħu, l-istralċjarju ta’ Metirato jikkontesta l-validità, fid-dawl tad-dritt Finlandiż, tal-irkupru ta’ krediti mwettaq mill-awtoritajiet Finlandiżi responsabbli għall-irkupru tal-krediti tal-Istat għall-finijiet tal-irkupru ta’ krediti dovuti minn din il-kumpannija lill-Istat Finlandiż u lill-Istat Estonjan.

26      Sa fejn din il-proċedura ta’ rkupru forzat ġiet mibdija għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ talba għal irkupru indirizzata, skont id-Direttiva 2010/24, lill-awtoritajiet Finlandiżi mill-awtoritajiet Estonjani, din tikkostitwixxi miżura ta’ infurzar meħuda fl-Istat Membru rikjest, fis-sens tal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva.

27      Konsegwentement, skont din id-dispożizzjoni, tilwima intiża li tikkontesta l-proċess u l-eżitu ta’ din il-proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi tilwima dwar miżura ta’ infurzar meħuda fl-Istat Membru rikjest u għandha għaldaqstant tinġieb quddiem l-istanza kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Finlandja, konformement mal-liġijiet u mar-regolamenti li huma applikabbli.

28      Madankollu, peress li l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tippreċiżax min, mill-Istat Membru applikant jew l-Istat Membru rikjest, huwa l-konvenut għal tali tilwima, hemm lok jiġi eżaminat jekk dan jistax jiġi ddeterminat fid-dawl tal-istruttura u tal-għan tad-Direttiva 2010/24.

29      Bħalma jirriżulta mill-premessi (1) sa (4) ta’ din id-direttiva, din hija intiża li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 76/308, ikkodifikata bid-Direttiva 2008/55, għal krediti li ma kinux jaqgħu taħtha sabiex l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri u n-newtralità tas-suq intern jiġu protetti aħjar, kif ukoll sabiex tingħata l-assistenza reċiproka fil-qasam ta’ rkupru iktar effikaċi u sabiex tiġi ffaċilitata fil-prattika sabiex ikun jista’ jintlaqa’ numru dejjem jikber ta’ talbiet għal assistenza.

30      Konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/24, din tistabbilixxi r-regoli li l-Istati Membri għandhom josservaw f’dak li jirrigwarda l-għoti, fi Stat Membru, ta’ assistenza għall-irkupru ta’ krediti li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor.

31      Fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru rikjest għall-finijiet tal-irkupru, f’dan l-Istat Membru, ta’ kreditu li huwa s-suġġett ta’ talba għal irkupru, l-awtorità rikjesta għandha, konformement mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/24, tagħmel użu mis-setgħat u mill-proċeduri ddefiniti mil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-imsemmi Stat Membru, sa fejn kwalunkwe kreditu li huwa s-suġġett ta’ tali talba huwa ttrattat, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja prevista minn din id-direttiva, bħala kreditu tal-Istat Membru rikjest.

32      Bl-istess mod, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(4) kif ukoll l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2010/24 jipprevedu l-possibbiltà, għall-awtorità rikjesta, li tadotta, fuq it-talba tal-awtorità applikanti, miżuri kawtelatorji sabiex tiggarantixxi l-irkupru ta’ kreditu li huwa s-suġġett ta’ kontestazzjoni, bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru rikjest tippermetti dan.

33      Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24 jipprevedi tqassim ta’ setgħat bejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru applikant u dawk tal-Istat Membru rikjest sabiex jinstema’ tilwim dwar, minn naħa, il-kreditu, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikant jew il-validità ta’ notifika magħmula minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru applikant, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-infurzar magħmul mill-Istat Membru rikjest jew il-validità ta’ notifika magħmula minn awtorità kompetenti ta’ dan tal-aħħar.

34      Dan it-tqassim ta’ kompetenzi jirriżulta mill-fatt li l-kreditu u t-titoli eżekuttivi huma stabbiliti abbażi tal-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru applikant, filwaqt li l-infurzar isir mill-Istat Membru rikjest, konformement mad-dispożizzjonijiet li d-dritt nazzjonali tiegħu jipprevedi (ara, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 76/308, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 40).

35      B’dan il-mod, skont Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/24, kull kontestazzjoni tal-kreditu, tal-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikant, tal-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest, jew ta’ notifika magħmula minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru applikant għandha tinġieb quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru u mhux quddiem dawk tal-Istat Membru rikjest, li s-setgħa ta’ stħarriġ tagħhom hija, f’dan l-Artikolu 14(2), limitata espressament għall-atti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar (sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punti 43 u 44).

36      Min-naħa l-oħra, it-tilwim dwar il-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda fl-Istat Membru rikjest jew il-validità ta’ notifika magħmula mill-awtorità rikjesta, għandu jitressaq quddiem l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, konformement mal-liġijiet u mar-regolamenti ta’ dan tal-aħħar, peress li din l-awtorità hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha u sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-legalità ta’ att skont dan id-dritt (ara, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 76/308, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punti 39, 40 u 49).

37      Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/24 jirriżulta li, minn naħa, l-infurzar magħmul mill-Istat Membru rikjest huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan l-Istat Membru, u, min-naħa l-oħra, it-tilwim dwar dawn il-miżuri għandu jitressaq quddiem l-awtorità kompetenti tal-imsemmi Stat Membru rikjest, li għandu jeżaminah fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu.

38      Iċ-ċirkustanza li tali tilwima tidħol fil-kuntest ta’ proċedura intiża għar-reintegrazzjoni ta’ beni fl-assi tal-falliment ta’ kumpannija stabbilita fl-Istat Membru rikjest ma tistax timmina r-regoli dwar ir-riżoluzzjoni ta’ dan it-tilwim previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li dan tal-aħħar ma wettaqx, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, distinzjoni skont in-natura tal-proċedura li l-imsemmija tilwima tidħol fiha.

39      Konsegwentement, bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-istruttura u mill-għan tad-Direttiva 2010/24 jirriżulta li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża li tikkontesta, quddiem l-istanza kompetenti tal-Istat Membru rikjest, il-validità, fid-dawl tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, ta’ proċedura ta’ rkupru forzat mibdija, konformement ma’ dan id-dritt, mill-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru, għall-finijiet tal-irkupru, taħt din id-direttiva, ta’ krediti tal-Istat Membru applikant, għandha tiġi indirizzata kontra l-Istat Membru rikjest, anki jekk tali kontestazzjoni taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura intiża għar-reintegrazzjoni ta’ beni fl-assi tal-falliment ta’ kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru.

40      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ determinazzjoni, mid-Direttiva 2010/24, tal-modi sabiex jinżammu l-ammonti rkuprati mill-Istat Membru rikjest qabel it-trasferiment tagħhom lill-Istat Membru applikant, din taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membru, sakemm l-obbligu ta’ trasferiment tal-ammonti rċevuti u l-interessi applikabbli jkun osservat.

41      B’dan il-mod, iċ-ċirkustanza li l-ammont tal-krediti rkuprati mill-Istat Membru rikjest, abbażi ta’ talba għall-irkupru skont din id-direttiva, ikun isseparat mill-beni ta’ dan l-Istat Membru jew ikun flimkien magħhom ma għandhiex effett fuq l-interpretazzjoni stipulata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

42      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2010/24 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 41).

43      Konsegwentement, bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-kontestazzjoni ta’ miżura ta’ infurzar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meħuda fl-Istat Membru rikjest għall-finijiet tal-irkupru ta’ kreditu tal-Istat Membru applikant, tirnexxi quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest, hija r-responsabbiltà, bħala prinċipju, tal-Istat Membru applikant li jirrimborsa l-ammonti kollha rkuprati, taħt din il-miżura, li ġiet ittrasferita lilu mill-Istat Membru rikjest.

44      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2010/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, dawn japplikaw għal proċedura intiża għar-reintegrazzjoni, fl-assi tal-falliment ta’ kumpannija stabbilita fl-Istat Membru rikjest, ta’ krediti li kienu s-suġġett ta’ rkupru fuq it-talba tal-Istat Membru applikant, meta din il-proċedura hija bbażata fuq il-kontestazzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 14(2), u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru rikjest, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitqies bħala l-konvenut għall-imsemmija proċedura, u ċ-ċirkustanza li l-ammont ta’ dawn il-krediti jkun isseparat mill-beni ta’ dan l-Istat Membru jew ikun flimkien magħhom ma għandhiex effett f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, dawn japplikaw għal proċedura intiża għar-reintegrazzjoni, fl-assi tal-falliment ta’ kumpannija stabbilita fl-Istat Membru rikjest, ta’ krediti li kienu s-suġġett ta’ rkupru fuq it-talba tal-Istat Membru applikant, meta din il-proċedura hija bbażata fuq il-kontestazzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 14(2), u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru rikjest, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitqies bħala l-konvenut għall-imsemmija proċedura, u ċ-ċirkustanza li l-ammont ta’ dawn il-krediti jkun isseparat mill-beni ta’ dan l-Istat Membru jew ikun flimkien magħhom ma għandhiex effett f’dan ir-rigward.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.