Language of document : ECLI:EU:C:2020:565

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(a) – Kunċett ta’ ‘persuna li tagħmel parti mill-persunal sewwieq ta’ impriża’ – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 13(1)(b) – Kunċett ta’ ‘persuna li timpjega’ – Xufiera ta’ trakkijiet li normalment jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata f’żewġ jew f’iktar Stati Membri jew Stati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) – Xufiera ta’ trakkijiet li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol ma’ impriża iżda li huma taħt l-awtorità effettiva ta’ impriża oħra stabbilita fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn ix-xufiera – Determinazzjoni tal-impriża li għandha l-kwalità ta’ ‘persuna li timpjega’”

Fil-Kawża C‑610/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura

AFMB Ltd et

vs

Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan (Relatur), P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, T. von Danwitz, C. Toader, C. Lycourgos u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AFMB Ltd et, minn M. van Dam, advocaat,

–        għar-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank, minn H. van der Most u M. Wickenhagen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, P. Huurnink u J. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères, A. Daly u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn N. Ioannou u D. Kalli, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, M. Tátrai u V. Kiss, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistita minn K. Apps, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Volum 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 10) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-Artikolu 12 u tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”)

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, AFMB Ltd, kumpannija stabbilita f’Ċipru, u diversi xufiera internazzjonali ta’ trakkijiet u, min-naħa l-oħra, ir-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Fond tas-Sigurtà Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Svb”), dwar deċiżjonijiet li permezz tagħhom is-Svb iddikjara l-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli għal dawn ix-xufiera ta’ trakkijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1408/71

3        It-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, jinkludi l-Artikoli 13 sa 17 tiegħu.

4        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.      Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

(a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

5        L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“[Ir-regola stabbilita f]l-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1.      (a)      Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li magħha normalment ikollu x’jaqsam li tkun ippostjata minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat ieħor biex twettaq xogħol hemm minn dik l-impriża tkompli tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, basta li t-tul antiċipat ta’ dak ix-xogħol ma jkunx jaqbeż tnax-il xahar u li ma tkunx intbagħtet hemm biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet iż-żmien tal-postazzjoni tagħha.

[…]

2.      Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

(a)      Persuna li tifforma parti minn ‘personnel’ vjaġġanti jew tat-titjir ta’ impriża li, b’kera jew b’għoti jew inkella minn jedda, topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew għall-merċa bit-tren, fuq it-triq, bl-ajru jew fuq il-kanali u li għandha l-uffiċċju tagħha reġistrat jew post tan-negozju fit-territorju ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-aħħar, bir-restrizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(ii)      fejn persuna hija impjegata prinċipalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tabita, hija tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat, anke jekk l-impriża li timpjegah m’għandha ebda uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju jew fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti fit-territorju.

[…]”

6        Skont l-Artikolu 84a tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-regolament għandhom obbligu reċiproku ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-imsemmi regolament.

 Ir-Regolament (KEE) Nru 574/72

7        L-Artikolu 12a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal‑21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), jipprevedi, b’mod partikolari, regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71.

 Ir-Regolament Nru 883/2004

8        Il-premessi 1, 4, 18a u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 huma fformulati kif ġej:

“(1)      Ir-regoli għall-kordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jaqgħu taħt il-qafas tal-moviment liberu ta’ persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-livell ta’ għajxien tagħhom u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg.

[…]

(4)      Huwa neċessarju li l-karatteristiċi speċjali ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali jkunu rispettati u li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni.

[…]

(18a)      Il-prinċipju ta’ leġiżlazzjoni unika applikabbli huwa ta’ importanza kbira u għandu jissaħħaħ. […]

[…]

(45)      Minħabba li l-objettiv ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-miżuri ta’ kordinazzjoni sabiex jiggarantixxu li d-dritt ta’ moviment liberu ta’ persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv, ma jistax jintlaħaq kif suppost mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-livell u l-effetti ta’ dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. […]”

9        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Persuni koperti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

10      It-Titolu II tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”, jinkludi l-Artikoli 11 sa 16 tiegħu.

11      L-Artikolu 11 tal-istess regolament, bit-titolu “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

“1.      Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)      persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[…]”

12      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004, bit-titolu “Regoli speċjali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem min iħaddem, li normalment twettaq l-attivitajiet tagħha hemmhekk, u li tintbagħat minn dak li jħaddem fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem minn iħaddem, għandha tibqa’ soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, sakemm ix-xogħol mhux maħsub li jdum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna stazzjonata oħra.

2.      Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru u li tmur biex twettaq attività simili fi Stat Membru ieħor għandha tibqa’ suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru sakemm l-attività mhix maħsuba li ddum aktar minn 24 xahar.”

13      Skont l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament:

“Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun soġġetta:

(a)      għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza jekk hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha f’dak l-Istat Membru, jew

(b)      jekk ma twettaqx parti sostanzjali tal-attività tagħha fl-Istat Membru tar-residenza:

(i)      għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriża jew ta’ min iħaddem jekk hija impjegata minn impriża jew persuna li tħaddem waħda, jew

[…]”

14      It-Titolu V tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Disposizzjonijiet mixxellanji”, jipprevedi, fl-Artikolu 76 tiegħu, bit-titolu “Koperazzjoni”, b’mod partikolari, diversi possibbiltajiet u obbligi reċiproċi ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni għall-istituzzjonijiet u għall-persuni koperti mill-imsemmi regolament.

15      It-Titolu VI tal-istess regolament, dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali, jinkludi l-Artikoli 87 sa 91 tiegħu.

16      L-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 883/2004, bit-titolu “Revoka”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ir-Regolament [Nru 1408/71] għandu jkun revokat mill-jum ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Madanakollu, ir-Regolament [Nru 1408/71] għandu jibqa’ jgħodd u għandu jibqa’ jkollu effett legali għall-għanijiet:

[…]

(ċ)      tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)] u tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa waħda, u l-Konfiderazzjoni ta’ l-Isvizzera, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu ta’ persuni[, iffirmat fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1999, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika tal‑4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni ta’ seba’ ftehimiet mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 38),] u ftehim oħra li fihom referenza għar-Regolament [Nru 1408/71], sakemm dawn il-ftehim ma kienux modifikati fid-dawl ta’ dan ir-Regolament”

 Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009

17      L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), jipprevedi, hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      AFMB, kumpannija kkostitwita fl‑10 ta’ Mejju 2011 f’Ċipru, ikkonkludiet ma’ impriżi ta’ trasport stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi ftehimiet ta’ amministrazzjoni tal-flotta li bis-saħħa tagħhom hija impenjat ruħha, kontra l-ħlas ta’ kummissjoni, tamministra t-trakkijiet operati minn dawn l-impriżi fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, għan-nom u għar-riskju tal-imsemmija impriżi. AFMB ikkonkludiet ukoll, għal perijodi differenti, inklużi bejn l‑1 ta’ Ottubru 2011 u s‑26 ta’ Mejju 2015, kuntratti ta’ xogħol ma’ xufiera internazzjonali ta’ trakkijiet residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont dawn il-kuntratti, AFMB kienet indikata bħala l-persuna li timpjega lil dawn il-ħaddiema u d-dritt tax-xogħol Ċiprijott kien iddikjarat applikabbli.

19      Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, qabel il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti ta’ xogħol, ix-xufiera internazzjonali ta’ trakkijiet ikkonċernati qatt ma kienu għexu u lanqas ħadmu f’Ċipru. Matul l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti, huma komplew jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi u eżerċitaw, għan-nom tal-imsemmija impriżi ta’ trasport, l-attività tagħhom f’żewġ jew f’iktar Stati Membri, jew, għal uħud minn dawn ix-xufiera ta’ trakkijiet, ukoll fi Stat jew f’diversi Stati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, matul dan il-perijodu, dawn ix-xufiera ta’ trakkijiet ma kinux jeżerċitaw parti sostanzjali mill-attivitajiet tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, uħud minnhom kienu preċedentement impjegati ta’ dawn l-istess impriżi.

20      AFMB, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 987/2009, talbet lis-Svb jikkonferma li, fir-rigward ta’ dan l-istess perijodu, ix-xufiera internazzjonali ta’ trakkijiet li magħhom hija kienet ikkonkludiet l-imsemmija kuntratti ta’ xogħol ma kinux jaqgħu, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004, taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali. F’dan ir-rigward hija indikat, b’mod partikolari, li l-istituzzjoni Ċiprijotta kompetenti ma setgħetx toħroġ ċertifikati A 1 għal dawn ix-xufiera ta’ trakkijiet sakemm is-Svb ma kienx ikkonferma li l-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali ma kinitx applikabbli għalihom.

21      Permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda matul ix-xahar ta’ Ottubru 2013, is-Svb iddikjara l-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli għax-xufiera ta’ trakkijiet u ħareġ ċertifikati A 1 f’dan is-sens.

22      Dawn id-deċiżjonijiet ġew ikkonfermati, wara lment imressaq minn AFMB, permezz ta’ deċiżjonijiet tas-Svb adottati matul ix-xahar ta’ Lulju 2014.

23      AFMB u ċertu numru ta’ xufiera ta’ trakkijiet li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol magħha ppreżentaw rikors kontra dawn l-aħħar deċiżjonijiet tas-Svb quddiem ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2016, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors.

24      AFMB u parti minn dawn ix-xufiera ta’ trakkijiet appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju.

25      Wara l-imsemmi rikors, il-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni li kienet inbdiet, dwar iċ-ċertifikati A 1 maħruġa mis-Svb, mill-istituzzjoni Ċiprijotta kompetenti skont id-Deċiżjoni A 1 tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi ta’ Siġurtà Soċjali tat‑12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ benefiċċji skont ir-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2010, C 106, p. 1), ġiet sospiża.

26      Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk ix-xufiera ta’ trakkijiet fil-kawża prinċipali għandhomx jitqiesu bħala “li jagħmlu parti mill-persunal” ta’ AFMB jew tal-impriżi ta’ trasport, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, u bħala li għandhom bħala “persuna li timpjega” lill-ewwel jew lit-tieni, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004. Għalhekk, dik il-qorti tfittex tiddetermina l-impriża jew l-impriżi li għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala l-persuna li timpjega lill-imsemmija xufiera għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. Din id-domanda hija ta’ importanza deċiżiva għat-tilwima fil-kawża prinċipali sa fejn din tippermetti li tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli għal dawn ix-xufiera.

27      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ “persuna li timpjega” u lanqas ma jirreferu għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għal dan il-għan.

28      Madankollu, dik il-qorti tqis li jeżistu diversi fatturi li jimmilitaw favur interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens li, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, l-impriżi ta’ trasport għandhom jiġu rrikonoxxuti l-kwalità ta’ persuna li timpjega lix-xufiera ta’ trakkijiet, iżda hija tosserva li tali interpretazzjoni tippreżenta wkoll inkonvenjenzi f’termini ta’ identifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

29      Fit-tieni lok, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li impriża li kkonkludiet kuntratti ta’ xogħol max-xufiera ta’ trakkijiet, bħal AFMB, għandha titqies bħala li hija l-persuna li timpjegahom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar eventwali applikazzjoni b’analoġija għas-sitwazzjoni ta’ dan il-każ tal-kundizzjonijiet speċifiċi għas-sistema ta’ kollokament prevista mir-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004.

30      Fit-tielet lok, fl-ipoteżi msemmija fil-punt preċedenti u fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux abbuż ta’ dritt. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, f’dan il-każ, minkejja li d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-libertà ta’ stabbiliment, l-impriżi ta’ trasport fil-kawża prinċipali u AFMB kellhom manifestament bħala għan essenzjali komuni li jevitaw il-leġiżlazzjoni u r-regoli Olandiżi billi joħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet li jippermettu li jittieħed vantaġġ mid-dritt tal-Unjoni. Fil-każ li tali abbuż jiġi kkonstatat, din il-qorti tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      (a)      L-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament […] Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-[kawża] prinċipali, ix-xufier ta’ trakkijiet impjegat fit-trasport internazzjonali bit-triq huwa meqjus bħala li jagħmel parti mill-persunal sewwieq:

(i)      tal-impriża ta’ trasport li rreklutat il-persuna kkonċernata, li l-persuna kkonċernata hija effettivament għad-dispożizzjoni sħiħa tagħha għal żmien indeterminat, li teżerċita l-awtorità effettiva fuq il-persuna kkonċernata u li fuqha effettivament jaqgħu l-ispejjeż tas-salarji, jew

(ii)      tal-impriża li tkun uffiċjalment ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol max-xufier ta’ trakkijiet u li ħallset lill-persuna kkonċernata salarju skont ftehim konkluż mal-impriża ta’ trasport imsemmija taħt (a) u f’dan ir-rigward ħallset kontribuzzjonijiet fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede ta’ din l-impriża u mhux fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede tal-impriża ta’ trasport imsemmija taħt (a);

(iii)      kemm tal-impriża msemmija taħt (a) kif ukoll tal-impriża msemmija taħt (b)?

(b)      L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament […] Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-[kawża] prinċipali, il-persuna li timpjega x-xufier ta’ trakkijiet impjegat fit-trasport internazzjonali bit-triq hija meqjusa li hija:

(i)      l-impriża ta’ trasport li rreklutat il-persuna kkonċernata, li l-persuna kkonċernata hija effettivament għad-dispożizzjoni tagħha għal żmien indeterminat, li teżerċita l-awtorità effettiva fuq il-persuna kkonċernata u li fuqha effettivament jaqgħu l-ispejjeż tas-salarji, jew.

(ii)      l-impriża li tkun uffiċjalment ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol max-xufier ta’ trakkijiet u li ħallset lill-persuna kkonċernata salarju skont ftehim konkluż mal-impriża ta’ trasport imsemmija taħt (a) u f’dan ir-rigward ħallset kontribuzzjonijiet fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede ta’ din l-impriża u mhux fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede tal-impriża ta’ trasport imsemmija taħt (a);

(iii)      kemm tal-impriża msemmija taħt (a) kif ukoll tal-impriża msemmija taħt (b)?

2)      Fil-każ fejn, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-[kawża] prinċipali, l-impriża msemmija fid-domanda 1.A(b) u fid-domanda 1.B(b) hija kkunsidrata bħala l-persuna li timpjega:

Il-kundizzjonijiet speċifiċi li taħthom il-persuni li jimpjegaw, bħal aġenziji temporanji u intermedjarji oħra, jistgħu jinvokaw l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-Istat ta’ impjeg, stabbiliti fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament […] Nru 1408/71 u fl-Artikolu 12 tar-Regolament […] Nru 883/2004, japplikaw ukoll b’analoġija fil-[kawża] prinċipali, totalment jew parzjalment, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament […] Nru 1408/71 u tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament […] Nru 883/2004?

3)      Fil-każ fejn, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-[kawża] prinċipali, l-impriża msemmija fid-domanda 1.A(b) u fid-domanda 1.B(b) hija kkunsidrata bħala l-persuna li timpjega u fejn id-domanda 2 titlob risposta negattiva:

il-fatti u ċirkustanzi [li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali] jikkostitwixxu sitwazzjoni li għandha tiġi kklassifikata bħala abbuż ta’ liġi tal-Unjoni jew bħala abbuż tad-dritt tal-EFTA? Jekk ikun il-każ, x’inhija l-konsegwenza?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

32      Il-Gvern Ċek, Ċiprijott, Awstrijak u dak tar-Renju Unit jikkontestaw l-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 1408/71 għat-tilwima fil-kawża prinċipali minħabba li l-perijodi ta’ attività kkonċernati kollha seħħew wara d-data li fiha dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 883/2004. Huma jqisu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, tirrispondi għad-domandi magħmula biss sa fejn dawn jirrigwardaw ir-Regolament Nru 883/2004.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 18 ta’ din is-sentenza, il-perijodi li matulhom ix-xufiera ta’ trakkijiet fil-kawża prinċipali kienu marbuta ma’ AFMB permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol huma kollha sussegwenti għall‑1 ta’ Mejju 2010, data li fiha r-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 883/2004.

34      Minn dan isegwi li dan l-aħħar regolament huwa applikabbli għas-sitwazzjoni tax-xufiera ta’ trakkijiet fil-kawża prinċipali li kienu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’żewġ jew f’iktar Stati Membri.

35      Fir-rigward tax-xufiera ta’ trakkijiet fil-kawża prinċipali li kienu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom kemm fi Stat jew f’diversi Stati Membri kif ukoll fi Stat jew f’diversi Stati tal-EFTA, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 883/2004, ir-Regolament Nru 1408/71 baqa’ fis-seħħ u l-effetti ġuridiċi tiegħu nżammu, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, sakemm l-imsemmija ftehimiet ma ġewx emendati skont ir-Regolament Nru 883/2004. Issa, dan l-aħħar regolament sar applikabbli, wara tali emendi, biss mill‑1 ta’ April 2012 għall-Konfederazzjoni Svizzera u mill‑1 ta’ Ġunju 2012 għall-Islanda, għal-Liechtenstein u għan-Norveġja.

36      Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 1408/71 kien għadu fis-seħħ, f’dawn l-Istati tal-EFTA, matul parti mill-perijodi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, jekk, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, xufiera ta’ trakkijiet eżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati matul perijodi preċedenti għal waħda minn dawn id-dati, dan ir-regolament ikun applikabbli f’dan ir-rigward.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, sabiex jiġu pprovduti l-elementi kollha ta’ risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, kemm ir-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll ir-Regolament Nru 883/2004.

 Fuq l-ewwel domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-persuna li timpjega lil xufier internazzjonali ta’ trakkijiet, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija l-impriża ta’ trasport li rreklutat lil dan ix-xufier, li huwa effettivament jinsab għad-dispożizzjoni sħiħa tagħha, li teżerċita awtorità effettiva fuq l-imsemmi xufier u li hija effettivament responsabbli għall-piż tas-salarju korrispondenti, jew l-impriża li magħha l-imsemmi xufier ta’ trakkijiet ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol u li tħallsu s-salarju tiegħu abbażi ta’ ftehim konkluż mal-impriża ta’ trasport.

39      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda tirriżulta minn nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli għax-xufiera internazzjonali ta’ trakkijiet, li għandhom kuntratt ta’ xogħol ma’ AFMB iżda li jeżerċitaw l-attività tagħhom għan-nom tal-impriżi ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, is-Svb iqis li biss dawn l-impriżi ta’ trasport, stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandhom jiġu kklassifikati bħala persuni li jimpjegaw lil dawn ix-xufiera, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni Olandiża hija applikabbli fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, filwaqt li AFMB u l-imsemmija xufiera ta’ trakkijiet iqisu li AFMB għandha tiġi kklassifikata bħala persuna li timpjega u li, sa fejn is-sede tagħha tinsab f’Ċipru, il-leġiżlazzjoni Ċiprijotta hija applikabbli għalihom.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li minnu jagħmel parti l-Artikolu 14(2)(a) tiegħu, kif ukoll dawk tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, li minnu jagħmel parti l-Artikolu 13(1)(b) tiegħu, jikkostitwixxu sistemi kompleti u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet fil-fatt għandhom bħala għan mhux biss li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan, iżda wkoll li jiġi prekluż li l-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed minn dawn ir-regolamenti jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley, C‑430/15, EU:C:2017:74, punt 58, u tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia, C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 41).

41      Għalhekk, meta persuna taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 jew tar-Regolament Nru 883/2004, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti, ir-regola tal-uniċità stabbilita, rispettivament, fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004 hija, bħala prinċipju, applikabbli u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija ddeterminata konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ wieħed minn dawn ir-regolamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley, C‑430/15, EU:C:2017:74, punt 59, u tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia, C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 42).

42      Għal dan il-għan, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxu l-prinċipju li l-persuna li teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat.

43      Dan il-prinċipju huwa madankollu fformulat, fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, “[s]uġġetti għall-Artikoli 14 sa 17” tar-Regolament Nru 1408/71, u, fit-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, “[b]la ħsara għall-Artikolu 12 sa 16” tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, f’ċerti sitwazzjonijiet partikolari, l-applikazzjoni pura u sempliċi tal-imsemmi prinċipju tissogra mhux li jiġu evitati, iżda, għall-kuntrarju, li jinħolqu, kemm għall-ħaddiem kif ukoll għall-persuna li timpjega u għall-organi ta’ sigurtà soċjali, kumplikazzjonijiet amministrattivi li l-effett tagħhom jista’ jkun li jiġi ostakolat l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni koperti minn dawn ir-regolamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, X, C‑570/15, EU:C:2017:674, punt 16, kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 31).

44      Fost dawn is-sitwazzjonijiet partikolari hemm dik, prevista, rispettivament, fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, tal-persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata f’żewġ jew f’iktar Stati Membri.

45      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna li tagħmel parti mill-persunal sewwieq ta’ impriża li twettaq, għall-ħaddieħor jew għaliha stess, trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq u li għandha s-sede tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat jekk, hekk kif huwa l-każ għax-xufiera ta’ trakkijiet fil-kawża prinċipali li għalihom dan ir-regolament huwa intiż li japplika, din il-persuna ma tkunx impjegata b’mod predominanti fit-territorju tal-Istat Membru li fih hija tirrisjedi, f’liema każ hija għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha.

46      Fir-rigward tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, dan jipprevedi, fil-punt (b)(i) tiegħu, li l-persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata f’żewġ jew f’iktar Stati Membri u li ma teżerċitax parti sostanzjali minn din l-attività fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih l-impriża jew il-persuna li timpjega għandha s-sede tagħha jew il-post tan-negozju tagħha, jekk din tkun impjegata minn impriża jew minn persuna li timpjega. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li persuna tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 13 biss bil-kundizzjoni li hija teżerċita abitwalment attivitajiet sinjifikattivi fit-territorju ta’ żewġ jew ta’ iktar Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, X, C‑570/15, EU:C:2017:674, punti 18 u 19). Hekk kif jirriżulta mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta fil-każ tax-xufiera ta’ trakkijiet fil-kawża prinċipali.

47      Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-impriżi ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali kollha għandhom is-sede tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fir-rigward ta’ AFMB, din il-qorti tenfasizza li s-sede tagħha għandha titqies bħala li tinsab f’Ċipru, b’tali mod li wieħed għandu jibbaża ruħu fuq din il-premessa.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u hekk kif osservat, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna li tagħmel parti mill-persunal […] ta’ impriża”, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, u tal-kunċett ta’ “persuna li timpjega”, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, kunċett li miegħu għandu jiġi assimilat, f’dan il-kuntest, dak ta’ “impriża”, użat mill-istess dispożizzjoni ta’ dan l-aħħar regolament, hija ta’ importanza deċiżiva għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ sigurtà soċjali applikabbli għax-xufiera ta’ trakkijiet fil-kawża prinċipali.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tifsira tal-imsemmija kunċetti, dawn ir-regolamenti ma jagħmlu ebda riferiment għal-leġiżlazzjonijiet jew għall-prattiki nazzjonali.

50      Issa, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tinsab billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Compañía de Tranvías de La Coruña, C‑45/19, EU:C:2020:224, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Peress li l-kunċetti msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza għandhom rwol determinanti fl-identifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali skont ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet previsti, rispettivament, fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004, interpretazzjoni awtonoma ta’ dawn il-kunċetti hija iktar u iktar essenzjali, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, minħabba r-regola tal-uniċità mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li abbażi tagħha għandha tiġi indikata bħala applikabbli l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss.

52      Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem użat, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum fl-assenza ta’ kull definizzjoni, fir-Regolament Nru 1408/71 jew fir-Regolament Nru 883/2004, tal-kunċetti korrispondenti ta’ “persuna li tagħmel parti mill-persunal […] ta’ impriża”, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, u ta’ “persuna li timpjega”, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fir-rigward tas-sens abitwali ta’ dan il-kliem, għandu jiġi osservat li, bħala regola ġenerali, ir-relazzjoni bejn “persuna li timpjega” u l-“persunal” impjegat tagħha timplika l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejniethom.

54      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-kuntest li taħtu jaqgħu l-kunċetti previsti fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, hemm lok, qabelxejn, li jitfakkar li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet stabbilita mir-regolamenti li taħthom jaqgħu dawn il-kunċetti tiddependi biss mis-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jinsab il-ħaddiem ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Fischer–Lintjens, C‑543/13, EU:C:2015:359, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-regolamenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali li ppreċedew ir-Regolament Nru 883/2004, b’mod partikolari ta’ dik tad-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet fil-każ ta’ kollokament tal-ħaddiema, inklużi fl-Artikolu 13(a) tar-Regolament Nru 3 tal-Kunsill KEE tal‑25 ta’ Settembru 1958 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (ĠU 1958, 30, p. 561), u sussegwentement fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li l-impriża li taħtha “normalment jaqa’” il-ħaddiem, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, hija dik li taħt l-awtorità tagħha dan jinsab, fejn tali kundizzjoni hija dedotta miċ-ċirkustanzi kollha tal-impjieg inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 1967, van der Vecht, 19/67, EU:C:1967:49, p. 457, u tal‑10 ta’ Frar 2000, FTS, C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 24).

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet li impriża li kkollokat ħaddiem impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk huwa jwettaq xogħol ma’ entità oħra kellha titqies bħala l-unika persuna li timpjega lil dan il-ħaddiem, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontinwità, għat-tul kollu tal-impjieg, tar-rabta ta’ subordinazzjoni bejn l-imsemmi ħaddiem u din il-persuna li timpjega, b’tali mod li dan ix-xogħol kellu jitqies bħala li twettaq għal din l-impriża, fis-sens tal-Artikolu 13(a) tar-Regolament Nru 3. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din ir-rabta ta’ subordinazzjoni kienet tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-impriża inkwistjoni kienet tħallas is-salarju u setgħet tkeċċi lil dan l-istess ħaddiem minħabba nuqqasijiet li huwa jkun wettaq fit-twettiq tax-xogħol tiegħu mal-entità utenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Manpower, 35/70, EU:C:1970:120, punti 17, 18 u 20).

57      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, sabiex jiġi evalwat jekk ħaddiem jaqax taħt il-kunċett ta’ “persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar”, fis-sens tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71, kunċett li issa jinsab fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza eventwali ta’ diverġenza bejn, minn naħa, l-informazzjoni prevista fil-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-mod li bih l-obbligi twettqu fil-prattika fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012 Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C‑115/11, EU:C:2012:606, punt 41).

58      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-istituzzjoni kkonċernata tista’, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-kliem tad-dokumenti kuntrattwali, fatturi bħall-mod li bih il-kuntratti ta’ xogħol bejn il-persuna li timpjega kkonċernata u l-ħaddiem ikkonċernat kienu ġew eżegwiti fil-prattika fil-passat, iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti u, b’mod iktar ġenerali, il-karatteristiċi u l-modalitajiet tal-attivitajiet eżerċitati mill-impriża kkonċernata, sa fejn dawn il-fatturi jistgħu jiċċaraw in-natura vera tax-xogħol inkwistjoni (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłow, C‑115/11, EU:C:2012:606, punt 45).

59      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, jekk minn fatturi rilevanti għajr minn dokumenti kuntrattwali jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem impjegat hija effettivament differenti minn dik deskritta f’tali dokumenti, l-obbligu li jiġi applikat korrettament ir-Regolament Nru 1408/71 jimplika li l-istituzzjoni kkonċernata, irrispettivament mill-kliem tad-dokumenti kuntrattwali, għandha tibbaża il-konstatazzjonijiet tagħha fuq is-sitwazzjoni reali tal-ħaddiem impjegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C‑115/11, EU:C:2012:606, punt 46).

60      Fid-dawl tal-fatturi msemmija fil-punti 52 sa 59 ta’ din is-sentenza, hemm lok, fir-rigward tal-kunċetti msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jinsab il-ħaddiem impjegat ikkonċernat u ċ-ċirkustanzi kollha tal-impjieg tiegħu.

61      F’dan il-kuntest, għalkemm il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol bejn il-ħaddiem impjegat u impriża tista’ tkun indikatur tal-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejn dak tal-ewwel u dik tat-tieni, dan il-fatt ma jistax, waħdu, jippermetti li tiġi konkluża b’mod deċiżiv l-eżistenza ta’ tali rabta. Fil-fatt, għall-finijiet ta’ tali konklużjoni, jeħtieġ ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-informazzjoni li tinsab formalment fil-kuntratt ta’ xogħol iżda wkoll il-mod li bih l-obbligi imposti kemm fuq il-ħaddiem kif ukoll fuq l-impriża inkwistjoni jitwettqu fil-prattika fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt. Għalhekk, irrispettivament mill-kliem tad-dokumenti kuntrattwali, hemm lok li tiġi identifikata l-entità li taħt l-awtorità effettiva tagħha jinsab il-ħaddiem, li tkun effettivament responsabbli għall-piż tas-salarju korrispondenti u li jkollha s-setgħa effettiva tkeċċi lil dan il-ħaddiem.

62      Għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni esposta fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza hija sostnuta mill-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, mir-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 fl-intier tagħhom.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 1408/71 huwa li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġu osservati l-karatteristiċi speċifiċi għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski, C‑493/04, EU:C:2006:167, punt 19). Bl-istess mod, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 1 u 45 tiegħu, ir-Regolament Nru 883/2004 huwa intiż li jiżgura koordinazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni u, għaldaqstant, li jikkontribwixxi għat-titjib tal-livell ta’ għajxien u tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-persuni li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Szoja, C‑89/16, EU:C:2017:538, punt 34). Fil-fatt, dan l-aħħar regolament immodernizza u ssemplifika r-regoli inklużi fir-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li żamm l-istess għan ta’ dan tal-aħħar (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, V, C‑33/18, EU:C:2019:470, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Hekk kif jirriżulta mill-punti 42 sa 44 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jaqa’ taħt dan l-għan inkwantu dan jipprevedi regoli derogatorji mir-regola tal-Istat Membru ta’ impjieg prevista fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament preċiżament sabiex jiġu evitati il-kumplikazzjonijiet li, inkella, jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din l-aħħar regola għal sitwazzjonijiet li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’żewġ jew f’iktar Stati Membri. L-istess japplika għall-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li ssemplifika r-regoli inklużi fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 filwaqt li huwa intiż, bħal din l-aħħar dispożizzjoni, li jevita dawn l-istess kumplikazzjonijiet.

65      Minn din il-perspettiva, ir-regoli derogatorji previsti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza huma intiżi li jiżguraw li, skont ir-regola tal-uniċità mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-ħaddiema impjegati li jeżerċitaw attivitajiet f’żewġ jew f’iktar Stati Membri jkunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, billi jistabbilixxu għal dan il-għan kriterji ta’ konnessjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni oġġettiva ta’ dawn il-ħaddiema sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tagħhom.

66      Issa, interpretazzjoni tal-kunċetti użati f’dawn id-dispożizzjonijiet li ma tkunx tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni oġġettiva tal-ħaddiem impjegat iżda li tkun ibbażata biss fuq kunsiderazzjonijiet formali, bħall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol, tkun twassal sabiex tippermetti lill-impriżi jċaqilqu l-post li għandu jitqies bħala rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ sigurtà soċjali applikabbli, mingħajr ma tali ċaqliq ikun jaqa’, fir-realtà, taħt l-għan li jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

67      Barra minn hekk, il-fatt li l-impriżi jitħallew iċaqilqu l-post li għandu jitqies bħala li huwa rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ sigurtà soċjali applikabbli, bil-mod indikat fil-punt preċedenti, ikun iwassal sabiex jiġi injorat il-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ma jiddependux fuq l-għażla libera tal-ħaddiem impjegat, tal-impriżi jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, iżda fuq is-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jinsab dan il-ħaddiem.

68      Ċertament, is-sistema stabbilita minn kull wieħed minn dawn ir-regolamenti hija biss sistema ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali u mhux armonizzazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjonijiet. Issa, huwa inerenti għal tali sistema li jkun hemm differenzi bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-livell tal-kontribuzzjonijiet soċjali li għandhom jitħallsu fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ attività partikolari. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1986, Pinna, 41/84, EU:C:1986:1, punt 20, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski, C‑493/04, EU:C:2006:167, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Madankollu, l-għan tal-imsemmija regolamenti, hekk kif imfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, jissogra li jiġi kompromess jekk l-interpretazzjoni adottata tal-kunċetti previsti fil-punt 48 ta’ din is-sentenza tkun tiffaċilita l-possibbiltà għall-impriżi li jagħmlu użu minn arranġamenti purament artifiċjali sabiex jużaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bl-uniku għan li jieħdu vantaġġ mid-differenzi eżistenti bejn is-sistemi nazzjonali. B’mod partikolari, tali użu ta’ din il-leġiżlazzjoni jissogra li tiġi eżerċitata pressjoni ’l isfel fuq is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri u eventwalment, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-livell ta’ protezzjoni offrut minnhom.

70      Fl-aħħar nett, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jiġu kkontestati permezz tal-argument li dawn il-kunċetti għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq il-kriterju tal-eżistenza ta’ kuntratt ta’ xogħol, peress li dan il-kriterju, li huwa faċli li jiġi vverifikat, jippreżenta vantaġġi f’termini ta’ ċertezza legali sa fejn jippermetti li tiġi ggarantita prevedibbiltà aħjar tas-sistema ta’ sigurtà soċjali applikabbli.

71      Fil-fatt, hekk kif sostna ġustament il-Gvern Olandiż, il-fatt li l-imsemmija kunċetti jiġu interpretati permezz ta’ kriterji li huma intiżi li jiddeterminaw is-sitwazzjoni reali tal-ħaddiem ikkonċernat jippermetti preċiżament li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

72      Barra minn hekk, kemm ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 kif ukoll ir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 jipprevedu mekkaniżmi ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni intiżi li jiżguraw l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

73      Għalhekk, minn naħa, minbarra l-fatt li l-Artikolu 84a tar-Regolament Nru 1408/71 jimponi fuq l-istituzzjonijiet u fuq il-persuni koperti minnu obbligu reċiproku ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni, l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 574/72 jipprevedi, b’mod partikolari, regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71.

74      Min-naħa l-oħra, il-possibbiltajiet u l-obbligi reċiproċi ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni previsti mir-Regolament Nru 883/2004 għall-istituzzjonijiet u għall-persuni koperti minn dan ir-regolament, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 76 tal-imsemmi regolament, u l-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta’ dan l-istess regolament, prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 987/2009, huma intiżi li jippermettu lill-istituzzjonijiet u lill-persuni kkonċernati jkollhom l-elementi neċessarji sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “persuna li timpjega” fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kemm għall-finijiet tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll għall-finijiet tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, xufier internazzjonali ta’ trakkijiet għandu jitqies bħala li huwa impjegat, mhux mill-impriża li magħha huwa formalment ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol, iżda mill-impriża ta’ trasport li teżerċita awtorità effettiva fuqu, li, effettivament, hija responsabbli għall-piż tas-salarju korrispondenti u li għandha s-setgħa effettiva li tkeċċih.

76      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li x-xufiera ta’ trakkijiet ikkonċernati kienu marbuta, matul il-perijodi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma’ AFMB permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol li fihom AFMB kienet indikata bħala l-persuna li timpjega lil dawn il-ħaddiema u d-dritt tax-xogħol Ċiprijott kien iddikjarat applikabbli.

77      Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn ix-xufiera ta’ trakkijiet, li dejjem żammew ir-residenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi matul dawn il-perijodi, kienu ġew magħżula, qabel il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ma’ AFMB, mill-impriżi ta’ trasport infushom u li huma eżerċitaw, wara l-konklużjoni tal-imsemmija kuntratti, l-attività professjonali tagħhom għan-nom u għar-riskju ta’ dawn l-impriżi ta’ trasport. Barra minn hekk, għalkemm il-ftehimiet ta’ amministrazzjoni tal-flotta konklużi bejn l-imsemmija impriżi ta’ trasport u AFMB kienu jafdaw lil din tal-aħħar l-amministrazzjoni tat-trakkijiet u għalkemm AFMB kienet inkarigata mill-amministrazzjoni tas-salarji, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fir-realtà, il-piż effettiv ta’ dawn is-salarji kien sostnut, permezz tal-kummissjoni mħallsa lil AFMB, mill-impriżi ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ impriża ta’ trasport li ma tirrikorrix iktar għas-servizzi ta’ xufier ta’ trakkijiet kienet, bħala regola ġenerali, twassal għat-tkeċċija immedjata ta’ dan tal-aħħar minn AFMB b’mod li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-impriża ta’ trasport kellha s-setgħa effettiva ta’ tkeċċija.

78      Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li parti mix-xufiera ta’ trakkijiet fil-kawża prinċipali kienu, qabel il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ma’ AFMB, diġà impjegati tal-impriżi ta’ trasport u li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, “l-andament ta’ kuljum tal-affarijiet ma nbidilx jew bilkemm inbidel wara l-intervent ta’ AFMB fir-relazzjoni bejn ix-[xufiera ta’ trakkijiet] u [dawn l-impriżi]”, peress li dawn ikomplu, fil-fatt, ikunu għad-dispożizzjoni sħiħa u taħt l-awtorità tal-imsemmija impriżi.

79      Mill-indikazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, irrispettivament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li taħtha jaqgħu x-xufiera ta’ trakkijiet fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-Regolament Nru 1408/71 jew ir-Regolament Nru 883/2004, dawn tal-aħħar jidhru li kienu parti, matul il-perijodi inkwistjoni, mill-persunal tal-impriżi ta’ trasport u kellhom lil dawn l-impriżi bħala persuni li jimpjegaw, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 14(2)(a) ta’ dan l-ewwel regolament u tal-Artikolu 13(1)(b) tat-tieni regolament, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali applikabbli għalihom tidher li hija l-leġiżlazzjoni Olandiża, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mil-qorti tar-rinviju.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuna li timpjega lil xufier internazzjonali ta’ trakkijiet, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija l-impriża li teżerċita awtorità effettiva fuq dan ix-xufier ta’ trakkijiet, effettivament issostni l-piż tas-salarju korrispondenti u għandha s-setgħa effettiva li tkeċċih, u mhux l-impriża li magħha l-imsemmi xufier ta’ trakkijiet ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol u li hija formalment indikata f’dan il-kuntratt bħala l-persuna li timpjega lil dan l-istess xufier.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

81      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal14 ta’ Ġunju 1971 dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal31 ta’ Marzu 2004, kif ukoll l-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Mejju 2012, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuna li timpjega lil xufier internazzjonali ta’ trakkijiet, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija l-impriża li teżerċita awtorità effettiva fuq dan ix-xufier ta’ trakkijiet, effettivament issostni l-piż tas-salarju korrispondenti u għandha s-setgħa effettiva li tkeċċih, u mhux l-impriża li magħha l-imsemmi xufier ta’ trakkijiet ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol u li hija formalment indikata f’dan il-kuntratt bħala l-persuna li timpjega lil dan l-istess xufier.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.