Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-767/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: O. Beynet, Y. G. Marinova, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE 1 , u tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE 2 billi naqas milli jittrasponi korrettament:

l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE,

l-Artikolu 37(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73/KE,

l-Artikolu 37(6)(a), (b) u (c), u (9) tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 41(6)(a), (b) u (c), u (9) tad-Direttiva 2009/73/KE,

l-Artikolu 37(10) tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 41(10) tad-Direttiva 2009/73/KE;

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors għandu bħala għan it-traspożizzjoni difettuża fil-Belġju tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 relatati, rispettivament, mas-suq intern tal-elettriku u dak tal-gass naturali. L-imsemmija direttivi jinkludu b’mod partikolari dispożizzjonijiet relatati mas-separazzjoni effettiva bejn il-ġestjoni tan-netwerks ta’ trasport ta’ elettriku u ta’ gass minn naħa, u l-attivitajiet ta’ provvista u ta’ produzzjoni min-naħa l-oħra, bil-għan tal-prevenzjoni tar-riskju ta’ diskriminazzjoni fl-operat tan-netwerk. Huma jipprevedu wkoll, għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti minnhom, il-ħolqien ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali indipendenti.

Il-Kummissjoni tqis li t-traspożizzjoni tad-Direttivi mir-Renju tal-Belġju seħħet biss b’mod insuffiċjenti fir-rigward ta’ żewġ elementi essenzjali, jiġifieri l-istabbiliment tas-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà u d-dispożizzjonijiet relatati mal-kompetenzi u mal-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali.

____________

1 ĠU 2009 L 211, p. 55.

2 ĠU 2009 L 211, p. 94.