Language of document : ECLI:EU:F:2007:116

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

28 ta’ Ġunju 2007

Kawża F-21/06

Joao da Silva

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Ħatra fi grad – Pożizzjoni ta’ direttur ippubblikata qabel l-1 ta’ Mejju 2004 – Emenda tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 2 u Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Klassifikazzjoni fi grad skond dispożizzjonijiet ġodda inqas favorevoli – Prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 235 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. da Silva, jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Mejju 2005, li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala direttur fil-grad A*14, skala 2, il-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad A*15, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/R/8003/03, ippubblikat fis-7 ta’ Novembru 2003 (ĠU C 268 A, p. 1), kif ukoll ir-rikostituzzjoni sħiħa tal-karriera tiegħu b’effett retroattiv mid-data tal-klassifikazzjoni tiegħu fi grad u skala hekk irrettifikati, inklużi l-ħlas ta’ l-interessi moratorj.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Mejju 2005, safejn din tirrigwarda l-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala direttur fil-grad A*14, skala 2, hija annullata. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tar-rikorrent kif ukoll l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Uffiċjali – Reklutaġġ – Applikazzjoni ta’ l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(2); Anness XIII, Artikolu 5(5); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tranżitorja fir-Regolament Nru 723/2004, li temenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali kif ukoll il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra, sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni fi grad u fi skala ta’ uffiċjal maħtur f’pożizzjoni ogħla wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, fl-1 ta’ Mejju 2004, wara proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal qabel din id-data, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq is-soluzzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju fl-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ ħatra f’pożizzjoni ta’ direttur permezz ta’ promozzjoni u għalhekk jipprovdi għal klassifikazzjoni fil-“grad ogħla li jmiss”.

Fil-fatt, il-proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tista’, meta jibbenefika minnha uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju f’impjieg attiv, tiġi ekwiparata ma’ promozzjoni. Il-ħatra, f’każ bħal dan, f’pożizzjoni ogħla ma tistax tiġi kkunsidrata bħala t-tieni reklutaġġ fi ħdan l-istituzzjonijiet li għandu l-effett li jinterrompi l-karriera tal-benefiċjarju, iżda bħala avvanz fil-karriera tiegħu, u hija ma tistax twassal, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu, kif dan il-prinċipju ġie adottat fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal, għal tnaqqis fil-grad tiegħu jew fl-iskala tiegħu, u, konsegwentement, għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tiegħu. Tali soluzzjoni hija iktar u iktar meħtieġa billi hija konformi mad-dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni, li b’mod partikolari jimplika li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità kompetenti għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss l-interessi tas-servizz, iżda wkoll dawk ta’ l-uffiċjal ikkonċernat, billi uffiċjal maħtur f’pożizzjoni ogħla b’rikonoxximent tal-merti personali tiegħu għandu interess leġittimu, mingħajr ma dan imur kontra r-Regolamenti tal-Persunal fis-seħħ, li r-remunerazzjoni tiegħu ma titbaxxiex.

(ara l-punti 63, 75, 76, 79 u 80)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Diċembru 1984, Vlachos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 20/83 u 21/83, Ġabra p. 4149, punt 23; 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C-298/93 P, Ġabra p. I-3009, punt 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T-133/89, Ġabra p. II‑245, punt 27; 1 ta’ Ġunju 1999, Rodríguez Pérez et vs Il-Kummissjoni, T‑114/98 u T-115/98, ĠabraSP p. I-A-97 u II-529, punt 32