Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Ġunju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea Constituţională a României – ir-Rumanija) – Relu Adrian Coman, Robert Clabourn Hamilton, Asociaţia Accept vs Inspectoratul General pentru Imigrări, Ministerul Afacerilor Interne

(Kawża C-673/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 3 – Benefiċjarji – Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Punt 2(a) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ “ir-raġel jew martu” [konjuġi] – Żwieġ bejn persuni tal-istess sess – Artikolu 7 – Dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur – Drittijiet fundamentali)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea Constituţională a României

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Relu Adrian Coman, Robert Clabourn Hamilton, Asociaţia Accept

Konvenuti: Inspectoratul General pentru Imigrări, Ministerul Afacerilor Interne

fil-preżenza ta’: Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării

Dispożittiv

F’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, billi jmur u jirrisjedi b’mod effettiv, konformement mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, fi Stat Membru ieħor minbarra dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u żviluppa u kkonsolida f’din l-okkażjoni ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz tal-istess sess, li miegħu huwa marbut permezz ta’ żwieġ konkluż legalment fl-Istat Membru ospitanti, l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità jirrifjutaw milli jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-imsemmi ċittadin, għar-raġuni li d-dritt tal-imsemmi Stat Membru ma jipprevedix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni, fejn iż-żwieġ ma’ dan tal-aħħar ġie konkluż fi Stat Membru konformement mad-dritt tiegħu, għandu dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità. Dan id-dritt ta’ residenza dderivat ma għandux ikun suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38.

____________

1     ĠU C 104, 3.4.2017.