Language of document : ECLI:EU:C:2018:385

Kawża C-673/16

Relu Adrian Coman et

vs

Inspectoratul General pentru Imigrări
u
Ministerul Afacerilor Interne

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea Constituţională)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 3 – Benefiċjarji – Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Punt 2(a) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ “ir-raġel jew martu” [konjuġi] – Żwieġ bejn persuni tal-istess sess – Artikolu 7 – Dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur – Drittijiet fundamentali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑5 ta’ Ġunju 2018

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu wara li jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor biss bħala ċittadin tal-Unjoni – Dritt ta’ residenza dderivat tal-membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz – Kundizzjonijiet – Residenza effettiva taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti skont id-Direttiva 2004/38 – Applikazzjoni b’analoġija tal-kundizzjonijiet għall-għoti previsti minn din id-direttiva

(Artikolu 21(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu wara li jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor biss bħala ċittadin tal-Unjoni – Dritt ta’ residenza dderivat tal-membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz – Ċittadin tal-Unjoni li kkonkluda legalment, fl-Istat Membru ospitanti, żwieġ ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz tal-istess sess – Rifjut tal-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin tal-Unjoni li jagħti dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu lill-imsemmi ċittadin ta’ Stat Terz, peress li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjonijiet għal raġunijiet marbutin mal-ordni pubbliku u l-identità nazzjonali – Assenza

(Artikolu 21(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 7(1))

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu wara li jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor biss bħala ċittadin tal-Unjoni – Dritt ta’ residenza dderivat tal-membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz – Peress li ċittadin ta’ Stat terz iżżewweġ ma’ ċittadin tal-Unjoni tal-istess sess, iż-żwieġ ġie konkluż fi Stat Membru skont il-liġi ta’ dan tal-aħħar – Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin tal-Unjoni – Kundizzjonijiet

(Artikolu 21(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 7(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 23 sa 25)

2.      F’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, billi jmur u jirrisjedi b’mod effettiv, konformement mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, fi Stat Membru ieħor minbarra dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u żviluppa u kkonsolida f’din l-okkażjoni ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz tal-istess sess, li miegħu ntrabat permezz ta’ żwieġ konkluż legalment fl-Istat Membru ospitanti, l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità jirrifjutaw milli jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-imsemmi ċittadin, għar-raġuni li d-dritt tal-imsemmi Stat Membru ma jipprevedix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

(ara l-punt 51 u d-dispożittiv 1)

3.      L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni, fejn iż-żwieġ ma’ dan tal-aħħar ġie konkluż fi Stat Membru konformement mad-dritt tiegħu, għandu dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità. Dan id-dritt ta’ residenza dderivat ma għandux ikun suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38.

(ara l-punt 56 u d-dispożittiv 2)