Language of document : ECLI:EU:C:2019:753

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(b) u (ċ) – Eżenzjonijiet – Sptar u kura medika – Provvisti ta’ kura lill-persuna mwettqa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi – Assenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-fornitur tal-kura u l-pazjent”

Fil-Kawża C‑700/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Finanzamt Kyritz

vs

WolfHenning Peters,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Finanzamt Kyritz (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Kyritz, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tat-Taxxa”) u Wolf‑Henning Peters fir-rigward tar-rifjut li jiġu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) il-provvisti ta’ kura minn dan tal-aħħar bħala tabib speċjalista fil-kimika klinika u fid-dijanjostika tal-laboratorju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2006/112

3        Il-premessa 7 tad-Direttiva 2006/112 tiddikjara:

“Is-sistema komuni ta’ VAT għandha twassal, anki jekk ir-rati u l-eżenzjonijiet ma jkunux armonizzati b’mod sħiħ, għal newtralità fil-kompetizzjoni, b’mod li fit-territorju ta’ kull pajjiż merkanzija u servizzi simili jġorru l-istess piż ta’ taxxa, hu x’inhu t-tul tal-produzzjoni u l-katina tad-distribuzzjoni.”

4        L-Artikolu 132(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;

(ċ)      il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

[…]”

5        L-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l–għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1) soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

(a)      il-korpi in kwistjoni m’għandhomx jimmiraw sistemikament biex jagħmlu profitt, u kwalunkwe ammonti żejda li mandanakollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti;

(b)      dawn il-korpi għandhom ikunu mmaniġjati u amministrati fuq bażi essenzjalment volontarja minn persuni li m’għandhomx interess dirett jew indirett, jew huma nfushom jew b’intermedji, fir-riżultati ta’ l-attivitajiet ikkonċernati;

(ċ)      dawn il-korpi għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT;

(d)      l-eżenzjonijiet m’għandhomx joħoolqu l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

6        L-Artikolu 4 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ) tal-21 ta’ Frar 2005 (BGBl. 2005 I, p. 386), kif emendata bil-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 2794) (iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprovdi:

“Fost it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 1(1), huma eżentati:

[…]

14)      a)      il-provvisti ta’ kura lill-persuna mwettqa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ tabib, dentist, fejjieq, fiżjoterapista, majjistra jew ta’ kwalunkwe attività professjonali medika analoga. […]

[…]

b)      l-isptarijiet u l-kura medika, inklużi d-dijanjostika, l-eżamijiet mediċi, il-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni, l-għajnuna waqt it-twelid u s-servizzi ta’ ospizju kif ukoll it-tranżazzjonijiet li huma marbuta mill-qrib magħhom, ipprovduti mill-organi rregolati mid-dritt pubbliku. Is-servizzi msemmija fl-ewwel sentenza huma eżentati wkoll meta huma pprovduti minn

[…]

bb)      ċentri ta’ kura medika u ta’ dijanjostika li jagħmlu parti mis-sistema tal-kura bi prezz irregolat prevista fl-Artikolu 95 tal-Ħames Ktieb tas-Sozialgesetzbuch [(il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali)] jew li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 115 tal-Ħames Ktieb tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali,

[…]

u li, min-natura tagħhom, huma servizzi li huma relatati ma’, rispettivament, l-awtorizzazzjoni, il-kuntratt jew id-dispożizzjonijiet previsti fil-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        W.-H. Peters huwa tabib speċjalista fil-kimika klinika u fid-dijanjostika tal-laboratorju.

8        Matul is-snin fiskali 2009 sa 2012, huwa pprovda servizzi ta’ kura għal LADR Medizinisches Versorgungszentrum Wittstock GmbH, li hija kumpannija ta’ laboratorju li tipprovdi servizzi ta’ laboratorju għal tobba li jeżerċitaw fi klinika medika, kliniċi ta’ riabilitazzjoni, servizzi tas-saħħa pubblika u sptarijiet.

9        Huwa rċieva mingħand din tal-aħħar ħlas mensili ta’ EUR 6 000 għal dawn is-servizzi, li kienu jinkludu b’mod partikolari t-twettiq ta’ analiżijiet li għandhom bħala għan id-dijanjostika preċiża ta’ tabib tal-laboratorju kif ukoll sostenn mediku fil-kuntest ta’ miżuri ta’ mediċina trasfużjonali f’sitwazzjonijiet terapewtiċi konkreti.

10      W.-H. Peters ma għamilx dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għas-snin fiskali kkonċernati, billi qies li l-imsemmija servizzi kienu eżentati minn din it-taxxa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(14)(a) tal-UStG.

11      L-uffiċċju tat-taxxa, min-naħa l-oħra, ikkunsidra li l-istess servizzi kienu taxxabbli. Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-konstatazzjoni li l-eżenzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(14)(a) tal-UStG hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun teżisti relazzjoni ta’ fiduċja bejn it-tabib u l-persuna li tingħata l-kura, kundizzjoni li hija nieqsa fis-servizzi ta’ kimiku tal-klinika u ta’ tabib tal-laboratorju. Għaldaqstant, huwa ħareġ stimi tat-taxxa b’rata fissa relatati mat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ abbażi tal-onorarji netti rċevuti minn W.-H. Peters għas-snin fiskali kkonċernati.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2013, l-Uffiċċju tat-Taxxa ċaħad l-ilmenti mressqa minn W.-H. Peters kontra dawn l-istimi.

13      W.-H. Peters ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja), li laqgħet ir-rikors tiegħu u li emendat l-istimi tat-taxxa kkontestati, billi kkunsidrat li l-eżenzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(14)(a) tal-UStG ma tirrikjedix l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn it-tabib u l-persuna li tingħata l-kura.

14      L-Uffiċċju tat-Taxxa ppreżenta rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

15      Din il-qorti tqis li l-element tar-relazzjoni ta’ fiduċja ma għandux importanza deċiżiva għall-post tal-provvista tas-servizz li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiddetermina d-distinzjoni bejn il-każijiet ta’ eżenzjoni previsti fl-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn it-tabib u l-pazjent ma hijiex kundizzjoni neċessarja għall-eżenzjoni ta’ attività fil-kuntest ta’ provvista ta’ kura fis-sens tad-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż li tittrasponi l-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, peress li tali relazzjoni ta’ fiduċja tikkostitwixxi biss każ ta’ applikazzjoni tipika ta’ din l-eżenzjoni.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-eżenzjoni fir-rigward tal-provvista ta’ kura medika mogħtija minn tabib speċjalist fil-kimika klinika u fid-dijanjostika tal-laboratorju għandha tiġi evalwata, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fid-dawl tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva [2006/112] jew fid-dawl tal-Artikolu 132(1)(b) [ta’ din id-direttiva]?

2)      L-applikabbiltà tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva [2006/112] — fil-każ li din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija applikabbli — teħtieġ li jkun hemm relazzjoni ta’ fiduċja bejn it-tabib u l-persuna mogħtija l-kura?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

17      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li provvisti ta’ kura bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma pprovduti minn tabib speċjalizzat fil-kimika klinika u fid-dijanjostika tal-laboratorju, jistgħu jaqgħu taħt l-eżenzjoni mill-VAT imsemmija fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

18      Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), u l-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, li r-redazzjoni tiegħu hija, essenzjalment, identika, għandhom jiġu interpretati bl-istess mod u li, għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tista’ sservi ta’ bażi għall-interpretazzjoni tat-tieni waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies, C‑86/09, EU:C:2010:334, punt 27).

19      Skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kura fi sptarijiet u l-kura medika kif ukoll l-attivitajiet relatati mill-viċin magħhom, ipprovduti minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew, f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk applikabbli għal dawn tal-aħħar, minn sptarijiet, ċentri tal-kura medika u tad-dijanjostika u stabbilimenti oħra tal-istess natura debitament irrikonoxxuti. Fir-rigward tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, dan jipprovdi l-eżenzjoni tal-provvisti ta’ kura lill-persuna mwettqa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi bħal dawk li huma ddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat.

20      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċetti ta’ “kura medika”, li jinsab fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, u ta’ “provvisti ta’ kura lill-persuna”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, ikopru t-tnejn li huma servizzi li għandhom bħala għan li jagħmlu d-dijanjostika, li jikkuraw u, sa fejn huwa possibbli, li jfejqu mard jew anomaliji tas-saħħa (sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier, C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddelimitat il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ każijiet ta’ eżenzjoni previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet huwa inqas marbut man-natura tas-servizz milli mal-post tal-provvista tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva jkopri servizzi mwettqa f’ambjent ta’ sptar filwaqt li l-Artikolu 132(1)(ċ) tal-istess direttiva jkopri servizzi pprovduti barra minn tali qafas, kemm fir-residenza privata tal-fornitur kif ukoll fir-residenza tal-pazjent jew fi kwalunkwe post ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P., C‑106/05, EU:C:2006:380, punt 22, u tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier, C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 19).

22      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda provvisti ta’ kura, li jimplika li dawn is-servizzi jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kura medika”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, jew taħt il-kunċett ta’ “provvisti ta’ kura lill-persuna”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

23      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva għal tali servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li laboratorju jew entità individwalizzata li twettaq funzjoni paragunabbli jistgħu jikkostitwixxu stabbiliment “tal-istess natura” bħal “sptarijiet” u ċ-“ċentri ta’ kura medika u ta’ dijanjostika”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier, C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Madankollu, sabiex jiġi evalwat jekk provvisti ta’ kura humiex eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni kif ukoll dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu IX tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, PFC Clinic, C‑91/12, EU:C:2013:198, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 jippermetti lill-Istati Membri li jissuġġettaw l-għoti tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva lil organi li ma humiex dawk irregolati mid-dritt pubbliku għall-osservanza ta’ waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet imsemmija hemmhekk.

26      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar preċiż, dwar il-possibbiltà li tiġi kkunsidrata l-applikabbiltà tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għal servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-każ li hija jkollha tasal għall-konklużjoni li dawn is-servizzi ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva.

27      Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li provvisti ta’ kura li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha stabbiliti sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva ma humiex esklużi, bħala prinċipju, minn dik prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) tal-istess direttiva.

28      Fil-fatt, ma jirriżulta bl-ebda mod mit-test tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tillimita l-portata tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, li jkopri, kif tfakkar fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-provvisti ta’ kura mwettqa, barra mill-istrutturi li jaqgħu taħt l-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ professjonijiet mediċi u paramediċi kif iddefiniti mill-Istati Membri.

29      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tal-analiżijiet mediċi preskritti minn tobba ġeneralisti, li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jkunx osservat jekk tali servizzi jkunu suġġetti għal sistema ta’ VAT differenti skont il-post fejn huma mwettqa, filwaqt li l-kwalità tagħhom tkun ekwivalenti fid-dawl tat-taħriġ tal-fornituri kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P., C‑106/05, EU:C:2006:380, punt 32).

30      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li provvisti ta’ kura bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma pprovduti minn tabib speċjalizzat fil-kimika klinika u fid-dijanjostika tal-laboratorju, jistgħu jaqgħu taħt l-eżenzjoni mill-VAT imsemmija fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

31      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT li huwa jipprovdi hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-provvista ta’ kura kkonċernata tkun ipprovduta fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-fornitur tal-kura.

32      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jirriżulta li provvista għandha tiġi eżentata jekk tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, tkun tikkostitwixxi provvista ta’ kura lill-persuna u, min-naħa l-oħra, titwettaq fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi hekk kif huma ddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C‑141/00, EU:C:2002:473, punt 27, kif ukoll tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punt 23).

33      Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li, sabiex il-provvisti ta’ kura lill-persuna jkunu eżentati, din teħtieġ li l-kura tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-fornitur ta’ kura u l-persuna li tingħata l-kura.

34      Iż-żieda ta’ tali kundizzjoni, barra minn hekk, ma tiġġustifikax ruħha fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-imsemmija dispożizzjoni li titnaqqas l-ispiża tal-kura tas-saħħa u li din il-kura ssir iktar aċċessibbli għall-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Klinikum Dortmund, C‑366/12, EU:C:2014:143, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), sa fejn l-imsemmija kura tkun ta’ livell ta’ kwalità suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punt 37), mingħajr ma l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-fornitur tal-kura għandha, f’dan ir-rigward, natura deċiżiva.

35      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’oppożizzjoni għall-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(ċ) ta’ din id-direttiva tapplika għal servizzi mwettqa barra minn sptarijiet u fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-fornitur tal-kura, relazzjoni li normalment isseħħ fil-klinika professjonali ta’ dan il-fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 353/85, EU:C:1988:82, punt 33, u tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C‑141/00, EU:C:2002:473, punt 35).

36      Madankollu, minn dawn il-konstatazzjonijiet ma jistax jirriżulta li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 tapplika biss għall-provvisti ta’ kura lill-persuna mogħtija fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-fornitur ta’ kura u l-persuna li tingħata l-kura.

37      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija konstatazzjonijiet kienu intiżi sempliċement sabiex jenfasizzaw l-oppożizzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ każijiet ta’ eżenzjoni previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

38      Għalhekk, fil-punt 33 tas-sentenza tat-23 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (353/85, EU:C:1988:82), huwa sabiex tingħata risposta għall-argument imqajjem mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ibbażat fuq il-paralleliżmu bejn l-Artikolu 13(A)(1)(b) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 13A(1)(ċ) tagħha li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tar-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-fornitur tal-kura sabiex tikkonkludi li, minbarra l-provvisti żgħar li huma strettament neċessarji fil-mument tal-provvista tal-kura lill-persuna, il-kunsinna tal-prodotti mediċinali u tal-beni l-oħra hija fiżikament u ekonomikament separabbli mill-provvista ta’ servizzi msemmija fl-Artikolu 13A(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

39      B’mod simili, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-fornitur tal-kura ġiet invokata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 35 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C‑141/00, EU:C:2002:473), sabiex tiġi enfasizzata l-oppożizzjoni bejn iż-żewġ każijiet ta’ eżenzjoni previsti fl-Artikolu 13(A)(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva fir-rigward tal-post fejn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti, filwaqt li juru l-kuntest li fih is-servizzi msemmija fl-Artikolu 13(A)(1)(ċ) ta’ din id-direttiva huma ġeneralment ipprovduti.

40      F’dan ir-rigward, fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 13(A)(1)(b) tas-Sitt Direttiva jeżenta s-servizzi kollha mwettqa f’ambjent ta’ sptar filwaqt li l-Artikolu 13(A)(1)(ċ) ta’ din id-direttiva huwa intiż li jeżenta s-servizzi mediċi pprovduti barra minn dan il-qafas, kemm fir-residenza privata tal-fornitur kif ukoll fir-residenza tal-pazjent jew f’xi post ieħor.

41      Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja elenkat, fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, hija ma rreferietx, f’dan ir-rigward, għall-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-fornitur tal-kura.

42      Minn dan isegwi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT li huwa jipprevedi ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-provvista ta’ kura kkonċernata tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-fornitur tal-kura.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li provvisti ta’ kura bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma pprovduti minn tabib speċjalizzat fil-kimika klinika u fid-dijanjostika tal-laboratorju, jistgħu jaqgħu taħt l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmija fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva.

2)      L-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud li huwa jipprevedi ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-provvista ta’ kura kkonċernata tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-fornitur tal-kura.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.