Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-21 ta’ Diċembru 2018 – Federatie Nederlandse Vakbeweging vs Van den Bosch Transporten BV, Van den Bosch Transporte GmbH, Silo-Tank Kft

(Kawża C-815/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Federatie Nederlandse Vakbeweging

Konvenuti: Van den Bosch Transporten BV, Van den Bosch Transporte GmbH, Silo-Tank Kft

Domandi preliminari

Id-Direttiva 96/71/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015 L 16, p. 66; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kollokament”) għandha tiġi interpretata fis-sens li din tapplika wkoll fir-rigward ta’ ħaddiem li jeżerċità l-attività ta’ xufier fit-trasport internazzjonali bit-triq u li għaldaqstant iwettaq ix-xogħol tiegħu f’iktar minn Stat Membru wieħed?

(a)    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, liema kriterju jew liema kunsiderazzjonijiet għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk ħaddiem li jeżerċità l-attività ta’ xufier fit-trasport internazzjonali bit-triq huwiex ikkollokat “fit-territorju ta’ Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva dwar il-kollokament u jekk dan il-ħaddiem “għall-perjodu limitat jagħm[ilx] ix-xogħol tiegħu fitterritorju ta’ Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdem fih” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-kollokament?

(b)    L-eżistenza ta’ rabta (pereżempju fi grupp) bejn l-imrpiża li tikkolloka lill-ħaddiem li għalih isir riferiment fil-punt (a) tat-tieni domanda u l-impriża li magħha dan il-ħaddiem huwa kkollokat għandha effett fuq ir-risposta għat-tieni domanda, u, jekk dan ikun il-każ, x’effett?

(c)    Jekk ix-xogħol tal-ħaddiem li għalih isir riferiment fil-punt (a) tat-tieni domanda jinvolvi trasport b’kabotaġġ – jiġifieri trasport esklużivament imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan il-ħaddiem normalment jaħdem – dan il-ħaddiem huwa meqjus, għall-inqas, għal din il-parti mill-attivitajiet tiegħu, bħala li jaħdem temporanjament fit-territorju tal-ewwel Stat Membru ċċitat? Jekk dan ikun il-każ, hemm limitu, pereżempju fil-forma ta’ tul minimu ta’ trasport b’kabotaġġ fix-xahar?

(a)    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-kunċett ta’ “ftehim kollettiv [...] iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva dwar il-kollokament, kif għandu jiġi interpretat? Dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant huwa biżżejjed li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva dwar il-kollokament ikunu fil-fatt issodisfatti? Jew dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu wkoll li l-ftehim kollettiv tax-xogħol ikun ġie ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali?

(b)    Jekk ftehim kollettiv tax-xogħol ma jistax jiġi assimilat ma’ ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens tal-Artikolu 3(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva dwar il-kollokament, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi li impriża stabbilita fi Stat Membru li tikkolloka ħaddiem fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tkun obbligata, kuntrattwalment, tosserva dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim kollettiv tax-xogħol li japplika f’dan l-aħħar Stat Membru?

____________

1 Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015 L 16, p. 66).