Language of document : ECLI:EU:F:2010:72

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(Seduta Plenarja)

1 ta’ Lulju 2010

Kawża F-45/07

Wolfgang Mandt

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjoni tas-superstiti — Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Konjuġi superstiti — Rikonoxximent tal-kwalità ta’ konjuġi superstiti lil żewġ persuni — Tnaqqis għal 50 % — Aspettattivi leġittimi — Regola ta’ konkordanza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu W. Mandt essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Parlament, tat-8 ta’ Frar 2007, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-Parlament, tat-8 ta’ Settembru 2006, li tiddeċiedi li tnaqqas b’50 %, mill-1 ta’ April 2006, il-pensjoni tas-superstiti li huwa kien jirċievi bħala konjuġi superstiti tal-mejta Mandt, imwielda Neumann, ex uffiċjal tal-Parlament, minħabba li b’deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2006, wara t-talba tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann biex jirċievi pensjoni tas-superstiti wkoll bħala konjuġi superstiti tal-mejta Neumann, il-Parlament kien iddeċieda li mill-1 ta’ April 2006, iħallas lil dan tal-aħħar din il-pensjoni li tammonta għal 50 %.

Deċiżjoni: Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet li għandhom l-għan li l-Parlament iħallas lir-rikorrent it-totalità tal-pensjoni tas-superstiti sa fejn dawn it-talbiet ikopru l-perijodu wara l-31 ta’ Ottubru 2009. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Kull parti, inkluż l-intervenjent insostenn tat-talbiet tal-Parlament, jiġifieri K. W. Braun-Neumann, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Pensjoni tas-superstiti — Kwalità ta’ konjuġi superstiti — Evalwazzjoni fid-dawl tad-dritt nazzjonali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 79; Anness VIII, Artikolu 18)

2.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Pensjoni tas-superstiti — Modalitajiet għall-għoti f’każ ta’ eżistenza ta’ diversi konjuġi superstiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 79; Anness VIII, Artikoli 18 u 28)

3.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira u l-portata tiegħu, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma fl-Unjoni kollha, u l-interpretazzjoni għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Madankollu, huwa aċċettat ukoll li, anki fin-nuqqas ta’ riferiment espliċitu, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tinvolvi, jekk ikun il-każ, riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, b’mod partikolari, meta l-qorti tal-Unjoni ma tkunx tista’ tidentifika, fid-dritt tal-Unjoni jew fil-prinċipji ġenerali tagħha l-kriterji li jippermettulha tispeċifika l-kontenut u l-portata, permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-kunċetti relatati mal-istatus personali u mal-liġi tal-familja fejn is-sistema legali tal-Unjoni ma għandha l-ebda regoli bil-miktub dwar is-suġġett.

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ sett komplet ta’ regoli tad-dritt internazzjonali privat fi ħdan il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u d-differenzi fis-sistemi nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat, l-identifikazzjoni minn awtorità amministrattiva tal-Unjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi sekondarja, bħall-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal jew l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom, tas-sistema legali nazzjonali li waħedha tkun “kompetenti” biex tiddetermina l-istatus ċivili ta’ persuna, tirriżulta kompitu partikolarment kumpless u ferm inċert f’termini legali. Il-qorti tal-Unjoni għandha wkoll toqgħod lura minn tali eżerċizzju li, b’mod partikolari, jkun ekwivalenti għal-leġiżlazzjoni ġudizzjarja.

Għaldaqstant, la huwa l-obbligu tal-qorti u lanqas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, li jistħarrġu l-mertu tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali.

Il-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni tirrikonoxxi lil żewġ persuni l-kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-istess ex uffiċjal mejta, għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċju finanzjarju, bl-ebda mod ma jikkostitwixxi approvazzjoni, lanqas impliċita, fil-livell tal-Unjoni ta’ żwieġ multiplu, liema approvazzjoni tista’ tqajjem kwistjoni ta’ kompatibbiltà mal-prinċipji u dispożizzjonijiet legali superjuri, speċjalment jekk kull persuna kkonċernata tgawdi mill-benefiċċju finanzjarju kollu previst għall-“konjuġi” superstiti. Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjoni kkonċernata ma għamlet xejn ħlief semmiet il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-drittijiet nazzjonali tal-familja.

(ara l-punti 62, 63, 68, 84 u 87)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Frar 1981, P. vs Il‑Kummissjoni, 40/79, Ġabra p. 361, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner, p. 382 u 383; 18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; 17 ta’ April 1986, Reed, 59/85, Ġabra p. 1283, punt 15; 31 ta’ Mejju 2001, D u L‑Isvezja vs Il‑Kunsill, C‑122/99 P u C‑125/99 P, Ġabra p. I‑4319, punti 34 sa 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il‑Parlament, T‑43/90, Ġabra p. II‑2619, punt 36; 22 ta Frar 2006, Adam vs Il‑Kummissjoni, T‑342/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑23 u II‑A‑2‑107, punt 32

2.      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni legali dwar il-modalitajiet għall-għoti tal-pensjoni tas-superstiti f’każ ta’ eżistenza ta’ diversi konjuġi superstiti, hija l-istituzzjoni li għandha l-obbligu tiddetermina metodu għall-għoti.

Metodu ta’ diviżjoni adottat mill-istituzzjoni, jiġifieri d-distribuzzjoni ugwali tal-pensjoni tas-superstiti bejn il-konjuġi superstiti, la jmur kontra l-kliem, l-istruttura u l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom, u lanqas ta’ dawk tal-kapitolu kollu dwar il-pensjoni tas-superstiti ta’ dan l-istess anness, speċjalment peress li l-kriterju tat-tul taż-żwieġ, kif stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ikun diffiċli li jiġi traspost f’każ ta’ eżistenza ta’ diversi konjuġi superstiti u jmur kontra l-għan tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 97 u 104)

3.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel u r-rikors teħtieġ konkordanza bejn is-suġġett u l-kawża tagħhom. Din ir-regola hija ġġustifikata mill-għan stess tal-proċedura prekontenzjuża, jiġifieri li jiġi permess lill-amministrazzjoni tirrevedi d-deċiżjoni tagħha u tikseb għalhekk tranżazzjoni barra l-qrati, deskritta bħala “ftehim bonarju”.

Peress li l-proċedura prekontenzjuża għandha natura informali u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jaġixxu, f’dan l-istadju, mingħajr l-assistenza ta’ avukat, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod strett, iżda b’mod iktar wiesa’. Għalkemm it-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni jista’ jkollhom biss l-istess suġġett bħal dak deskritt fl-ilment u jista’ jkollhom biss “kontestazzjonijiet” ibbażati fuq l-istess kawża bħal dik tal-kontestazzjonijiet invokati fl-ilment, quddiem il-qorti tal-Unjoni dawn il-kontestazzjonijiet jistgħu, madankollu, jiġu żviluppati bis-sottomissjoni ta’ motivi u argumenti li mhux neċessarjament jidhru fl-ilment, iżda li jkunu marbuta mill-qrib miegħu.

Ir-regola ta’ konkordanza tista’ tapplika biss fl-uniku każ fejn ir-rikors kontenzjuż ibiddel is-suġġett tal-ilment jew il-kawża tiegħu, fejn dan kunċett tal-aħħar ta’ “kawża” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Konsegwentement, u b’riżerva tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, u naturalment, tal-motivi ta’ ordni pubblika, ikun hemm normalment bidla fil-kawża tat-tilwima u għaldaqstant, inammissibbiltà għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ konkordanza biss jekk ir-rikorrent, li fl-ilment tiegħu jkun ikkritika biss il-validità formali tal-att li jikkawżalu preġudizzju, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu, iqajjem motivi fuq il-mertu fir-rikors tiegħu jew fil-każ oppost fejn ir-rikorrent, wara li fl-ilment tiegħu jkun ikkontesta biss il-legalità fil-mertu tal-att li jikkawżalu preġudizzju, jippreżenta rikors li jkun fih motivi relatati mal-validità formali ta’ dan, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu.

Barra minn hekk, minħabba n-natura intrinsikament legali ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, kif ukoll tar-raġunament li jwassal lill-persuna kkonċernata biex tfittex u tqajjem tali illegalità, ma jistax jiġi rikjest minn uffiċjal jew aġent li jippreżenta l-ilment, u li mhux neċessarjament ikollu kompetenzi legali xierqa, li jifformula tali eċċezzjoni fil-fażi prekontenzjuża, u dan taħt piena ta’ inammissibbiltà iktar ’il quddiem.

(ara l-punti 109 sa 111 u 119 sa 121)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Lulju 1976, Sergy vs Il‑Kummissjoni, 58/75, Ġabra p. 1139, punti 31 sa 33; 20 ta’ Marzu 1984, Razzouk u Beydoun vs Il‑Kummissjoni, 75/82 u 117/82, Ġabra p. 1509, punt 9; 7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il‑Kummissjoni, 52/85, Ġabra p. 1555, punti 12 u 14; 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punt 10; 14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il‑Parlament, 133/88, Ġabra p. 689, punti 10 u 11; 2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67; 19 ta’ Novembru 1998, Il‑Parlament vs Gaspari, C‑316/97 P, Ġabra p. I‑7597, punti 17 u 18; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ġunju 1995, Allo vs Il‑Kummissjoni, T‑496/93, ĠabraSP p. I‑A‑127 u II‑405, punt 26; 13 ta’ April 2005, Nielsen vs Il‑Kunsill, T‑353/03, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑443, punt 23; 31 ta’ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il‑Kunsill, T‑284/02, ĠabraSP p. I‑A‑131 u II‑597, punt 62; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2008, Putterie‑De‑Beukelaer vs Il‑Kummissjoni, F‑31/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑53 u II‑A‑1‑261, punti 57 et seq, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑160/08 P; 11 ta’ Settembru 2008, Smadja vs Il‑Kummissjoni, F‑135/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑299 u II‑A‑1‑1585, punt 40, li hija suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑513/08 P; 18 ta’ Mejju 2009, Meister vs UASI, F‑138/06 u F‑37/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑131 u II‑A‑1‑727, punt 145