Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 24 de Madrid (Spanja) fil-11 ta’ Frar 2019 – Sindicato Único de Sanidad e Higiene de la Comunidad de Madrid u Sindicato de Sanidad de Madrid de la CGT vs Consejería de Sanidad de la Comunidad de Madrid

(Kawża C-103/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 24 de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sindicato Único de Sanidad e Higiene de la Comunidad de Madrid u Sindicato de Sanidad de Madrid de la C.G.T.

Konvenuta: Consejería de Sanidad de la Comunidad de Madrid

Domandi preliminari

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri d-Deċiżjoni 406/2017 tat-8 ta’ Mejju 2017 tal-Consejero de Sanidad, li, wara t-tiġdid suċċessiv ta’ ħatriet għal żmien determinat fis-settur tas-saħħa pubblika, ħatriet ibbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu tiġdid sabiex jiġu koperti u żgurati servizzi ta’ natura temporanja, ċirkostanzjali jew straordinarja, meta fil-fatt dawn il-ħatriet kienu jservu sabiex jiġu koperti bżonnijiet permanenti u fit-tul, fejn l-istrument ta’ implimentazzjoni jikkonsisti fit-trasformazzjoni tan-natura ta’ 9 126 impjieg, b’mod li l-ħaddiem għal żmien determinat okkażjonali jsir ħaddiem għal żmien determinat ad interim, bir-riżultat li tali pożizzjonijiet jiddaħħlu f’offerta pubblika ta’ impjieg u bil-konsegwenza li tintemm ir-relazzjoni ta’ impjieg mal-ħaddiem temporanju, hija konformi mal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE 1 b’mod partikolari l-Klawżola 5 tiegħu, il-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu u mal-kriterji li tistabbilixxi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C-16/15, EU:C:2016:679)?

Hija korretta l-interpretazzjoni tal-preżenti qorti li l-forma ta’ applikazzjoni li hija deskritta u li ssir tal-Artikolu 9(3) tal-Ftehim Qafas, permezz tad-Deċiżjoni 406/2017 tat-8 ta’ Mejju 2017 tal-Consejero de Sanidad, ma hijiex konformi mal-Klawżola 5 [tal-Ftehim Qafas], mal-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu u lanqas mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja [l-Għaxar Awla] fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C-16/15, EU:C:2016:679), sa fejn, f’sitwazzjoni fejn kien hemm użu abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg temporanji sabiex jiġu koperti bżonnijiet permanenti u fejn l-eżistenza ta’ nuqqasijiet strutturali hija magħrufa, tali applikazzjoni tippermetti li l-imsemmi abbuż ma jiġi ssanzjonat qatt, bi ksur tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, u tinżamm is-sitwazzjoni sfavorevoli tal-impjegati temporanji?

Hija korretta l-interpretazzjoni mill-preżenti qorti tal-Klawżola 5 [tal-Ftehim Qafas], tal-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu kif ukoll tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C-16/15, EU:C:2016:679), f’dan id-digriet, fis-sens li d-Deċiżjoni 406/2017 ma hijiex konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, sa fejn l-Istat Spanjol ma jiggarantixxix ir-riżultati imposti mid-direttiva, peress li, minħabba li sar użu abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, il-ħaddiema ma ngħatawx garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni sabiex jiġi ssanzjonat debitament dan l-abbuż u jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-użu abbużiv ma huwiex issanzjonat u jiġi għalhekk permess li d-Direttiva 1999/70 ma tapplikax fis-settur tas-saħħa?

Peress li fis-settur pubbliku l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi b’mod assolut, il-bdil ta’ suċċessjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew li jingħata impjieg permanenti lil ħaddiem vittma ta’ abbuż f’dan il-qasam u li ma teżistix, f’din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, miżura oħra effettiva sabiex jiġi evitat, u jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, huwa korrett li jitqies, kif tagħmel din il-qorti, li d-Deċiżjoni 406/2017 (li tapplika l-Artikolu 9(3) tal-Ftehim Qafas tardivament), u l-proċess ta’ għażla f’kompetizzjoni ħielsa ulterjuri ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu miżuri effettivi sabiex jiġi evitat, u jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, sa fejn, kif din il-qorti tqis u ttenni, tiġi evitata l-applikazzjoni u l-osservanza tal-għanijiet imposti mid-Direttiva 1999/70?

Għandu jiġi kkunsidrat li ma humiex issoddisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C-16/15, EU:C:2016:679), sa fejn, bi ksur tad-Direttiva 1999/70, id-Deċiżjoni 406/2017 tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biss għall-persunal awżiljarju, u, fir-rigward tal-ħaddiema temporanji l-oħra li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom hija ta’ tul ta’ żmien eċċessiv, l-amministrazzjoni ma twettaqx, fit-termini indikati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-eżami tal-kawżi ta’ din is-sitwazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk jaqbilx, jekk ikun il-każ, li tinħoloq pożizzjoni strutturali fil-lista ta’ pożizzjonijiet tal-istabbiliment, b’mod li s-sitwazzjoni ta’ prekarjetà ta’ dawn il-ħaddiema ssir fil-fatt permanenti, fejn dan l-abbuż ma huwiex issanzjonat u fejn ebda miżura ma hija applikata bil-għan li jiġu offerti lil dawn il-ħaddiema garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni sabiex jiġi debitament issanzjonat dan l-abbuż u jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).