Language of document : ECLI:EU:F:2008:132

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

4 ta’ Novembru 2008

Kawża F-41/06

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Invalidità – Irtirar minħabba invalidità – Motivazzjoni – Annullament”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ġġiegħlu jirtira minħabba invalidità, kif ukoll ta’ sensiela ta’ atti oħra konnessi ma’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu d-danni.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Mejju 2005, li ġġiegħel lir-rikorrent jirtira minħabba invalidità, hija annullata. Il‑Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 3 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il‑Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrenti. Ir-rikorrent għandu jbati terz tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Uffiċjali – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – Opinjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Suġġett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25 u 53 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78)

L-għan tad-dispożizzjonijiet dwar il-Kumitat Mediku u l-Kumitat tal-Invalidità huwa li jafda, lill-esperti mediċi, l-evalwazzjoni definittiva ta’ kull kwistjoni medika. L-istħarriġ ġudizzjarju ma jistax jestendi għall-evalwazzjonijiet mediċi nnifishom, li għandhom jitiqiesu definittivi sakemm ikunu saru b’mod regolari. Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ ġudizzjarju jista’ jsir fuq ir-regolarità tal-kostituzzjoni u l-funzjonament ta’ dawn il-kumitati, kif ukoll fuq dik tal-opinjonijiet li jagħtu. F’dan ir-rigward, il-qorti Komunitarja għandha kompetenza sabiex teżamina jekk l-opinjoni tinkludix motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l‑kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet tagħha u jekk ġietx stabbilita rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi inklużi fiha u l‑konklużjonijiet li jasal għalihom il-kumitat.

Hija manifestament nieqsa minn kull motivazzjoni opinjoni ta’ kumitat tal-invalidità li purament u sempliċiment tikkonstata, u fl-istess ħin, tikkonkludi, li l‑uffiċjal qed isofri minn invalidità totali permanenti, li ma tħallihx jaqdi d‑dmirijiet tiegħu. Is-sempliċi fatt li, fil-verbal tal-Kumitat tal-Invalidità, jissemma li l-uffiċjal isofri minn sindromu ta’ ansjetà-depressjoni ma jippermettix lill-qorti Komunitarja li tifhem u tivverifika l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet li jinsabu fih u jekk ġietx stabbilita rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li fih u l-konkużjonijiet li wasal għalihom il‑kumitat. Fil-fatt, sindromu ta’ ansjetà-depressjoni jista jimmanifesta ruħu f’diversi modi u fi gradi differenti ħafna u ma jimplikax li l-persuna li ssofri minnu hija neċessarjament meqjusa li ssofri minn invalidità totali permanenti, li ma tħallihiex taqdi d-dmirijiet tagħha li jikkorrespondu għall-pożizzjoni fil-grupp ta’ impjieg tagħha.

(ara l-punti 64, 65 u 67)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Diċembru 1987, Jänsch vs Il‑Kummissjoni, 277/84, Ġabra p. 4923, punt 15; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Frar 1992, Plug vs Il‑Kummissjoni, T‑165/89, Ġabra p. II‑367, punt 75; 15 ta’ Diċembru 1999, Nardone vs Il‑Kummissjoni, T‑27/98, ĠabraFP p. I‑A‑267 u II‑1293, punt 87