Language of document : ECLI:EU:F:2007:238

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-20/07

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Responsabbiltà għall-ispejjeż mediċi – Ċaħda espliċita tat-talba”

Suġġett: Rikors ippreżentat fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu, L. Marcuccio, ex uffiċjal tal-Kummissjoni, jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad it-talba tiegħu tal-31 ta’ Marzu 2006 intiża sabiex jikseb ir-rimbors ta’ 100 % ta’ diversi spejjeż mediċi, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrent jitlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu d-differenza bejn l-ammont totali ta’ l-ispejjeż mediċi in kwistjoni u l-ammont li diġà kien ġie rimborsat, jiġifieri s-somma ta’ 323.09 EUR. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jitlob li ma’ dan l-ammont jiżdiedu l-imgħaxijiet minħabba dewmien ta’ 10 %, bil-kapitalizzazzjoni annwali sa mit-8 ta’ April 2006.

Deċiżjoni: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jirrinunzja għall-kompetenza tiegħu fil-kawża F-20/07, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tagħti deċiżjoni f’dan ir-rigward. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

Proċedura – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati differenti tal-Komunitajiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness  I, Artikolu 8(3); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72)

Meta ġie adit b’rikors kontra r-rifjut li jingħata lil uffiċjal ir-rimbors ta’ 100 % ta’ l-ispejjeż mediċi li tippretendi li għandha dritt għalihom il-parti interessata minħabba l-marda mentali li hija allegatament tbati biha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 8(3) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrinunzja għall-kompetenza tiegħu favur il-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba li hemm pendenti quddiem din il-Qorti rikorsi oħrajn, bejn l-istess partijiet, ibbażati fuq l-istess suġġett ġuridiku u li jirrigwardaw ukoll id-dritt għar-rimbors ta’ 100 % ta’ l-ispejjeż mediċi. Dawn ir-rikorsi differenti jikkorrispondu għall-istess u l-unika kontroversja, u jidher xieraq, għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(3) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jfittxu li jiggarantixxu li jkun imħallef wieħed li jiddeċiedi l-kawża kollha kemm hi.

(ara l-punti 8 sa 16)