Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-668/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Manhaeve, L. Cimaglia, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li peress li r-Repubblika Taljana ma adottatx:

il-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-166 agglomerazzjoni li għandhom ekwivalenza ta’ popolazzjoni li teċċedi l-2 000 resident jiġu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir tal-ilma urban mormi, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi,1

il-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li fis-610 agglomerazzjoni li għandhom ekwivalenza ta’ popolazzjoni li teċċedi l-10 000 resident, jew li għandhom ekwivalenza ta’ popolazzjoni inkluża bejn l-2 000 u l-10 000 resident u li l-iskariki tagħhom jispiċċaw f’ilma ħelu jew estwarji, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun, qabel l-iskarika tiegħu, suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271/KEE;

il-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li fl-10 agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenza ta’ popolazzjoni li teċċedi l-10 000 resident u li l-iskariki tagħhom jispiċċaw f’ilmijiet riċeventi kkunsidrati bħala “żoni sensittivi” fis-sens tad-Direttiva 91/271/KEE, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun, qabel l-iskarika tiegħu, suġġett għal trattament iktar rigoruż minn trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti, skont l-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva;

il-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li, f’5 “żoni sensittivi” fis-sens tad-Direttiva 91/271/KEE, il-perċentwali minimu ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali li jidħol fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi jilħaq tal-inqas 75 % għall-fosfru totali u tal-inqas 75 % għan-nitroġenu totali, skont l-Artikolu 5(4) ta’ din l-istess direttiva;

il-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi mibnija sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ikunu ppjanati, mibnija, imħaddma u miżmuma b’tali mod li jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha tal-post fejn jinsabu, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-varjazzjonijiet tat-toqol skont l-istaġuni fit-tfassil ta’ dawn l-impjanti, fis-617-il agglomerazzjoni, skont l-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva;

hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 3 u/jew l-Artikolu 4 u/jew l-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/271/KEE ;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li, f’diversi partijiet tat-territorju nazzjonali tagħha, ir-Repubblika Taljana ma implimentatx b’mod korrett id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi.

Il-Kummissjoni tikkonstata, qabelxejn, diversi ksur tal-Artikolu 3 tad-direttiva li jipprovdi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, u fil-paragrafu 2, li, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2005, l-agglomerazzjonijiet kollha li għandhom ekwivalenza ta’ popolazzjoni li teċċedi l-2 000 resident jiġu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir tal-ilma urban mormi skont ir-rekwiżiti tat-Taqsima A tal-Anness I. F’ħafna mill-agglomerazzjonijiet li jinsabu fir-reġjunijiet ta’ Abruzzo, Calabria, Campania, Friuli Venezia Giulia, Lombardia, Puglia, Sicilia, Valle d’Aosta u ta’ Veneto, dan l-obbligu ma twettaqx b’mod korrett.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271/KEE jipprevedi, barra minn hekk, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, li, sal-31 ta’ Diċembru 2005, f’dak li jirrigwarda l-iskariki li ġejjin minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenza ta’ popolazzjoni li teċċedi 10 000 resident jew dawk li ġejjin minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenza ta’ popolazzjoni inkluża bejn l-2 000 u l-10 000 resident, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun suġġett, qabel l-iskarika tiegħu, għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, skont ir-rekwiżiti previsti fit-Taqsima B tal-Anness I. Il-Kummissjoni kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq f’ħafna mill-agglomerazzjonijiet li jinsabu fir-reġjunijiet ta’ Abruzzo, Basilicata, Calabria, Campania, Friuli Venezia Giulia, Lazio, Liguria, Lombardia, Marche, Puglia, Piemonte, Sardegna, Sicilia, Toscana, Umbria, Valle d’Aosta u ta’ Veneto.

L-Artikolu 5 tad-direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, li, sal-31 ta’ Diċembru 1998, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li, fir-rigward tal-iskariki kollha li ġejjin minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenza ta’ popolazzjoni li teċċedi 10 000 resident, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun, qabel l-iskarika tiegħu, suġġett għal trattament iktar rigoruż minn dak imsemmi fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq f’diversi agglomerazzjonijiet li jinsabu fir-reġjunijiet ta’ Basilicata, Friuli Venezia Giulia, Lazio, Marche, Puglia, Sardegna u ta’ Veneto.

Fir-rigward taż-żoni sensittivi, l-Artikolu 5(4) tad-direttiva jipprevedi l-possibbiltà li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 tal-istess artikolu ma jiġux applikati għall-impjanti individwali tat-trattament tal-ilma urban mormi, sakemm jintwera li l-perċentwali minima ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali li jidħol fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi jilħaq tal-inqas 75 % għall-fosfru totali u tal-inqas 75 % għan-nitroġenu totali. Dan ma ntweriex fir-rigward ta’ diversi żoni sensittivi li jinsabu fit-territorju Taljan.

In-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/271/KEE jirriżulta wkoll fil-ksur tal-Artikolu 10 tal-istess direttiva, li jipprovdi li l-ippjanar, il-bini, il-funzjonalment u ż-żamma tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi għandhom jitwettqu b’tali mod li jiġi żgurat operat suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha tal-post fejn jinsabu.

____________

1 GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26.