Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2019 minn Italmobiliare SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-11/07/2019 fil-Kawża T-523/15, Italmobiliare SpA et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-694/19 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Italmobiliare SpA, Sirap-Gema SpA, Sirap France SAS, Petruzalek GmbH, Petruzalek Kft., Petruzalek sro, Petruzalek sro (rappreżentanti: F. Moretti, avvocatessa)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitlobu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali parzjalment jew totalment, u konsegwentement tannulla jew tnaqqas is-sanzjonijiet imposti fiq l-appellanti, o,

sussidjarjament, tiddetermina mill-ġdid is-sanzjonijiet billi teżeriċta l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, b’kull konsegwenza fuq il-validità tad-deċiżjoni.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata kemm għall-ispejjeż tal-istanza odjerna kif ukoll għal dawk tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju: ksur tal-Artikolu 101 TFUE, nuqqas ta’ applikazzjoni jew applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji ġurisprudenzjali rilevanti marbuta mal-parental liability presumption, eċċess ta’ poter, nuqqas ta’ motivazzjoni, ksur tad-drittijiet fundamentali mill-Qorti Ġenerali, inkonnessjoni mal-imputazzjoni lil Italmobiliare tar-responsabbiltà għall-allegat fatt illegali. L-appellanti jilmentaw b’mod partikolari li tali applikazzjoni tal-preżunzjoni, fi kwalunkwe każ, tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ preżunzjoni tal-innoċenza kif previsti fl-Artikoli 6(2) u 7 tal-Konvenzjoni Ewroprea tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikoli 48 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt fundamentali tal-proprjetà previst fl-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali tal-Konvenzjoni, l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni, l-Artikoli 17 u 21 tal-Karta ta’ Nizza, kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

It-tieni aggravju: ksur u/jew interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Leniency Notice mill-Qorti Ġenerali; konċessjoni illegali tal-benefiċċju tal-immunità lil impriża oħra u sussistenza ta’ interess dirett tal-appellanti li titlob it-tħassir tagħha.

It-tielet aggravju: ksur ta’ liġi u/jew ksur ta’ rekwiżiti essenzjali meta l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li s-sanzjonijiet kienu proporzjonati u adegwati.

Ir-raba’ aggravju: l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 1 u li tiddetermina mill-ġdid is-sanzjonijiet b’kull konsegwenza fuq id-deċiżjoni.

____________

1     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).