Language of document : ECLI:EU:C:2018:122

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

28 ta’ Frar 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 51 – Regolarizzazzjoni – Direttiva 2004/17/KE – Kjarifika tal-offerti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-regolarizzazzjoni mill-offerenti tad-dokumentazzjoni li għandha tiġi pprovduta għal ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja – Prinċipji relatati mal-għoti tal-kuntratti pubbliċi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda C-523/16 u C-536/16,

li jirrigwardaw it-talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-13 u tal-15 ta’ Lulju 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament fit-12 u fl-24 ta’ Ottubru 2016, fil-proċeduri

MA.T.I. SUD SpA

vs

Centostazioni SpA,

fil-preżenza ta’:

China Taiping Insurance Co.Ltd, (C-523/16),

u

Duemme SGR SpA

vs

Associazione Cassa Nazionale di Previdenza e Assistenza in favore dei Ragionieri e Periti Commerciali (CNPR) (C-536/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, D. Šváby u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Duemme SGR SpA, minn F. Brunetti kif ukoll minn F. Scanzano, avvocati,

–        għall-Associazione Cassa Nazionale di Previdenza e Assistenza in favore dei Ragionieri e Periti Commerciali(CNPR), minn M. Brugnoletti, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 51 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif ukoll il-prinċipji tal-ikbar kompetizzjoni possibbli, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi.

2        Fil-Kawża C-523/16, it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MA.T.I. SUD SpA u Societa Centostazioni SpA, dwar proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku relatat ma’ “operazzjonijiet integrati ta’ manutenzjoni ordinarja u straordinarja [u] tas-servizz tal-enerġija f’diversi binjiet ta’ stazzjonijiet tal-ferrovija li jagħmlu parti min-network Centrostazioni SpA”.

3        Fil-Kawża C-536/16, it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Duemme SGR SpA (iktar ’il quddiem “Duemme”) u l-Assoziazione Cassa Nazionale di Previdenza e Assistenza in favore dei Ragionieri e Periti Commerciali (CNPR) (Assoċjazzjoni Kaxxa Nazzjonali ta’ Kontinġenza u Assistenza favur accountants u awdituri (CNPR)), dwar proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa fid-dawl tal-iffirmar ta’ ftehim-qafas għall-ġestjoni tal-portafoll ta’ titoli taċ-CNPR.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/17/KE

4        Il-premessa 9 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU 2004, L 134, p. 1) tipprovdi:

“Sabiex jiġi garantit il-ftuħ għall-kompetizzjoni ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku mogħtija minn entitajiet li qed joperaw f’setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġijia, it-trasport u tal-posta, huwa ta’ parir li jitfasslu dispożizzjonijiet għal koordinazzjoni tal-Komunità ta’ kuntratti ‘l fuq minn ċertu valur. Din il-kordinazzjoni hija bażata fuq ħtiġijiet inferibbli mill-Artikoli 14, 28 u 49 tat-Trattat tal-KE u mill-Artikolu 97 tat-Trattat ta’ l-Euratom, prinċipalment ta’ trattament ugwali, li tiegħu il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni mhuwiex aktar minn espressjoni speċifika, il-prinċipju ta’ għarfien bejn xulxin, il-prinċipju ta’ proporzjonalita, kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza. Bil-ħsieb tan-natura tas-setturi affettwati minn din il-kordinazzjoni, dan ta’ l-aħħar għandu, fil-waqt li jissalvagwardja l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, jistabbilixxi qafas għal prattika kummerċjali soda u għandu jippermetti flessibilita massima.

[…]”

5        L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat, “Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti”, jipprovdi:

“Entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lil operaturi ekonomiċi ugwalment (indaqs) u mhux b’mod diskriminatorju u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti.”

 Id-Direttiva 2004/18

6        Il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18 tipprovdi:

“L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont, huwa rakkomandat li jinħarġu disposizzjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn li huma bbażati fuq dawn il-prinċipji sabiex jiġu assigurati l-effetti li dawn jista’ jkollhom u biex jiggarantixxu l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni. Dawn il-disposizzjonijiet kordinati għandhom għalhekk jiġu interpretati skond ir-regoli imsemmija aktar qabel u l-prinċipji u regoli oħra tat-Trattat.”

7        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

8        L-Artikolu 45 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Kull kandidat jew min ikun xeħet l-offerta illi kien suġġett għal sentenza tal-qorti b’ħaqq aħħari li dwaru tkun taf l-awtorità kontrattwanti għal raġuni jew aktar imniżżlin hawn taħt għandu jkun eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku:

a)      parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, kif deskritt fl-Artikolu 2(1) tal-Kunsill Konġunt ta’ Azzjoni [98/733/JHA tal-21 ta’ Diċembru 1998, adottata mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-inkriminazzjoni tal-parteċipazzjoni għal organizzazzjoni kriminali fl-Istati Membri tal-Unjoni (ĠU 1998, L 351, p. 1)];

b)      korruzzjoni, kif definita fl-Artikolu 3 ta’ l-Att tal-Kunsill tas-26 Mejju 1997 [li tistabbilixxi l-ftehim adottat abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-uffiċċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 1997, C 195, p. 1),] u l-Artikolu 3(1) tal-Kunsill Konġunt ta’ Azzjoni 98/742/JHA [tat-22 ta’ Diċembru 1998 adottata abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU 1998, L 358, p. 2)] rispettivament;

c)      frodi fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni [adottata abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,] relatata mal-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Kommunitajiet Ewropej [(ĠU 1995, C 316, p. 49)];

d)      ħasil ta’ flus, hekk kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE tal-10 Ġunju 1991 dwar prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop ta’ ħasil ta’ flus [(ĠU 1991, L 166, p. 77)].

Stati Membri għandhom jispeċifikaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rigward tal-liġi tal-Kommunità, il-kondizzjonijiet li jimplimentaw dan il-paragrafu.

Huma jistgħu jipprovdu għal deroga mill-ħtieġa li sar riferiment ghaliha fl-ewwel sub-paragrafu li tisboq ħtiġijiet fl-interess ġenerali.

Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kontrattwanti għandhom, fejn xieraq, jitolbu lil kandidati jew lil dawk li jkunu xeħtu l-offerta biex ifornu d-dokumenti li sar riferiment għalihom fil-paragrafu 3 u jistgħu, fejn huma għandhom dubji li jikkonċernaw is-sitwazzjoni personali ta’ dawn il-kandidati jew dawk li jkunu xeħtu l-offerta, japplikaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti biex jakkwistaw kull informazzjoni li huma jqisu bħala neċessarja dwar il-qagħda personali tal-kandidati jew dawk li xeħtu l-offerta konċernati. Fejn l-informazzjoni tikkonċerna kandidat jew min ikun xeħet l-offerta stabbilit f’xi Stat ieħor barra dak ta’ l-awtorità kontrattwanti, l-awtorità kontrattwanti tista’ tfittex il-koperazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti. B’rigward għal-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru fejn il-kandidati jew dawk li jkunu xeħtu l-offerta huma stabbiliti, talbiet bħal dawn għandhom jirrelataw għal persuni legali u/jew naturali, inklużi, jekk xieraq, diretturi ta’ Kumpannija u kull persuna li għandha poteri ta’ rappreżentazzjoni, deċiżjoni jew kontroll fir-rigward tal-kandidat jew dak li jkun xeħet l-offerta.

2.      Kull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku:

a)      huwa fallut jew se jagħlaq in-negozju tiegħu, fejn l-affarijiet tiegħu qed jiġu amministrati mill-qorti, fejn hu jkun daħal f’arranġament ma’ kredituri, fejn hu jkun issospenda l-attivitajiet tan-negozju jew qiegħed fi kull sitwazzjoni analoga ikkawżata minn proċedura simili taħt il-liġijiet nazzjonali u regolamenti;

b)      hu s-suġġett ta’ proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ falliment, għal ordni ta’ egħluq obbligatorju ta’ negozju jew amministrazzjoni mill-qorti ta’ arranġament ma’ kredituri jew ta’ kull proċeduri oħra simili taħt il-liġijiet nazzjonali u regolamenti;

ċ)      ingħata sentenza b’ħaqq tal-qorti li għandha s-saħħa tar-res judicata skont il-disposizzjonijiet legali tal-pajjiż ta’ kull offiża li tikkonċerna il-kondotta professjonali tiegħu;

d)      kien misjub ħati ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità ippruvata bi kull mezz li l-awtoritajiet kontrattwanti jistgħu juru;

e)      ma issodisfax obbligi relatati mal-pagament ta’ kuntribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skont il-disposizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih huwa stabbilit jew ma’ dawk tal-pajjiż tal-awtorità kontrattwanti;

f)      ma issodisfax obbligi relatati mal-pagament ta’ taxxi skont il-disposizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih huwa stabbilit jew ma’ dawk tal-pajjiż tal-awtorità kontrattwanti;

g)      li nstabħati li għamel dikjarazzjonijiet foloz serji fl-għoti tal-informazzjoni meħtieġa fl-applikazzjoni ta’ din it-taqsima jew li ma tax din l-informazzjoni.

Stati Membri għandhom jispeċifikaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rigward għal-liġi tal-Kommunità, il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan il-paragrafu.

3.      Awtoritajiet kontrattwanti għandhom jaċċettaw dan li ġej bħala evidenza suffiċjenti li ebda wieħed mill-każi speċifikati fil-paragrafi 1 jew 2(a), (b), (ċ), (e) jew (f) japplika għall-operatur ekonomiku:

a)      għal dak li jirrigwarda paragrafi 1 u 2(a), (b) u (ċ), il-produzzjoni ta’ estratt mir-‘rekord ġudizzjarju’ jew, fin-nuqqas ta’ dak, ta’ xi dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fil-pajjiż ta’ oriġini jew il-pajjiż li minnu tkun ġejja dik il-persuna juri li dawn il-ħtiġijiet kienu ġew sodisfatti;

b)      għal dak li jirrigwarda paragrafu 2(e) u (f), ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru konċernat.

Fejn il-pajjiż in kwistjoni ma joħroġx dokumenti bħal dawn jew ċertifikati, jew fejn dawn ma jkoprux l-każi kollha speċifikati fil-paragrafi 1 u 2(a), (b) u (ċ), dawn jistgħu jiġu mibdula b’dikjarazzjoni bil-ġurament jew, fi Stati Membri fejn m’hemmx disposizzjoni għal dikjarazzjonijiet bil-ġurament, b’dikjarazzjoni solenni magħmula mill-persuna konċernata quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti, nutar jew korp professjonali jew ta’ negozju kompetenti, fil-pajjiż ta’ oriġini jew fil-pajjiż mnejn tkun ġejja dik il-persuna.

4.      Stati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet u korpi kompetenti biex joħorġu d-dokumenti, ċertifikati jew dikjarazzjonijiet li sar riferiment għalihom f’paragrafu 3 u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan. Notifika bħal din għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi ta’ ħarsien ta’ l-informazzjoni.”

9        L-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“L-awtorità kontrattwanti tista’ tistieden lil operaturi ekonomiċi li jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati u dokumenti sottomessi fis-segwitu ta’ l-Artikoli 45 sa 50.”

 Id-dritt Taljan

10      L-Artikolu 38(2a) tad-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, dwar il-ħolqien ta’ Kodiċi dwar kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti skont id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat-12 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006)) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), jipprovdi:

“L-assenza, in-natura inkompleta u kwalunkwe irregolarità sostanzjali oħra tal-elementi u d-dikjarazzjonijiet sostituttivi li jinsabu fil-paragrafu 2 jobbligaw lill-offerent li jkun ikkawżahom iħallas, lill-awtorità kontraenti, sanzjoni pekunjarja speċifikata fl-avviż tal-kuntratt, li l-ammont tagħha ma jistax ikun inqas minn wieħed kull elf jew iktar minn wieħed fil-mija tal-valur tal-kuntratt, mingħajr ma jaqbeż EUR 50 000, liema ħlas huwa ggarantit mill-garanzija provviżorja. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità kontraenti għandha tagħti lill-offerent terminu ta’ żmien, li ma jaqbiżx għaxart ijiem, sabiex jippreżenta, jikkompleta jew jirregolarizza d-dikjarazzjonijiet meħtieġa, u għandha tindika l-kontenut tagħha u l-persuni obbligati li jagħmlu dan. F’każ ta’ irregolaritajiet mhux sostanzjali, jiġifieri, assenza jew inkompletezza ta’ dikjarazzjonijiet mhux essenzjali, l-awtorità kontraenti ma għandhiex titlob li dawn jiġu rregolarizzati u lanqas ma timponi sanzjoni. Jekk it-terminu stabbilit jinqabeż, l-offerent jiġi eskluż mill-proċedura tas-sejħa għal offerti. Ebda modifika li ssir fuq offerta, inkluż wara deċiżjoni ta’ qorti, wara l-fażi ta’ ammissjoni, ta’ regolarizzazzjoni jew ta’ esklużjoni tal-offerti ma tista’ tiġi kkunsidrata rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-medja fil-kuntest tal-proċedura jew għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu ta’ anomalija tal-offerti”.

11      L-Artikolu 46 tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprovdi li, “[f]il-limiti stabbiliti fl-Artikoli 38 sa 45, l-awtoritajiet kontraenti, jekk jaħsbu li dan huwa meħtieġ, għandhom jistiednu lill-offerenti sabiex jikkompletaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati, id-dokumenti jew id-dikjarazzjonijiet sottomessi.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-523/16

12      Centostazioni, li tagħmel parti mill-grupp Ferrovie dello Stato Italiane SpA, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-8 ta’ Jannar 2016, bdiet proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku tal-valur stimat ta’ EUR 170 864 780.81, mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), li għandu bħala suġġett l-“operazzjonijiet integrati ta’ manutenzjoni ordinarja u straordinarja [u] tas-servizz tal-enerġija f’diversi binjiet ta’ stazzjonijiet tal-ferrovija” li jagħmlu parti min-netwerk tagħha, għal tul ta’ 36 xahar. Dan il-kuntratt kien maqsum f’erba’ lottijiet ġeografiċi (Nofsinhar, Ċentru-Tramuntana u Tramuntanta-Punent, Ċentru-Tramuntana u Tramuntana-Lvant u Tramuntana-Lvant) li kellu jingħata skont il-kriterju tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża.

13      Il-punt VI.3(w) tal-imsemmi avviż ta’ kuntratt kien jipprovdi l-possibbiltà, għall-awtorità kontraenti, li titlob ir-regolarizzazzjoni, taħt piena ta’ esklużjoni mill-proċedura, tal-offerti kollha mhux kompluti jew irregolari, fejn din it-talba kienet timplika l-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja ta’ EUR 35 000, skont l-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.

14      Il-punt 1.1(G) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar l-imsemmi kuntratt kien jipprovdi li l-offerta magħmula minn assoċjazzjoni temporanja ta’ impriża li għadha ma ġietx ikkostitwita f’persuna ġuridika kellha tkun akkompanjata, skont id-dokumenti amministrattivi meħtieġa, minn dikjarazzjoni ad hoc li tinkludi l-impenn, f’każ li jingħata l-lott, li jiġi fdat mandat speċjali kollettiv ta’ rappreżentazzjoni tal-impriża “kap tal-lista” li għandu jsir nominativament (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà”). Din id-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà kellha tkun iffirmata mill-impriżi kollha li jifformaw l-assoċjazzjoni, fejn huwa ppreċiżat li, meta offerent jipparteċipa għal diversi lottijiet taħt forma differenti, huwa kellu jippreżenta dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għal kull lott.

15      MA.T.I. SUD, fil-kapaċità tagħha ta’ responsabbli tal-assoċjazzjoni temporanja tal-impriżi kkostitwita ma’ Graded SpA (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni”), iddepożitat fajl ta’ kanditatura għal-lottijiet 1 u 2 tas-sejħa għal offerti.

16      Fis-16 ta’ Marzu 2016, l-awtorità kontraenti rrilevat li d-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mitluba għall-għoti tal-lott 2, li kienet taħtar lil MA.T.I. SUD bħala kap tal-lista tal-assoċjazzjoni, kellha l-firma tar-rappreżentant legali tagħha nieqsa. Konsegwentement, l-awtorità kontraenti, skont l-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, stiednet lill-imsemmija assoċjazzjoni, minn naħa, sabiex tirrimedja din l-irregolarità f’terminu ta’ sebat ijiem, taħt piena ta’ esklużjoni mis-sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, sabiex tħallas sanzjoni pekunjarja ta’ EUR 35 000.

17      Fil-21 ta’ Marzu 2016, MA.T.I. SUD bagħtet id-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mitluba, iffirmata mir-rappreżentanti legali taż-żewġ kumpanniji li jikkostitwixxu l-assoċjazzjoni. Hija talbet ukoll l-annullament tas-sanzjoni pekunjarja imposta, minħabba li d-dikjarazzjoni inkwistjoni “la kellha nuqqasijiet, la kienet inkompleta u lanqas ivvizzjata b’irregolarità sostanzjali”. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ikkonċernati kienu jeħtieġu dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għal kull wieħed mil-lottijiet biss fil-każ fejn l-assoċjazzjoni kellha l-intenzjoni li tipparteċipa fihom “taħt forma differenti”. Issa, l-assoċjazzjoni, f’dan il-każ, iddikkjarat li riedet tipparteċipa għal-lottijiet 1 u 2 taħt l-istess forma, ma’ MA.T.I. SUD bħala kap tal-lista, billi ppreżentat dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għal-lott 1 li kien fih l-elementi kollha mitluba.

18      Fit-30 ta’ Marzu 2016, l-awtorità kontraenti intimat lil MA.T.I. SUD tħallas l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja imposta, fejn indikat li, fin-nuqqas, dan kien ser jitnaqqas mill-garanzija provviżorja.

19      Fis-7 ta’ April 2016, MA.T.I. SUD ressqet quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) talbiet ta’ sospensjoni u ta’ annullament tal-imsemmija sanzjoni pekunjarja, billi sostniet b’mod partikolari li hija ma kienet wettqet l-ebda irregolarità sostanzjali fil-preżentazzjoni tad-dokumenti preparatorji għall-parteċipazzjoni għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

20      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-mekkaniżmu ta’ assistenza bi ħlas għall-ħolqien tal-fajl, stabbilita fl-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, joħloq dubji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, li jipprovdi possibbiltà li jiġu kkompletati jew ikkjarifikati ċ-ċertifikati u d-dokumenti li jakkompanjaw l-offerti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, iżda mingħajr ma jipprovdi ebda sanzjoni, u bil-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ eżawriment tal-kawżi ta’ esklużjoni, ta’ trasparenza tal-proċeduri, tal-ikbar parteċipazzjoni possibbli għas-sejħa għal offerti u tal-iktar kompetizzjoni possibbli.

21      Hija tenfasizza li għalkemm, b’mod ġenerali, il-mekkaniżmu ta’ assistenza għall-preparazzjoni tal-fajl jidher konformi mal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, li tiegħu huwa varjant, dan ma huwiex il-każ għas-sanzjoni pekunjarja li huwa jinkludi. Minbarra li din il-partikolarità tinkoraġġixxi forma ta’ “tiftix għall-iżball” min-naħa tal-awtorità kontraenti, hija tipproduċi effetti dissważivi fuq il-parteċipazzjoni tal-offerenti għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, sa fejn dawn tal-aħħar jesponu ruħhom għar-riskju li tiġi imposta fuqhom sanzjoni pekunjarja kbira, sempliċement minħabba irregolarità sostanzjali li taffettwa l-offerta tagħhom, independentement mill-intenzjoni tagħhom li jużaw l-assistenza għall-preparazzjoni tal-fajl.

22      Il-qorti tar-rinviju tosserva, b’mod partikolari, li din is-sanzjoni hija ddefinita mill-awtorità kontraenti minn qabel u, anki jekk fil-limiti ta’ wieħed f’elf minimu għal wieħed fil-mija massimu, b’limitu assolut ta’ EUR 50 000, b’mod pjuttost diskrezzjonarju, li din ma tistax tiġi adattata skont il-gravità tal-irregolarità mwettqa u li tiġi applikata b’mod awtomatiku għal kull irregolarità sostanzjali kkonstatata.

23      Din il-qorti tenfasizza wkoll li l-introduzzjoni ta’ assistenza bi ħlas għall-preparazzjoni tal-fajl prevista fl-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi għandha l-għan, minn naħa, li tiggarantixxi s-serjetà tat-talbiet ta’ parteċipazzjoni u tal-offerti magħmula, u għalhekk li trendi responsabbli l-offerenti fil-preżentazzjoni tad-dokumenti relatati mas-sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, li jingħata kumpens lill-awtorità kontraenti għaż-żieda fix-xogħol ta’ kontroll li għandha.

24      Hija tikkunsidra, madankollu, li, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-sanzjoni li jipprevedi, dan il-mekkaniżmu ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn l-implementazzjoni tiegħu tista’ twassal għall-ħlas lill-awtorità kontraenti ta’ kumpens manifestament sproporzjonat meta mqabbel mal-attivitajiet supplementari li hija jkollha, skont il-każ, taffaċċja. Sanzjoni ekonomika importanti hija iktar u iktar sproporzjonata meta t-terminu li fih id-dokumenti li għandhom jiġu kkompletati huwa mnaqqas (għaxart ijiem) u ma jimplikax għalhekk estensjoni eċċessiva tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Lanqas ma huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn sanzjoni tal-istess ammont tista’ tiġi imposta fuq offerent li jkun wettaq irregolarità sostanzjali, iżda ta’ portata limitata, u fuq offerent li jkun wettaq nuqqasijiet gravi għat-talbiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Dan il-mekkaniżmu jmur ukoll kontra l-prinċipju tal-ikbar kompetizzjoni possibbli minħabba l-effetti dissważivi tiegħu fuq il-parteċipazzjoni tal-impriżi, b’mod partikolari l-impriżi żgħar u medji, għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Jekk wieħed jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jimponu n-natura oneruża tal-assistenza fl-istabbiliment tal-proċess (soccorso istruttorio) bil-għan li din tiġi rregolarizzata, l-Artikolu 38(2a) [tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi], fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni […] huwa kuntrarju jew le għad-dritt [tal-Unjoni] meta jipprevedi l-ħlas ta’ “sanzjoni pekunjarja” ta’ ammont li għandu jiġi ffissat mill-awtorità kontraenti (“ammont li ma jistax ikun inqas minn wieħed f’elf jew iktar minn wieħed fil-mija tal-valur tal-kuntratt, u fi kwalunkwe każ li ma jistax ikun ogħla minn EUR 50 000 u li l-ħlas tiegħu huwa ggarantit mill-kawzjoni provviżorja”) fid-dawl tal-ammont eċċessivament għoli u tan-natura tas-sanzjoni li hija ffissata bil-quddiem, peress li dan ma jistax jiġi adattatskont is-sitwazzjoni konkreta li għandha tiġi rregolata, jiġifieri tal-gravità tal-irregolarità li għaliha wieħed jixtieq jirrimedja?

2)      Għall-kuntrarju, dan l-istess Artikolu 38(2a)bis [tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi] jikser id-dritt [tal-Unjoni] sa fejn in-natura oneruża tal-assistenza fl-istabbiliment tal-proċess jista’ fih innifsu jiġi kkunsidrat bħala li jmur kontra l-prinċipji intiżi għall-ftuħ massimu tas-suq għall-kompetizzjoni li din is-sistema ta’ assistenza hija intiża li tikseb, billi l-liġi timponi lill-awtorità kontraenti li tipprovdi din l-assistenza fl-interess pubbliku li tilħaq dan l-għan ta’ kompetizzjoni?”

 Il-Kawża C-536/16

26      Iċ-CNPR, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea fix-xahar ta’ Ottubru 2014, bdiet proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa fid-dawl tal-iffirmar ta’ ftehim-qafas ta’ ġestjoni tal-portafoll ta’ titoli tagħha, ta’ valur stimat ta’ EUR 20 650 000.00 mingħajr VAT, li hija kellha l-intenzjoni li tafda lil ħames entitajiet.

27      L-avviż ta’ kuntratt dwar din il-proċedura kien jipprovdi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li, f’każ ta’ dikjarazzjoni nieqsa, mhux kompluta u fi kwalunkwe każ ieħor ta’ irregolarità sostanzjali, l-offerent għandu jħallas sanzjoni pekunjarja għall-ammont ta’ EUR 50 000, filwaqt li kellu terminu ta’ għaxart ijiem sabiex jikkompleta u/jew jirregolarizza din id-dikjarazzjoni bil-produzzjoni tad-dokumenti neqsin.

28      L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati mal-kuntratt inkwistjoni kienu jippreċiżaw li l-offerenti kellhom jiddepożitaw, taħt piena ta’ esklużjoni, dikjarazzjoni ġuramentata li tiddikkjara li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 38 tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi kienu ssodisfatti.

29      Matul l-ewwel seduta pubblika tagħha, l-awtorità kontraenti kkonċernata fetħet l-envelops amministrattivi u kkonstatat li Duemme kienet naqset milli tinkludi d-dikjarazzjonijiet ġuramentati msemmija iktar ’il fuq, li jiddikkjaraw li l-viċi-president u d-direttur ġenerali tagħha qatt ma kienu ġew ikkundannati f’sentenza finali. Hija, konsegwentement, stiednet lil Duemme, b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi u tal-Artikolu 7 tal-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jipproduċu d-dikjarazzjonijiet neqsin u tħallas is-sanzjoni pekunjarja korrispondenti, jiġifieri EUR 50 000.

30      Duemme kkompletat id-dokumentazzjoni mitluba fit-terminu stabbilit, iżda rrifjutat li tħallas fl-intier tagħha din is-sanzjoni pekunjarja, billi kkontestat il-prinċipju tagħha. Iċ-CNPR għalhekk intimat lil Duemme tħallas l-imsemmija sanzjoni pekunjarja, fejn informatha li, f’każ ta’ rifjut, hija kienet ser tippreleva l-ammont mill-garanzija provviżorja tagħha.

31      Fid-9 ta’ Jannar 2015, Duemme ressqet quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Lazio) talba għall-annullament tal-imsemmija sanzjoni pekunjarja, fejn eċċepiet, b’mod partikolari, l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi mal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18. B’mod parallel, l-impriża offerenti ħallset lill-awtorità kontraenti EUR 8 500 bħala ħlas tas-sanzjoni mnaqqsa, somma li ġiet aċċettata minn din tal-aħħar bħala akkont.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi identiċi għal dawk magħmula fil-Kawża C-523/16.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C-523/16 u C-536/16 jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

 Osservazzjonijiet preliminari

34      Għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li minkejja li, kemm fil-Kawża C‑523/16 kif ukoll fil-Kawża C-536/16, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma b’mod ġenerali ħafna dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr iżjed preċiżazzjoni, din tal-aħħar madankollu tippreċiża, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, li hija kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi ma’, minn naħa, l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18 u l-prinċipji tal-ikbar kompetizzjoni possibbli, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità u, min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 59(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [il-kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

35      Madankollu, fid-dawl tad-dati tal-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri fix-xahar ta’ Jannar 2016 fil-Kawża C-523/16 u fix-xahar ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-536/16, id-Direttiva 2014/24, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada, skont l-Artikolu 90 tagħha, fit-18 ta’ April 2016, ma hijiex applikabbli ratione temporis għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali.

36      Fil-fatt, dawn id-dati huma neċessarjament posterjuri għall-mument fejn l-awtorità kontraenti kienet għażlet it-tip ta’ proċedura li kellha tiġi segwita u ddeċidiet definittivament il-kwistjoni dwar jekk kienx hemmx jew le obbligu li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Issa skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-direttiva applikabbli fil-qasam tal-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi hija, bħala regola, dik fis-seħħ fil-mument meta l-awtorità kontraenti tagħmel tali għażla. Għall-kuntrarju, ma humiex applikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha jkun skada wara dan iż-żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-337/98, EU:C:2000:543, punti 36, 37, 41 u 42; tal-11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-576/10, EU:C:2013:510, punti 52 sa 54; tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C-213/13, EU:C:2014:2067, punti 31 sa 33; tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C-324/14, EU:C:2016:214, punt 83, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen, C-292/15, EU:C:2016:817, punti 31 u 32).

37      Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li, fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-523/16, hija d-Direttiva 2004/17 u mhux id-Direttiva 2004/18 li, kif osservat il-Kummissjoni, għandha tapplika.

38      Issa, id-Direttiva 2004/17 ma tinkludix dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18.

39      Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, minkejja l-assenza, fid-Direttiva 2004/17, ta’ kwalunkwe dispożizzjoni espressa f’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-awtorità kontraenti tista’ tistieden offerent jikkjarifika offerta jew jirrettifika żball materjali manifest li tkun tinkludi din tal-aħħar, taħt ir-riżerva tal-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, u, b’mod partikolari, li tali stedina tkun indirizzata lil kull offerent fl-istess sitwazzjoni, li l-offerenti kollha jkunu ttrattati b’mod ugwali u leali u li din il-kjarifika jew din ir-rettifika ma jkunux jistgħu jiġu assimilati għall-preżentazzjoni ta’ offerta ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C-131/16, EU:C:2017:358, punti 29 sa 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 230 tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprovdi li l-Artikolu 38(2a) tal-imsemmi kodiċi għandu japplika għas-setturi prinċipali msemmija mid-Direttiva 2004/17.

41      Fl-aħħar nett, anki jekk, kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju, formalment illimitat it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, dan il-fatt ma jostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kwistjonijiet li tkun adita bihom, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom jew le fil-formulazzjoni tal-imsemmija domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP, C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8, kif ukoll tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C-532/06, EU:C:2008:40, punt 23).

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wara li huwa ppreċiżat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema hija d-direttiva li għandha tapplika fil-Kawża C-523/16, id-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari li hija adita bihom għandhom jinftiehmu fis-sens li ma jirrigwardawx biss l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’ il-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, imsemmija kemm fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17 kif ukoll fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq id-domandi preliminari

43      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, il-prinċipji dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li fosthom jinsabu l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17 u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ assistenza għall-preparazzjoni tal-fajl, li b’applikazzjoni tagħha l-awtorità kontraenti tista’, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, tistieden lill-offerent li l-offerta tiegħu tkun ivvizzjata b’irregolaritajiet sostanzjali, fis-sens tal-imsemmija leġiżlazzjoni, sabiex jirregolarizza l-offerta tiegħu, taħt ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja, li l-ammont għoli tagħha, stabbilit minn qabel mill-awtorità kontraenti u ggarantit mill-garanzija provviżorja, ma jistax jiġi mibdul abbażi tal-gravità tal-irregolarità li jkun irremedja.

44      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-awtorità kontraenti tista’ tistieden lill-operaturi ekonomiċi jikkompletaw jew jispjegaw iċ-ċertifikati u dokumenti ppreżentati b’applikazzjoni tal-Artikoli 45 sa 50 tal-imsemmija direttiva.

45      Din id-dispożizzjoni hija llimitata sabiex tipprevedi sempliċi possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tistieden lill-offerenti li jagħmlu offerta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jikkompletaw jew jispjegaw id-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-offerta tagħhom, fejn juru l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom u l-konoxxenzi jew kapaċitajiet professjonali u tekniċi tagħhom. La din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2004/18 ma jinkludu preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet skont liema tali regolarizzazzjoni tista’ sseħħ jew taħt liema kundizzjonijiet hija tista’, skont il-każ, ssir.

46      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/18 li l-Istati Membri għandhom jadottaw, dawn tal-aħħar huma, bħala regola, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, liberi mhux biss li jinkludu tali possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni ta’ offerti fid-dritt nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin, C-396/14, EU:C:2016:347, punt 35), iżda wkoll li jirregolamentawha.

47      L-Istati Membri jistgħu għalhekk, għal din ir-raġuni, jiddeċiedu li jissuġġettaw din il-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni għall-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja, kif jipprovdi, f’dan il-każ l-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.

48      Madankollu, mill-mument li dawn jimplementaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, l-Istati Membri għandhom jaraw li ma jikkompremettux it-twettiq tal-għanijiet intiżi minn din id-direttiva u li ma jippreġudikaw la l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas tad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji l-oħra rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma, C-410/14, EU:C:2016:399, punt 34).

49      Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità kontraenti taċċetta kwalunkwe rettifika għal omissjonijiet, li skont id-dispożizzjonijiet espressi tad-dokumenti tal-kuntratt, għandhom iwasslu għall-esklużjoni tal-offerent (sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 46, u tal-10 ta’ Novembru 2016, Ciclat, C-199/15, EU:C:2016:853, punt 30).

50      Fit-tieni lok, minkejja li d-Direttiva 2004/17 ma tinkludix dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ebda waħda minn dawn id-direttivi ma tipprekludi li l-informazzjoni ta’ offerent tista’ tiġi kkoreġuta jew issupplimentata fuq punti speċifiċi, fil-każ li din teħtieġ kjarifika, jew sabiex jiġu kkoreġuti żbalji materjali manifesti, bla ħsara, madankollu, għal ċerti rekwiżiti (sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 40, kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C-131/16, EU:C:2017:358, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet li talba għal kjarifika ma tistax tirrimedja n-nuqqas ta’ att jew ta’ informazzjoni li l-komunikazzjoni tagħhom kienet meħtieġa mid-dokumenti tal-kuntratt, u l-awtorità kontraenti hija obbligata tosserva strettament il-kriterji li tkun stabbilixxiet hija stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C-336/12, EU:C:2013:647, punt 40, kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C-131/16, EU:C:2017:358, punt 33).

52      Fil-fatt, tali talba ma tistax twassal għas-sottomissjoni, minn offerent ikkonċernat, ta’ dik li fir-realtà tidher li tkun offerta ġdida (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C-599/10, EU:C:2012:191, punt 40, kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C-131/16, EU:C:2017:358, punt 31).

53      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li l-għoti ta’ kuntratti konklużi fl-Istati Membri għandu josserva, kif jirriżulta kemm mill-premessa 9 tad-Direttiva 2004/17 kif ukoll mill-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan il-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C‑213/07, EU:C:2008:731, punti 48 u 61; tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur, C-538/07, EU:C:2009:317, punti 21 u 23; tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili, C-376/08, EU:C:2009:808, punt 33, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, Impresa Edilux u SICEF, C-425/14, EU:C:2015:721, punt 29).

54      Huwa fid-dawl tal-premessi preċedenti li l-qorti tar-rinviju, l-unika kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandha teżamina jekk, inkunsiderazzjoni tal-fatti taż-żewġ kawżi prinċipali, ir-regolarizzazzjonijiet mitluba mill-awtoritajiet kontraenti kinux jirrigwardaw il-komunikazzjoni ta’ dokumenti li l-assenza tagħhom kellha twassal għall-esklużjoni tal-offerenti jew jekk, għall-kuntrarju, kinux jikkostitwixxu sempliċi talbiet ta’ kjarifika tal-offerti li jeħtieġu li jiġu kkoreġuti jew issuplementati jew ikunu suġġetti għal korrezzjoni ta’ żbalji materjali manifesti.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett stess ta’ irregolarità sostanzjali, li ma huwiex iddefinit fl-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, ma jidher kompatibbli la mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18 u lanqas mar-rekwiżiti li għalihom il-kjarifika ta’ offerta fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku li jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/17 hija, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza, suġġetta.

56      Minn dan jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ assistenza għall-preparazzjoni tal-fajl previst fl-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi ma japplikax fl-ipoteżi fejn l-offerta magħmula minn offerent ma tkunx tista’ tiġi rregolarizzata jew iċċarata fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza u li, għaldaqstant, ebda sanzjoni ma tista’ tiġi imposta fuqu f’dan il-każ.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li t-talbiet ta’ regolarizzazzjoni jew ta’ kjarifika magħmula mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jissoddisfaw ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza li hija għandha teżamina l-punt jekk is-sanzjonijiet pekunjarji imposti fiż-żewġ kawżi prinċipali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, ngħatawx fl-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità.

58      Madankollu, mitluba tagħti lill-qorti tar-rinviju risposti utli għad-domandi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti lil din tal-aħħar indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jintbagħtulha, b’mod li jippermettulha li tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1993, Thomas et, C-328/91, EU:C:1993:117, punt 13; tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C-157/15, EU:C:2017:203, punt 36, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2017, SMS group, C-441/16, EU:C:2017:712, punt 48).

59      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 38(2a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, hija l-awtorità kontraenti li għandha tistabbilixxi, fil-limitu tal-parametri ddefiniti minn din id-definizzjoni, l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja li tista’ tiġi imposta fuq l-offerent mitlub jirregolarizza l-offerta tiegħu.

60      Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti attenzjoni għall-fatt li s-sanzjoni pekunjarja hija stabbilita minn qabel mill-awtorità kontraenti u li l-ammont tagħha huwa għoli u li ma jistax jiġi adattat skont il-gravità tal-irregolarità li hija rrimedjata. Hija tippreċiża, barra minn hekk, li l-istabbiliment ta’ tali sanzjoni huwa ġġustifikat mill-bżonn, minn naħa, li l-offerenti jkunu responsabbli, u għalhekk jippreparaw b’attenzjoni u diliġenza l-offerta tagħhom, u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkumpensat l-oneru addizzjonali li tfisser kull regolarizzazzjoni għall-awtorità kontraenti.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-iffissar minn qabel mill-awtorità kontraenti tal-ammont tas-sanzjoni fl-avviż ta’ kuntratt jirrispondi, ċertament, kif irrelevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali, sa fejn jippermetti oġġettivament li jiġi evitat trattament diskrimintorju jew arbitrarju ta’ dawn tal-aħħar mill-awtorità kontraenti.

62      Xorta jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni awtomatika tas-sanzjoni hekk iffissata minn qabel, indipendentement min-natura tar-regolarizzazzjonijiet magħmula mill-offerent negliġenti u għalhekk ukoll fl-assenza ta’ kwalunkwe motivazzjoni individwalizzata, ma tidhirx kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

63      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja tikkostitwixxi, ċertament, motiv xieraq fid-dawl tat-twettiq tal-għanijiet leġittimi intiżi mill-Istat Membru, dwar in-neċessità, minn naħa, li l-offerenti jkunu responsabbli fil-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkumpensat l-oneru finanzjarju li kull regolarizzazzjoni tista’ tirrappreżenta għall-awtorità kontraenti.

64      Madankollu, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, ammonti ta’ sanzjonijiet, bħal dawk stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti fiż-żewġ tilwimiet fil-kawżi prinċipali, jidhru manifestament sproporzjonati bħala tali, fid-dawl tal-limiti li fihom għandhom isiru kemm ir-regolarizzazzjoni ta’ offerta skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18 kif ukoll il-kjarifika ta’ offerta fil-kuntest tad-Direttiva 2004/17. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ sanzjoni, bħal dik imposta mill-awtorità kontraenti fil-Kawża C-523/16, li tidher manifestament eċċessiva fid-dawl tal-fatti inkwistjoni, jiġifieri l-assenza ta’ firma ta’ dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà bl-isem tal-kumpannija kap tal-assoċjazzjoni li tagħmel l-offerta.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għaż-żewġ domandi magħmula għandha tkun kif ġej:

–        Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, il-prinċipji dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li fosthom jinsabu l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17 u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali milli tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ assistenza għall-preparazzjoni tal-fajl, li b’applikazzjoni tagħha l-awtorità kontraenti tista’, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, tistieden lil kull offerent li l-offerta tiegħu hija vvizzjata b’irregolaritajiet sostanzjali, fis-sens tal-imsemmija leġiżlazzjoni, jirregolarizza l-offerta tiegħu, taħt riżerva ta’ ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja, sakemm l-ammont ta’ din is-sanzjoni jibqa’ konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.

–        Min-naħa l-oħra, dawn l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ assistenza għall-preprazzjoni tal-fajl li b’applikazzjoni tiegħu l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi minn offerent, permezz tal-ħlas minn dan tal-aħħar ta’ sanzjoni pekunjarja, li jirrimedja għall-assenza ta’ dokument li, skont id-dispożizzjonijiet espressi tad-dokumenti tal-kuntratt, għandhom iwasslu għall-esklużjoni tiegħu, jew li jelimina l-irregolaritajiet li jaffettwaw l-offerta tiegħu b’mod li l-korrezzjonijiet jew modifiki li jsiru jkunu jixbhu ħafna l-preżentazzjoni ta’ offerta ġdida.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], il-prinċipji dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li fosthom jinsabu l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali milli tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ assistenza għall-preparazzjoni tal-fajl, li b’applikazzjoni tagħha l-awtorità kontraenti tista’, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, tistieden lil kull offerent li l-offerta tiegħu hija vvizzjata b’irregolaritajiet sostanzjali, fis-sens tal-imsemmija leġiżlazzjoni, jirregolarizza l-offerta tiegħu, taħt riżerva ta’ ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja, sakemm l-ammont ta’ din is-sanzjoni jibqa’ konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.

Min-naħa l-oħra, dawn l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ assistenza għall-preprazzjoni tal-fajl li b’applikazzjoni tiegħu l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi minn offerent, permezz tal-ħlas minn dan tal-aħħar ta’ sanzjoni pekunjarja, li jirrimedja għall-assenza ta’ dokument li, skont id-dispożizzjonijiet espressi tad-dokumenti tal-kuntratt, għandhom iwasslu għall-esklużjoni tiegħu, jew li jelimina l-irregolaritajiet li jaffettwaw l-offerta tiegħu b’mod li l-korrezzjonijiet jew modifiki li jsiru jkunu jixbhu ħafna l-preżentazzjoni ta’ offerta ġdida.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.