Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2019 mill-Hamas mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) fl-14 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-400/10 RENV, Hamas vs Il-Kunsill

(Kawża C-122/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Hamas (rappreżentant: L. Glock, avocat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Ir-Repubblika Franċiża, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il-Kunsill, T-400/10 RENV, sa fejn tiċħad it-talba għall-annullament tal-atti segwenti:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/430/PESK tat-18 ta’ Lulju 2011 (ĠU 2011, L 188, p. 47) li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/872/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2011 (ĠU 2011, L 343, p. 54), 2012/333/PESK tal-25 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 165, p. 72), 2012/765/PESK tal-10 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 337, p. 50), 2013/395/PESK tal-25 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 201, p. 57), 2014/72/PESK tal-10 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 40, p. 56), u 2014/483/PESK tat-22 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 217, p. 35) li jaġġornaw u, jekk ikun il-każ, jemendaw il-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplikaw l-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li jħassru, rispettivament, id-Deċiżjonijiet 2011/430, 2011/872, 2012/333, 2012/765, 2013/395 u 2014/72,

kif ukoll

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 tat-18 ta’ Lulju 2011 (ĠU 2011, L 188, p. 2), Nru 1375/2011 tat-22 ta’ Diċembru 2011 (ĠU 2011, L 343, p. 10), Nru 542/2012 tal-25 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 165, p. 12), Nru 1169/2012 tal-10 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 337, p. 2), Nru 714/2013 tal-25 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 201, p. 10), Nru 125/2014 tal-10 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 40, p. 9), u Nru 790/2014 tat-22 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1), li jimplimentaw l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassru r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nri 83/2011, 687/2011, 1375/2011, 542/2012, 1169/2012, 714/2013 u 125/2014,

sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lill-Hamas, inkluż lil Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

tiddeċiedi definittivament fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha fil-Kawżi T-400/10, T-400/10 RENV, C-79/15 P u f’din il-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova tal-materjalità tal-fatti:

Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji dwar l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova ddefiniti fis-sentenza Il-Kunsill vs Hamas, C-79/15 P, u imponiet fuq il-Hamas oneru tal-prova estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli;

Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji dwar l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova billi ddeċidiet li l-Hamas ma kinitx ifformolat kontestazzjoni konkreta u ddettaljata tal-fatti stabbiliti mill-Kunsill;

Il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li tirrispondi b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha invokati mill-appellanti dwar il-possibbiltà li jiġu imputati lilha atti ta’ terroriżmu.

It-tieni aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv:

Il-Qorti Ġenerali ċaħħdet lill-appellanti mid-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv billi ma kkonstatatx li l-Kunsill ma kienx wera l-materjalità tal-fatti li jinsabu fl-espożizzjoni tal-motivi tiegħu;

Il-Qorti Ġenerali kompliet tikser id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv minkejja li miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kienet ikkonfermat li l-atti kontenzjużi ma kinux ibbażati fuq bażi fattwali solida biżżejjed;

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq żball tal-Kunsill dwar il-materjalità tal-fatti wara proċedura żbilanċjata, liema fatt ikkawża preġudizzju lill-appellanti.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni billi ddeċidiet li d-deċiżjoni Brittanika li invoka l-Kunsill kienet kundanna:

Il-klassifikazzjoni ta’ kundanna proposta mill-Qorti Ġenerali ma hijiex konformi mal-kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Konġunta 2001/931 u xxejjen minn kull sustanza l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti;

Billi telqet minn din il-klassifikazzjoni żbaljata, il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll impossibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tal-klassifikazzjoni tal-fatti bbażati fuq deċiżjonijiet nazzjonali.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali setgħet tiċħad il-motiv li jgħid li l-Kunsill ma kienx ħa suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni minħabba l-iżvolġiment taż-żmien biss bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’sostituzzjoni illegali tal-motivi, u billi titlaq minn premessa żbaljata.

Il-ħames motiv: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 296 TFUE billi ddeċidiet li l-fatti stabbiliti b’mod awtonomu mill-Kunsill u l-klassifikazzjoni tagħhom huma esposti b’mod suffiċjentement preċiż u konkret fil-motivi sabiex jiġu kkontestati mill-appellanti u mistħarrġa mill-qorti.

____________