Language of document : ECLI:EU:C:2019:100

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C-724/17

Vantaan kaupunki

vs

Skanska Industrial Solutions Oy

NCC Industry Oy

Asfaltmix Oy

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 101 TFUE — Infurzar privat tad-dritt tal-kompetizzjoni — Responsabbiltà privata — Talba għal kumpens — Kumpens għal danni kkawżati minn imġiba li tmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni — Prerekwiżiti għal kumpens — Persuni responsabbli għal ħlas ta’ kumpens — Kunċett ta’ impriża — Prinċipju ta’ kontinwità ekonomika”






1.        Dan il-każ jikkonċerna l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà privata għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, responsabbiltà li kienet argumentat bil-qawwa mill-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-konklużjonijiet seminali tiegħu mogħtija madwar 25 sena ilu fil-kawża Banks (2). Qbilt ma dawk il-konklużjonijiet dakinhar u għadhom jipprovduli ispirazzjoni sal-lum. Huwa għalhekk ta’ pjaċir li ser intemm il-mandat tiegħi bħala Avukat Ġenerali billi nagħti konklużjonijiet f’dan l-istess qasam u li nibni fuq il-wirt tal-konklużjonijiet fil-kawża Banks.

2.        Minn dawk il-konklużjonijiet ’il hawn seħħew żviluppi ġuridiċi (3) u leġiżlattivi (4) importanti fil-qasam tar-responsabbiltà privata. Madankollu, ħafna kwistjonijiet ta’ importanza fundamentali għadhom mhux imwieġba. Waħda minn dawn il-kwistjonijiet tikkonċerna l-persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

3.        Fl-infurzar pubbliku tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika huwa applikat sabiex jgħin fid-determinazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ksur ta’ dawn ir-regoli. Ibbażat fuq interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “impriża” imsemmi fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, dan il-prinċipju jipprevedi li r-responsabbiltà ma hijiex limitata għall-entità legali li pparteċipat fl-imġiba antikompetittiva. Fil-każ ta’ ristrutturazzjoni jew tibdil ieħor fl-istruttura tal-kumpannija, jistgħu jiġu imposti pagamenti ta’ penalità fuq kwalunkwe entità li hija identika, f’termini ekonomiċi, għall-entità li kisret id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (5).

4.        Fil-każ preżenti, tqum il-mistoqsija dwar jekk dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandux jiġi applikat ukoll fil-kuntest tal-infurzar privat tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk f’azzjoni għal danni taħt id-dritt privat, kumpannija li kompliet l-attività ekonomika ta’ parteċipant f’kartell tistax tinżamm responsabbli għal ħlas ta’ kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

I.      Il-kuntest ġuridiku

5.        Skont id-dritt Finlandiż, huwa biss is-suġġett tal-liġi li kkawża d-dannu li, bħala prinċipju, huwa responsabbli għal ħlas ta’ kumpens.

6.        Skont il-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar il-kumpanniji, kull kumpannija b’responsabbiltà limitata hija persuna ġuridika distinta bil-proprjetà u bir-responsabbiltà rispettivi tagħha.

7.        Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-prerekwiżiti għal kumpens fil-kuntest ta’ responsabbiltà extra-kuntrattwali, persuna li deliberatament jew b’negliġenza tikkawża dannu lil persuna oħra tista’ tkun suġġetta, skont id-dritt Finlandiż, għal ħlas ta’ kumpens.

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

8.        Bejn l-1994 u l-2002, fil-Finlandja kien hemm kartell jopera fis-suq tal-asfalt. B’deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2009, il-korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) imponiet pagamenti ta’ penalità fuq seba’ kumpanniji għal imġiba antikompetittiva, imġiba li tqieset li tmur kontra l-liġi nazzjonali dwar ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni u kontra dak li llum huwa l-Artikolu 101 TFUE (fid-dawl tal-effett ta’ dak il-kartell fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri).

9.        Waħda mill-kumpanniji li ġiet ordnata tħallas pagamenti ta’ penalità kienet Lemminkäinen Oyj, kumpannija li magħha Vantaan kaupunki (il-Muniċipalità ta’ Vantaa) kienet ikkonkludiet kuntratti għal xogħlijiet ta’ asfalt fil-perijodu bejn l-1998 u l-2001.

10.      Minn dak iż-żmien, għal kuntrarju ta’ Lemminkäinen Oyj, xi kumpanniji oħra involuti fil-kartell, jiġifieri Sata-Asfaltti Oy, Interasfaltti Oy u Asfalttineliö Oy, ġew xolti fi proċeduri ta’ likwidazzjoni volontarja u l-azzjonisti uniċi rispettivi tagħhom, issa msejħa Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy u Asfaltmix Oy, kisbu l-assi tas-sussidjarji tagħhom u komplew l-attività ekonomika tagħhom.

11.      Abbażi tal-prinċipju tal-kontinwità ekonomika, il-korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) imponiet pagamenti ta’ penalità fuq Skanska Industrial Solutions Oy għall-imġiba tagħha stess u għal dik ta’ Sata-Asfaltti Oy, fuq NCC Industry Oy għall-imġiba ta’ Interasfaltti Oy, u fuq Asfaltmix Oy għall-imġiba ta’ Asfalttineliö Oy.

12.      Wara d-deċiżjoni tal-korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema), Vantaan kaupunki ressqet azzjoni għal danni quddiem il-qorti distrettwali kompetenti, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja, iktar ’il quddiem il-“qorti distrettwali”), kontra l-kumpanniji li kienu ordnati jħallsu pagamenti ta’ penalità, inklużi Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy u Asfaltmix Oy.

13.      F’dawk il-proċeduri, Vantaan kaupunki talbet kumpens flimkien u in solidum mingħand dawn il-kumpanniji għad-danni kkawżati mill-prezzijiet eċċessivi mħallsa għal xogħlijiet ta’ asfalt minħabba l-kartell. Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy u Asfaltmix Oy ikkontestaw l-azzjoni inter alia minħabba li ma setgħux jinżammu responsabbli għal danni allegatament ikkawżati minn kumpanniji legalment indipendenti. Għaldaqstant, huma argumentaw li t-talbiet għal kumpens kellhom ikunu diretti kontra l-kumpanniji xolti fil-proċeduri ta’ likwidazzjoni. Fl-opinjoni tagħhom, billi t-talbiet ma tressqux fil-proċeduri ta’ likwidazzjoni volontarji li fihom ġew xolti l-kumpanniji li kienu pparteċipaw fil-kartell, l-obbligi ma baqgħux jeżistu.

14.      Għalhekk, id-domanda li tinsab fil-qalba tal-proċeduri nazzjonali hija jekk Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy u Asfaltmix Oy jistgħux jinżammu responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens għal danni kkawżati mill-imġiba antikompetittiva ta’ Sata-Asfaltti Oy, Interasfaltti Oy u Asfalttineliö Oy. Il-qorti distrettwali u l-qorti tal-appell ħadu pożizzjonijiet diverġenti f’dan ir-rigward.

15.      Il-qorti distrettwali sabet li jekk il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika ma jiġix applikat f’sitwazzjoni bħal din, fil-prattika jista’ jkun impossibbli jew irraġonevolment diffiċli li individwu jikseb kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni rilevanti. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kumpannija li tkun wettqet il-ksur tkun waqfet topera u tkun ġiet xolta. Fid-dawl ta’ dan, il-qorti distrettwali kkunsidrat li, sabiex tiżgura l-effettività tal-Artikolu 101 TFUE, l-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà għal pagamenti ta’ penalità, minn naħa, u l-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà għal danni, min-naħa l-oħra, għandhom jobdu l-istess prinċipji. Fuq din il-bażi l-qorti distrettwali kkonkludiet li Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy u Asfaltmix Oy kienu responsabbli għall-ħlas tal-kumpens li jirriżulta mill-imġiba antikompetittiva ta’ Sata-Asfaltti Oy, Interasfaltti Oy u Asfalttineliö Oy.

16.      Din id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem il-qorti tal-appell kompetenti, il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja, iktar ’il quddiem il-“qorti tal-appell”). Il-qorti tal-appell sabet li ma kien hemm l-ebda bażi biex jiġi applikat il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika għal azzjonijiet tad-dritt privat għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fl-opinjoni tal-istess qorti, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma tistax tintuża bħala ġustifikazzjoni għall-interferenza mal-prinċipji fundamentali ta’ responsabbiltà extra-kuntrattwali li ġejja mis-sistema legali nazzjonali. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet iktar dettaljati f’dan ir-rigward, il-prinċipji li jirregolaw l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ma għandhomx jiġu applikati fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni taħt id-dritt privat. Għalhekk il-qorti tal-appell ċaħdet it-talbiet ta’ Vantaan kaupunki li kienu diretti kontra Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy u Asfaltmix Oy għall-imġiba ta’ Sata-Asfaltti Oy, Interasfaltti Oy u Asfalttineliö Oy.

17.      F’dawn l-istess proċeduri, il-qorti tal-appell ordnat lil Lemminkäinen Oyj tħallas lil Vantaan kaupunki kumpens għad-danni kkawżat mill-kartell. Minn dak iż-żmien, Lemminkäinen Oyj ħallset il-kumpens ordnat lill-muniċipalità.

18.      Madankollu, l-istess kif għamlet Vantaan kaupunki, Lemminkäinen Oyj talbet permess biex tappella quddiem il-korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) u ngħatat permess tappella. Lemminkäinen Oyj targumenta inter alia li l-kumpens li ġiet ordnata tħallas għandu jitnaqqas minħabba li Vantaan kaupunki ma talbitx kumpens mill-kumpanniji (issa xolti) li pparteċipaw fil-kartell. Vantaan kaupunki ngħatat permess tappella quddiem il-korkein oikeus (il-Qorti Suprema) dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-responsabbiltà privata tistax tiġi attribwita lil Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy u Asfaltmix Oy fuq il-bażi tal-prinċipju tal-kontinwità ekonomika.

19.      Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti ppreżentati quddiemha, il-korkein oikeus (il-Qorti Suprema) għandha tiddeċiedi jekk ir-responsabbiltà għal kumpens tistax tiġi attribwita lil kumpannija li tkun ħadet l-attività ekonomika ta’ parteċipant fil-kartell u li ġiet xolta fi proċedura ta’ likwidazzjoni volontarja. F’dan ir-rigward, il-korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tispjega li l-punt tat-tluq tar-responsabbiltà extra-kuntrattwali, skont id-dritt Finlandiż, huwa li hija biss il-persuna (ġuridika) li kkawżat id-dannu biss tista’ tinżamm responsabbli għal kumpens. Dan huwa hekk apparti minn ċerti ċirkustanzi fejn it-tneħħija tal-awtonomija tal-persuna ġuridika (“lifting the corporate veil”) titqies neċessarja sabiex jiġi żgurat li r-responsabbiltà ma tkunx evitata bla bżonn.

20.      Minħabba dubji li kellha dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, il-korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      Id-determinazzjoni tal-entitajiet marbuta li jikkumpensaw dannu kkawżat minn aġir li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE għandha ssir fuq il-bażi ta’ applikazzjoni diretta ta’ din id-dispożizzjoni, jew fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

(2)      Fil-każ li l-entitajiet responsabbli għandhom jiġu ddeterminati direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 101 TFUE, l-entitajiet marbuta li jikkumpensaw id-dannu huma dawk li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ‘impriża’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni? Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli għall-kumpens tad-danni, għandhom jiġu applikati l-istess prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli fil-kuntest tas-sanzjonijiet pekunjarji u li skonthom ir-responsabbiltà tista’ b’mod partikolari tkun ibbażata fuq l-appartenenza għall-istess unità ekonomika jew fuq il-kontinwità ekonomika?

(3)      Fil-każ li l-entitajiet responsabbli għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-Istati Membri, għandha titqies li tmur kontra r-rekwiżit ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha kumpannija li, wara li tkun kisbet il-kapital azzjonarju kollu ta’ kumpannija li pparteċipat f’akkordju pprojbit mill-Artikolu 101 TFUE, xoljiet il-kumpannija inkwistjoni u assumiet l-attività tagħha, ma tkunx marbuta tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-aġir antikompetittiv tal-kumpannija inkwistjoni, anki jekk ikun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb kumpens mill-kumpannija xolta? Ir-rekwiżit ta’ effettività jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt intern tal-Istat Membru li jissuġġetta r-responsabbiltà għad-danni għall-kundizzjoni li operazzjoni ta’ trasformazzjoni tat-tip hawn fuq deskritta tkun twettqet b’mod illegali jew artifiċjali, sabiex jiġi evitat l-obbligu tal-kumpens tad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jew għal skopijiet frawdolenti oħra, jew, tal-inqas, għall-kundizzjoni li l-kumpannija kienet taf jew kellha tkun taf bil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-mumenet li hija wettqet din l-operazzjoni ta’ trasformazzjoni?”

21.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Vantaan kaupunki, minn Skanska Industrial Solutions Oy (iktar ’il quddiem “Skanska”), minn NCC Industry Oy (iktar ’il quddiem “NCC Industry”) u minn Asfaltmix Oy (iktar ’il quddiem “Asfaltmix”), mill-Gvernijiet tal-Finlandja, tal-Italja u tal-Polonja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Minbarra Asfaltmix u l-Gvernijiet tal-Italja u tal-Polonja, l-imsemmija partijiet ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali matul is-seduta tas-16 ta’ Jannar 2019.

III. Analiżi

22.      Dan il-każ jirrigwarda aspett fundamentali tal-infurzar privat tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni: iż-żona ta’ interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jirregolaw it-talbiet għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bbażati fuq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Tabilħaqq, il-prinċipji li jirregolaw ir-responsabbiltà privata għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet id-dritt li jintalab kumpens għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mit-Trattati (6) u tat indikazzjonijiet dwar xi aspetti iktar speċifiċi tad-dritt li jintalab kumpens (7), l-infurzar privat tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni madankollu jiddependi wkoll fuq id-dritt nazzjonali privat u fuq ir-regoli proċedurali.

23.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jitfa dawl fuq l-interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri fid-Direttiva 2014/104, strument li madankollu ma huwiex applikabbli ratione temporis għal dan il-każ. Din id-direttiva issa armonizzat ċerti aspetti tal-azzjonijiet għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali. Madankollu, l-istess bħall-ġurisprudenza, din id-direttiva tħalli diversi domandi ta’ prinċipju mingħajr risposta.

24.      Waħda minn dawn id-domandi hija kif (u, b’mod partikolari, fuq liema bażi legali) għandhom jiġu aċċertati l-persuni li għandhom jinżammu responsabbli għal dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità li tindirizza din id-domanda: il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi sa fejn id-dritt tal-Unjoni jiddetta kif għandha tiġi attribwita r-responsabbiltà f’azzjonijiet taħt id-dritt privat għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni imressqa quddiem il-qrati nazzjonali.

25.      Qabel ma ngħaddi għal din il-kwistjoni, irrid nagħmel xi kummenti introduttorji dwar is-sistema ta’ infurzar privat tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

A.      Introduzzjoni: is-sistema ta’ infurzar privat tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni

26.      B’mod ġenerali, f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà extra-kuntrattwali fis-sistemi legali Ewropej, parti tista’, permezz ta’ azzjoni ta’ dritt privat għal danni, tfittex kumpens għad-danni kkawżati minn imġiba jew azzjoni partikolari. Madankollu, skont is-sistema legali, id-dettalji preċiżi ta’ dawn it-talbiet imressqa quddiem il-qrati huma rregolati minn regoli u prinċipji li huma differenti b’mod impressjonanti. It-tradizzjonijiet legali differenti fost l-Istati Membri tal-Unjoni jispjegaw għalfejn jeżistu diverġenzi, fost affarijiet oħra, fir-rigward tat-tip ta’ kondotta li tista’ twassal għal responsabbiltà (ibbażata pereżempju fuq tort, delitt, kważi delitt jew responsabbiltà stretta); liema persuni jistgħu jitqiesu li huma partijiet leżi; kawżalità; il-partijiet li jistgħu jinżammu responsabbli għall-allegat dannu; u l-kategoriji ta’ danni li jistgħu jiġu kkumpensati.

27.      Madankollu, minkejja dawn id-differenzi, talbiet għal kumpens fl-Ewropa għandhom tendenza li jkollhom funzjoni primarjament reparatorja-cum-kumpensatorja (restitutio ad integrum). Għalkemm il-fatt li wieħed ikollu jħallas kumpens jista’ wkoll ikollu l-funzjoni dissważiva f’ċerti kuntesti, ir-responsabbiltà għad-danni bħala element dissważiv awtonomu (jew kastig) għal imġiba mhux mixtieqa huma probabbilment fenomenu inqas mifrux fix-xenarju legali Ewropew.

28.      Madankollu, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-azzjonijiet għad-danni huma intiżi li jwettqu ż-żewġ funzjonijiet. Minn naħa, talba għal danni kkawżata minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha funzjoni ta’ kumpens. Tali talbiet jippermettu li individwi jfittxu kumpens sħiħ għal kwalunkwe danni allegatament imġarrba minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (8). Min-naħa l-oħra, talba taħt id-dritt privat għal kumpens għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jista’ wkoll ikollha effett dissważiv, u b’hekk tikkumplimenta l-infurzar pubbliku.

1.      L-importanza li l-ġurisprudenza tagħti lill-effettività sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjonital-Unjoni u lid-dissważjoni

29.      Bl-użu ta’ lingwaġġ qawwi dwar id-drittijiet u l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari l-effett dissważiv tal-azzjonijiet għal danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet is-sisien għal sistema ta’ infurzar privat fl-Unjoni Ewropea fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Courage (9) u Manfredi (10). F’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet id-dritt - ta’ kull individwu - li jitlob kumpens għad-danni kkawżati minn aġir antikompetittiv (11).

a)      Il-funzjoni doppja tal-azzjonijiet għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

31.      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt li jintalab kumpens ma kienx ġie stabbilit sempliċement sabiex jiġi żgurat li jsir tajjeb għad-danni kkawżati minn aġir antikompetittiv. Anzi, tali dritt kien marbut mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (12). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet speċifikament li d-dritt li jintalbu danni jsaħħaħ l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi jiskoraġġixxi lill-impriżi milli jidħlu fi ftehimiet antikompetittivi jew milli jipparteċipaw fi prattiki u akkordji antikompetittivi oħra li huma ta’ spiss moħbija. L-azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali huma għalhekk ukoll għodda għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea (13). Fi kliem ieħor, dawk l-azzjonijiet għandhom l-għan li jiskoraġġixxu lill-impriżi milli jadottaw aġiri li jkunu ta’ ħsara għall-kompetizzjoni.

32.      Madankollu huwa importanti li jiġi nnotat li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet dritt li jintalbu d-danni fuq il-bażi tal-Artikolu 101 TFUE, sa issa astjeniet milli tiddefinixxi b’mod ċar il-kundizzjonijiet ewlenin tar-responsabbiltà privata. Barra minn hekk, huwa ċar li l-qafas proċedurali u sostantiv meħtieġ biex jinkisbu d-danni quddiem qorti jaqa’, bħala prinċipju, fl-isfera tad-dritt nazzjonali (14). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenzi mogħtija minn wara l-każijiet Crehan u Manfredi, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE (jew l-Artikolu 102 TFUE), inklużi regoli dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ relazzjoni kawżali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk ir-regoli nazzjonali ikunu konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (15).

33.      Imma liema kwistjonijiet relatati mal-azzjonijiet għad-danni huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni u liema, minflok, huma rregolati mid-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri? Fil-fehma tiegħi tweġiba għal din il-mistoqsija tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza iktar riċenti.

b)      L-interazzjoni bejn id-dritttal-Unjoni u d-dritt nazzjonali, u l-konsolidazzjoni tad-dissważjoni bħala għan tal-azzjonijiet privatigħad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

34.      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Kone (16) titfa’ dawl fuq din il-kwistjoni. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-vittmi tal-hekk imsejħa “prezz protettiv (‘umbrella pricing’)” - individwi li indirettament sofrew danni minħabba ż-żieda fil-prezzijiet li rriżultat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE - jistgħu jitolbu kumpens għal dawn id-danni permezz ta’ azzjoni tad-dritt privat għad-danni. Għalhekk, ġie kkunsidrat li regola nazzjonali dwar il-kawżalità li teskludi ab initio l-possibbiltà li jintalbu d-danni għall-prezz protettiv (“umbrella pricing”) hija prekluża mill-Artikolu 101 TFUE (17).

35.      Jispikkaw żewġ kwistjonijiet interrelatati.

36.      L-ewwel, fil-kawża Kone l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Istati Membri għandhom ifasslu r-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-danni li jirriżultaw minn ftehim jew minn prattika pprojbiti taħt l-Artikolu 101 TFUE, inklużi dawk dwar l-applikazzjoni tal-kunċett tar-relazzjoni kawżali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn ir-regoli nazzjonali jikkonformaw mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Jiġifieri, li r-regoli inkwistjoni ma humiex inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet għal ksur ta’ drittijiet simili mogħtija mid-dritt nazzjonali u li dawn ir-regoli ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni diffiċli wisq jew prattikament impossibbli (18).

37.      Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, jista’ għalhekk jidher li l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ kwalunkwe regola nazzjonali li tirregola l-azzjonijiet għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha tiġi evalwata abbażi tat-test klassiku ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Madankollu, ma għandux jiġi injorat il-fatt li, wara li għamlet din id-dikjarazzjoni ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest partikolari tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali rilevanti tista’ ma tipperikolax l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE (19). Ħarsa iktar mill-qrib, tabilħaqq turi kif l-evalwazzjoni sussegwenti ssir b’riferiment għall-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE (20).

38.      Ir-raġunament użat mill-Qorti tal-Ġustizzja jolqotni bħala li jeħtieġ xi ħaġa manifestament iktar minn evalwazzjoni bbażata fuq il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fl-opinjoni tiegħi, dan jeħtieġ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tar-regola nazzjonali kontenzjuża fid-dawl tal-effettività sħiħa ta’ dispożizzjoni tat-Trattat, jiġifieri dik tal-Artikolu 101 TFUE.

39.      Id-differenza bejn evalwazzjoni bbażata fuq il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, minn naħa, u evalwazzjoni bbażata fuq l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE, min-naħa l-oħra, hija waħda importanti. Tgħin fid-determinazzjoni tal-linja ta’ demarkazzjoni bejn kwistjonijiet irregolati, rispettivament, mid-dritt tal-Unjoni u mis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri.

40.      Skont l-interpretazzjoni tiegħi tal-ġurisprudenza, it-test klassiku ta’ ekwivalenza u ta’ effettività huwa applikat biss fir-rigward ta’ “regoli dettaljati li jirregolaw il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens” quddiem il-qrati nazzjonali. Fi kliem ieħor, dan it-test huwa applikat fir-rigward ta’ regoli li (b’xi mod jew ieħor) jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt li jintalab kumpens quddiem qorti (21). Regoli bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

41.      B’kuntrast, meta jkunu involuti l-kundizzjonijiet kostituttivi tad-dritt li jintalab kumpens (bħall-kawżalità), dawn il-kundizzjonijiet huma eżaminati b’riferiment għall-Artikolu 101 TFUE.

42.      Huwa veru li, fil-kawża Kone, il-Qorti tal-Ġustizzja astjeniet milli tagħti definizzjoni pożittiva, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”. Dan għamlitu bil-kontra tal-proposta tal-Avukat Ġenerali Kokott (22). Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja mxiet bir-reqqa (kif tagħmel ta’ spiss) u llimitat it-tweġiba tagħha għal dak li kien strettament meħtieġ fil-każ li kien qed jiġi eżaminat dak iż-żmien (23). Għaldaqstant, billi rreferiet għall-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tat-Trattat tipprekludi regola nazzjonali dwar il-kawżalità li teskludi ab initio l-possibbiltà li jintalbu d-danni bbażat fuq l-eżistenza ta’ prezz protettiv (“umbrella pricing”).

43.      Fi kliem ieħor, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet l-iżvilupp tat-tifsira tal-kunċett ta’ rabta kawżali għall-ġurisprudenza futura, dan ma għandux jinftiehem bħala li jfisser li l-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-pedament tat-talba għad-danni huma rregolati mid-dritt nazzjonali.

44.      It-tieni, bħala korollarju immedjat tal-enfasi fuq l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE, ir-raġunament ta’ dritt li jintalab kumpens għal dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ġie marbut sew mad-dissważjoni fil-kawża Kone. Tabilħaqq, billi warrbet l-applikabbiltà ta’ regola li teħtieġ rabta kawżali diretta sabiex tiġi stabbilita responsabbiltà privata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 101 TFUE jipprekludi regola nazzjonali li teskludi r-responsabbiltà privata ta’ impriżi li jappartjenu għal kartell għal danni kkawżati minn żieda fl-prezzijiet fis-suq bħala riżultat tal-imġiba antikompetittiva (24).

45.      Id-“dannu” kkawżat mill-prezz protettiv (“umbrella pricing”) huwa konsegwenza ta’ deċiżjoni dwar prezzijiet indipendenti meħuda minn persuna mhux involuta fl-imġiba antikompetittiva kkontestata. Tali deċiżjoni tista’ taffettwa numru kbir ta’ individwi. B’riżultat ta’ dan, in-numru ta’ individwi li jgawdu d-dritt li jitolbu danni abbażi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 101 (jew l-Artikolu 102 TFUE), jiżdied kunsiderevolment. Fid-dawl ta’ dan, id-deċiżjoni fil-kawża Kone tikkostitwixxi pass deċiżiv fil-konsolidazzjoni tar-rwol ta’ azzjonijiet għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bħala strument maħsub biex jiskoraġġixxi lill-impriżi milli jaġixxu f’aġir antikompetittiv.

2.      L-enfasi mqiegħda fuq id-dissważjonihija ġġustifikata?

46.      Għalkemm jista’ jingħad ħafna dwar il-valur prattiku miżjud tas-soluzzjoni milħuqa fil-kawża Kone għall-effettività tas-sistema ta’ infurzar privat b’mod ġenerali, l-enfasi li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet fuq id-dissważjoni b’mod ġenerali hija fil-fehma tiegħi ġustifikata għal diversi raġunijiet. Hawn nixtieq nenfasizza fil-qosor tnejn minnhom.

47.      L-ewwel, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-infurzar privat permezz ta’ azzjonijiet għad-danni jipprovdi element komplementari ta’ dissważjoni għal imġiba antikompetittiva, dissważjoni li l-infurzar pubbliku waħdu ma jistax jikseb. L-istess bħall-infurzar pubbliku, l-għan tal-infurzar privat huwa li jinfluwenza l-imġiba tal-impriżi fis-suq, biex jiskoraġġixxi lil dawk l-impriżi milli jinvolvu ruħhom f’aġir antikompetittiv.

48.      Minn naħa waħda, jekk individwi (ħafna drabi b’għarfien dirett ta’ kartelli jew imġiba oħra antikompetittiva) ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom rimedji effettivi tad-dritt privat, tiżdied il-probabbiltà li numru ikbar ta’ restrizzjonijiet illegali jiġu skoperti u li l-kontraventuri jinżammu responsabbli (25) Fi kliem ieħor, ir-riskju ta’ skoperta jiżdied b’mod kunsiderevoli. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-effett dissważiv ta’ talba waħda għal kumpens huwa probabbilment negliġibbli, huwa n-numru ta’ applikanti potenzjali li, flimkien mar-riskju ikbar ta’ skoperta, jgħinu biex jispjegaw għalfejn mekkaniżmi ta’ infurzar privat (bħal azzjonijiet għal dannu) jikkostitwixxu mezz effettiv biex jiġi żgurat li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu osservati (26).

49.      Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li d-dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv normalment huwa purament dannu ekonomiku. Għalkemm f’ċerti każijiet dannu dirett fuq l-interessi ekonomiċi ta’ ċerti partijiet jista’ jkun relattivament ħafif biex tidentifikah u tipprovah, ta’ min jenfasizza li l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jinvolvi wkoll ħsara indiretta u, ġeneralment, konsegwenzi negattivi fuq l-istruttura u l-funzjonament tas-suq. Ma hemmx għalfejn ngħidu li l-kwantifikazzjoni jew il-prova ta’ dannu, fuq il-bażi ta’ katina kontrofattwali ta’ avvenimenti, tqajjem għadd kbir ta’ problemi aħseb u ara l-kawżalità.

50.      Madankollu, bażikament, id-dannu reali kkawżat minn restrizzjonijiet illegali tal-kompetizzjoni huwa t-telf nett għall-ekonomija li jirriżulta minn tali restrizzjonijiet, jiġifieri telf ta’ effiċjenza ekonomika kkawżat mill-imġiba antikompetittiva inkwistjoni. Dan ifisser li d-dannu identifikat f’azzjonijiet għal danni bbażati fuq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni hija fil-verità indikazzjoni tal-ineffiċjenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur u mit-telf korollarju għas-soċjetà kollha kemm hi f’termini ta’ tnaqqis tal-benesseri tal-konsumatur. Għalhekk, fl-aħħar analiżi, il-funzjoni ta’ kumpens ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tibqa’ fl-opinjoni tiegħi subordinata għal dik tal-funzjoni ta’ dissważjoni tagħha.

51.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, issa ser ngħaddi biex nindirizza speċifikament id-domandi magħmula mill-korkein oikeus (il-Qorti Suprema).

B.      Eżami tad-domandi magħmula

52.      Il-qorti tar-rinviju għamlet tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tnejn minnhom ġew ippreżentati b’mod alternattiv (skont ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda magħmula). It-tliet mistoqsijiet huma marbuta intrinsikament u jfittxu kjarifika dwar kwistjoni waħda: Id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li, f’azzjoni ta’ dritt privat għal danni quddiem qorti nazzjonali, individwu għandu jitħalla jfittex kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mingħand impriża li kompliet l-attività ekonomika ta’ parteċipant fil-kartell? Fi kliem ieħor, il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika għandu jiġi applikat f’dan il-kuntest?

53.      Fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda titlob risposta affermattiva.

54.      Biex nispjega għalfejn dan hu hekk, jien se nindirizza l-ewwel u t-tieni domandi magħmula wara xulxin.

1.      Id-determinazzjoni tal-partijiet responsabbli għal ħlas ta’ kumpens hija kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni

55.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-persuni responsabbli għal ħlas tal-kumpens għal danni kkawżati minn aġir li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE għandhomx jiġu ddeterminati abbażi tad-dritt tal-Unjoni, jew jekk dik il-kwistjoni tibqax kwistjoni ta’ dritt nazzjonali.

56.      Il-parti l-kbira tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża argumentaw li d-determinazzjoni tal-persuni responsabbli għad-danni hija kwistjoni rregolata mid-dritt nazzjonali. Fil-fehma tagħhom, il-libertà ta’ azzjoni li l-Istati Membri għandhom f’dan ir-rigward hija limitata mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

57.      Ma naqbilx ma’ din il-perspettiva.

58.      Minn naħa, peress li l-Artikolu 101 TFUE għandu effett dirett huwa jipproduċi konsegwenzi legali fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u għalhekk joħloq drittijiet għall-benefiċċju ta’ individwi li l-qrati nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw. Kif indikat iktar ’il fuq, mill-effett dirett tal-Artikolu 101 TFUE l-Qorti tal-Ġustizzja inferit id-dritt - għal kull individwu - li jfittex kumpens għal danni kkawżati minn ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament sostniet li regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, suġġett għall-osservanza tar-rekwiżiti (minimi) ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (27).

59.      Id-determinazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas tal-kumpens għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija tali regola dettaljata li tirregola l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens? Jew hija kundizzjoni kostituttiva ta’ responsabbiltà rregolata mid-dritt tal-Unjoni?

60.      Fl-opinjoni tiegħi, din hija kundizzjoni kostituttiva ta’ responsabbiltà rregolata mid-dritt tal-Unjoni.

61.      Id-determinazzjoni tal-persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens ma hijiex kwistjoni li tirrigwarda kwalunkwe dettalji tal-applikazzjoni konkreta ta’ talba għal kumpens jew regola li tirregola l-infurzar attwali tad-dritt li jintalab kumpens. Id-determinazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas tal-kumpens hija n-naħa l-oħra tal-munita tad-dritt li jintalab kumpens għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Tabilħaqq, l-eżistenza ta’ dritt li jintalab kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 101 TFUE jippresupponi li hemm obbligu legali li ġie miksur (28). Jippresupponi wkoll li hemm persuna responsabbli għall-imsemmi ksur.

62.      Din il-persuna tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 101 TFUE, dispożizzjoni li tapplika għall-impriżi. Fil-fatt, id-destinatarji tal-projbizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 101 TFUE huma impriżi, kunċett li ġie applikat b’mod flessibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-infurzar pubbliku u tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità.

63.      Skont prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza, il-kunċett jirrappreżenta kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħha u mill-mod ta’ kif tiġi ffinanzjata. Skont il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali, meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija din l-entità li għandha twieġeb għal dan il-ksur (29).

64.      Fid-dawl ta’ dan, għandi diffikultà nidentifika kwalunkwe raġuni tajba għaliex id-determinazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens fil-kuntest tar-responsabbiltà privata għandha tiġi ddeterminata fuq bażi differenti. Għal kuntrarju.

65.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ssuġġeriet li s-silenzju tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni, flimkien mal-fatt li d-Direttiva 2014/104 issa tagħmel riferiment speċifika għar-responsabbiltà flimkien u in solidum tal-impriżi għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (30), jindikaw li d-determinazzjoni tal-persuni li għandhom jinżammu responsabbli hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Madankollu, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità li tiċċara din il-kwistjoni - jew li l-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda dispożizzjoni dwar ir-responsabbiltà flimkien u in solidum tal-impriżi fid-direttiva – ma jagħtix wisq indikazzjonijiet dwar il-bażi leġiżlattiva li fuqha l-persuni responsabbli għad-danni għandhom jiġu ddeterminati, jew tabilħaqq, il-prinċipji li għandhom jiġu applikati fid-determinazzjoni ta’ dawn il-persuni.

66.      Id-determinazzjoni tal-persuni responsabbli direttament tolqot l-eżistenza stess ta’ dritt li jintalab kumpens. Bħala tali, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ importanza fundamentali, fuq l-istess staffa tad-dritt innifsu li jintalbu d-danni. Fi kliem ieħor, l-istess bħal fil-każ tal-kawżalità, kundizzjoni kostituttiva għar-responsabbiltà, il-persuni responsabbli għandhom jiġu ddeterminati abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

67.      Il-kundizzjonijiet kostituttivi ta’ responsabbiltà għandhom ikunu uniformi (31). Jekk id-definizzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas tal-kumpens tkun differenti minn Stat Membru għal ieħor, ikun hemm riskju ovvju li operaturi ekonomiċi jiġu ttrattati b’mod differenti, skont il-qorti nazzjonali li għandha tittratta t-talba għal kumpens taħt id-dritt privat. Mill-perspettiva tal-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-fatt li d-definizzjoni tal-persuni responsabbli għad-danni titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri tista’ tillimita kunsiderevolment id-dritt li jintalab kumpens. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ regoli differenti madwar l-Istati Membri dwar kwistjoni fundamentali li taffettwa direttament l-istess eżistenza tad-dritt li jintalab kumpens ma tkunx tmur biss kontra wieħed mill-għanijiet fundamentali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li huwa li jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għall-impriżi kollha attivi fis-suq intern, iżda tkun ukoll stedina għal forum shopping (32).

68.      Fl-aħħar analiżi, tali soluzzjoni taffettwa ħażin il-funzjoni dissważiva tal-azzjonijiet għad-danni u għalhekk l-effettività tal-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għan li ngħata importanza partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza.

69.      Għalhekk, f’azzjoni ta’ dritt privat għal danni quddiem qorti nazzjonali, il-persuni miżmuma responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandhom jiġu ddeterminati abbażi tad-dritt tal-Unjoni, b’riferiment għall-Artikolu 101 TFUE (jew, skont il-każ, għall-Artikolu 102 TFUE).

70.      Iżda dan ifisser li l-prinċipju tal-kontinwità ekonomika għandu jiġi applikat f’azzjoni għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni quddiem qorti nazzjonali sabiex jiġu ddeterminati l-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens?

2.      Jekk il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika għandux jiġi applikat fid-determinazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlasta’ kumpens fil-kuntest ta azzjoni privata għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

71.      Bit-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-determinazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens hijiex irregolata mill-istess prinċipji bħal dawk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penali.

72.      Huwa utli li nibda billi nirrepeti fil-qosor il-prinċipji bażiċi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika, li, għandu jiġi mfakkar, ġiet żviluppata fil-kuntest tal-infurzar pubbliku tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

73.      Il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika huwa espressjoni tad-definizzjoni wiesgħa ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dan jiġi applikat, b’mod partikolari, fejn l-entità li tkun wettqet il-ksur tkun waqfet teżisti, jew ġuridikament jew ekonomikament. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk sanzjonijiet pekunjarji jiġu imposti fuq impriża li tkompli teżisti ġuridikament, imma li waqfet l-attività ekonomika, tali sanzjoni ma jkollha ebda effett dissważiv (33).

74.      Ġeneralment - għalkemm ir-regola prinċipali tibqa’ ir-responsabbiltà personali - ir-raġunament wara l-estensjoni tar-responsabbiltà għall-entità li kompliet l-attivitajiet tal-entità li kisret id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija li jekk ma jkunx hekk l-impriżi jistgħu jevitaw sanzjonijiet billi jbiddlu l-identità tagħhom permezz ta’ ristrutturazzjonijiet, bejgħ jew bidliet legali jew organizzattivi oħra. Dan jipperikola l-għan li titrażżan l-imġiba li tikser id-dritt tal-kompetizzjoni u tipprevjeni li terġa’ sseħħ permezz ta’ sanzjonijiet dissważivi (34).

75.      Għalhekk, mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, bidla legali jew organizzattiva mhux neċessarjament toħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà għall-imġiba tal-predeċessur tagħha li wettaq il-ksur, meta, minn perspettiva ekonomika, it-tnejn huma identiċi. F’dan ir-rigward, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-forom legali tal-entità li wettqet il-ksur u tal-entità li ġiet warajha huma wkoll irrilevanti (35). Dan għaliex, minn perspettiva ekonomika, l-entità tibqa l-istess.

76.      Fl-opinjoni tiegħi, l-argumenti li tressqu fil-kuntest tal-infurzar pubbliku tad-dritt tal-kompetizzjoni biex jiġġustifikaw l-użu ta’ kunċett wiesa’ ta’ “impriża” u, il-korollarju mill-qrib tagħha, il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika, huma wkoll validi fil-kuntest ta’ talba taħt id-dritt privat għal kumpens għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dan għaliex azzjoni għad-danni, bħalma huwa l-infurzar pubbliku tad-dritt tal-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni, tfittex li - għalkemm mhux permezz tal-istess mekkaniżmu - tiskoraġġixxi lill-impriżi milli jinvolvu ruħhom f’aġir antikompetittiv. Tabilħaqq, kif indikat Vantaan kaupunki, l-infurzar pubbliku u privat tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni flimkien jiffurmaw sistema kompluta ta’ infurzar, għalkemm b’żewġ partijiet, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda.

77.      Li kieku l-prinċipju tal-kontinwità ekonomika kellu ma jiġix applikat fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni, dan idgħajjef kunsiderevolment l-element ta’ dissważjoni li jirriżulta mill-fatt li kull individwu jkun awtorizzat jitlob danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

78.      Barra minn hekk, kif juri b’mod ċar dan il-każ, l-impriżi jistgħu jevitaw ir-responsabbiltà privata għall-kumpens permezz ta’ arranġamenti korporattivi, jew arranġamenti oħra li jagħmluha prattikament impossibbli għall-individwi li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, Skanska, NCC Industry u Asfaltmix kollha argumentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li Vantaan kaupunki setgħet titlob kumpens ukoll mingħand il-kumpanniji li issa huma xolti. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni tal-kumpannija Finlandiża tidher li tabilħaqq tippermetti lil parti li ġarrbet id-dannu tieħu din l-azzjoni, huwa diffiċli li wieħed jipprevedi kif tali azzjoni tista’ tiżgura kull dritt effettiv għal kumpens lill-individwu: kif inhu magħruf sew, ma tistax tisraq mill-bwiet ta’ raġel għeri.

79.      Ċertament, jista’ jidher problematiku li kumpannija tista’ tinżamm responsabbli għal danni kkawżati mill-imġiba antikompetittiva ta’ kumpannija oħra (xolta), sempliċement minħabba li l-ewwel kumpannija kompliet l-attività ekonomika tal-kontraventur. Għalhekk, jista’ jiġi argumentat li, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kontinwità ekonomika għal talba għad-danni taqleb il-loġika tad-dritt privata ta’ tali talbiet, peress li b’mod partikolari l-kontraventur u l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ma humiex (legalment) l-istess.

80.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn straordinarju - jew sorprendenti - dwar din is-soluzzjoni. Kif spjegajt iktar ’il fuq, l-azzjonijiet għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jiffurmaw parti integrali mill-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, sistema li (kkunsidrata globalment) għandha prinċipalment l-għan li tiskoraġġixxi lill-impriżi milli jaġixxu b’mod antikompetittiv. F’din is-sistema, ir-responsabbiltà hija marbuta ma’ assi, iktar milli ma’ personalità legali partikolari. Għalhekk, minn perspettiva ekonomika, l-istess impriża li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni tinżamm responsabbli kemm għas-sanzjonijiet pubbliċi kif ukoll għad-danni taħt id-dritt privat. Fid-dawl tal-fatt li l-infurzar pubbliku u privat huwa kumplimentari u jikkostitwixxi partijiet komposti ta’ ħaġa waħda, soluzzjoni fejn l-interpretazzjoni ta’ “impriża” tkun differenti skont il-mekkaniżmu użat biex jiġi infurzat id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun sempliċement insostenibbli.

81.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-kumpens għal danni kkawżati minn ksur ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika għandu jiġi applikat sabiex, f’azzjoni ta’ dritt privat għal danni quddiem qorti nazzjonali, individwu jista’ jitlob kumpens mingħand kumpannija li kompliet l-attività ekonomika ta’ parteċipant fil-kartell.

82.      Madankollu, qabel ma nikkonkludi, huwa neċessarju li nagħmel osservazzjoni finali, osservazzjoni mqajma mill-argumenti mressqa minn NCC Industry waqt is-seduta.

83.      Fis-sottomissjonijiet orali tagħha, NCC Industry talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-prinċipju tal-kontinwità ekonomika għandu jkun applikat fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas tad-danni f’azzjoni taħt id-dritt privat għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Madankollu, din it-talba kienet ibbażata fuq talba ġenerali u mhux issostanzjata biżżejjed dwar il-konsegwenzi finanzjarji li tali interpretazzjoni jkollha fuq l-operaturi ekonomiċi li jkunu impenjaw ruħhom fix-xiri ta’ kumpanniji. Konsegwentement, din it-talba għandha tiġi miċħuda ab initio, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jiġi eżaminata fid-dettall jekk iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi dwar il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni stabbiliti fil-ġurisprudenza ġewx issodisfatti f’dan il-każ (36).

IV.    Konklużjoni

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja):

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li fid-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens għal danni kkawżati minn ksur ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika għandu jiġi applikat sabiex, f’azzjoni ta’ dritt privat għal danni quddiem qorti nazzjonali, individwu jista’ jitlob kumpens mingħand kumpannija li kompliet l-attività ekonomika ta’ parteċipant fil-kartell.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Banks, C-128/92, EU:C:1993:860.


3      L-iktar importanti, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461.


4      Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014 L 349, p. 1).


5      Għal espressjoni bikrija ta’ dan il-prinċipju, ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie Royale Asturienne des Mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 9. Ara,għal eżempji iktar reċenti, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, EU:C:1999:356, punt 145; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punt 59; tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, EU:C:2007:775, punti 45 u 46, u tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punti 39 u 40.


6      Sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, EU:C:2001:465 punt 26, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 60.


7      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punti 95 sa 97; tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C-360/09, EU:C:2011:389, punt 32, u tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 37.


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punti 95 u 96 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, EU:C:2001:465.


10      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461.


11      Anki qabel is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, EU:C:2001:465, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett ta’ dawk li issa huma l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, 127/73, EU:C:1974:6, punt 16, u tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, EU:C:1997:159, punt 39.


12      Sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, EU:C:2001:465, punti 24 sa 26, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punt 59.


13      Sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, EU:C:2001:465, punt 27, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punt 91. Barra minn hekk ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C-360/09, EU:C:2011:389, punt 29; tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C-199/11, EU:C:2012:684, punt 42; tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C-536/11, EU:C:2013:366, punt 23, u tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 23.


14      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punt 62.


15      Sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, EU:C:2001:465, punt 29, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:46164, punt 62.


16      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317.


17      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 37.


18      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


19      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punti 27 et seq., u b’mod partikolari l-punt 34. Bħala paragun, ara dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C-360/09, EU:C:2011:389, punti 30 sa 32, u tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C-536/11, EU:C:2013:366, punti 32 sa 34.


21      Dan huwa dak li l-Avukat Ġenerali Kokott iddeskriviet bħala li hija l-kwistjoni tal-kif tad-dritt li jintalab kumpens. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża KONE et, C-557/12, EU:C:2014:45, punt 23. Barra minn hekk jista’ jkun possibbli li ssir distinzjoni ulterjuri bejn regoli ta’ rimedju u regoli purament proċedurali, kif ukoll bejn ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li tali regoli għandhom jissodisfaw. Ara f’dan ir-rigward W. Van Gerven, “Of rights, remedies and procedures”, Reviżjoni tal-Liġi tas-Suq Komuni, Vol. 37, 2000, 501-536, f’503 sa 504.


22      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Kone et, C-557/12, EU:C:2014:45, punti 31 et seq.


23      C. Sunstein, One case at a time: judicial minimalism on the Supreme Court, Harvard, l-Università ta’ Harvard Press, 1999. Fil-kuntest tal-Unjoni dwar il-minimaliżmu ġudizzjarju, D. Sarmiento, “Half a case at a time: dealing with judicial minimalism at the European Court of justice”, f’M. Claes et al., Constitutional conversations, Cambridge, Intersentia, 2012, 11-40.


24      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 37.


25      Għalkemm il-Kummissjoni tenfasizza l-funzjoni kumpensatorja tal-azzjonijiet għad-danni, hija xorta waħda tirrikonoxxi l-utilità tagħhom sabiex impriżi jiġu dissważi milli jaġixxu b’mod antikompetittiv. Ara f’dan is-sens il-White Paper tal-Kummissjoni dwar Azzjonijiet ta’ Danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust COM 2008 (165) finali, p. 3 b’referenzi. Disponibbli minn: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/files_white_paper/whitepaper_en.pdf (aċċessat fit-22 ta’ Jannar 2019).


26      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Banks, C-128/92, EU:C:1993:860, punt 44.


27      B’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, EU:C:2001:465, punti 24 u 29, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punti 61 u 62. Ara barra minn hekk is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C-360/09, EU:C:2011:389, punti 29 u 30; tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C-536/11, EU:C:2013:366, punti 23 u 27, u tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punti 23 u 24.


28      L-idea ta’ korrispondenza bejn id-drittijiet u l-obbligi legali tista’ tiġi ntraċċata lura għal Hohfeld. Ara W. Hohfeld, “Some Fundamental Legal Conceptions as Applied in Judicial Reasoning”, Yale Law Journal, Vol. 23, 1913, 16-59, minn 30 sa 32. Ara wkoll W. Van Gerven, “Of rights, remedies and procedures”, Common Market Law Review, Vol. 37, 2000, 501-536, f’524.


29      Ara pereżempju s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, EU:C:2007:775, punti 38 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il-Kummissjoni, C-511/11 P, EU:C:2013:386, punt 51, u tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 39.


30      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li kisru l-liġi tal-kompetizzjoni permezz ta’ imġiba konġunta huma responsabbli in solidum għad-dannu kkawżat mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; bl-effett li kull waħda minn dawk limpriżi hi obbligata li tagħti kumpens sħiħ għall-ħsara, u l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara għandha d-dritt titlob kumpens sħiħ minn kwalunkwe waħda minnhom sakemm tkun ġiet ikkumpensata bis-sħiħ.”


31      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali - Van Gerven fil-kawża Banks, C-128/92, EU:C:1993:860, punti 49 sa 54 dwar tali kundizzjonijiet (l-eżistenza ta’ dannu, rabta kawżali bejn id-danni mitluba u l-imġiba allegata, u l-illegalità ta’ tali mġiba). F’din l-analiżi, il-persuni li għandhom jinżammu responsabbli donnhom huma, impliċitament, l-impriżi li ħadu sehem fl-imġiba illegali.


32      Għal raġunar simili fir-rigward tal-kwistjoni tal-kawżalità, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża KONE et, C-557/12, EU:C:2014:45, punt 29.


33      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, EU:C:2007:775, punti 40 u 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


34      Ara inter alia s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, EU:C:2007:775, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 40.


35      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, EU:C:2007:775, punt 43.


36      Għal dawn il-kundizzjonijiet, ara pereżempju s-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C-110/15, EU:C:2016:717, punti 59 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.