Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie - il-Polonja) – Biuro podróży “Partner” sp. z o.o sp. k. w Dąbrowie Górniczej vs Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów

(Kawża C-119/15) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - – Direttiva 93/13/KEE – Direttiva 2009/22/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Effett erga omnes ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’reġistru pubbliku – Sanzjoni pekunjarja imposta fuq bejjiegħ jew fornitur li jkun uża klawżola ekwivalenti għal dik inkluża fl-imsemmi reġistru – Bejjiegħ jew fornitur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Apelacyjny w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Biuro podróży “Partner” sp. z o.o sp. k. w Dąbrowie Górniczej

Konvenut: Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów

Dispożittiv

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali, li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli meqjusa illegali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u li huma inklużi f’reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, jitqies, fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur li ma kienx parti fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni ta’ dawn il-klawżoli fl-imsemmi reġistru, bħala aġir illegali, sakemm, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan il-bejjiegħ jew fornitur igawdi minn dritt għal rimedju effettiv kemm kontra d-deċiżjoni li tammetti l-ekwivalenza tal-klawżoli mqabbla li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti speċifiċi għal kull każ, dawn il-klawżoli humiex materjalment identiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti prodotti għad-detriment tal-konsumaturi kif ukoll kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi, skont il-każ, l-ammont tal-multa imposta.

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti bħalma hija l-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjonijiet tagħha, mogħtija fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, jistgħu jkunu suġġetti għal appell ta’ kassazzjoni, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”.

____________

1 ĠU C 198, 15.6.2015.