Language of document : ECLI:EU:F:2011:159

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Settembru 2011

Kawża F-42/07

Antonio Prieto

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Kompetizzjoni interna ppubblikata qabel l-1 ta’ Mejju 2004 — Membru tal-persunal temporanju mniżżel fuq il-lista ta’ riżerva qabel l-1 ta’ Mejju 2006 — Klassifikazzjoni fi grad — Artikolu 5(4) u Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Allowance tas-segretarjat — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Prieto jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tad-9 ta’ Ġunju 2006, li taħtru bħala uffiċjal bi prova mill-1 ta’ Lulju 2006, sa fejn din id-deċiżjoni tikklassifikah fil-grad AST 2, skala 3.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(1); Anness XIII, Artikoli 5(4), 12(3) u 13(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad u klassifikazzjoni fi skala — Membru tal-persunal temporanju maħtur uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 32; Anness XIII Artikolu 5(4); Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 8)

3.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet — Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

1.      L-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwarda lill-membri tal-persunal temporanji mniżżla “fuq il-lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra” kif ukoll lil dawk imniżżla “fuq il-lista tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna”. Għalkemm kompetizzjoni għal “trasferiment minn kategorija għal oħra” hija wkoll, min-natura tagħha, kompetizzjoni interna, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’mod li jagħtiha effettività, billi tiġi evitata, sa fejn huwa possibbli, kull interpretazzjoni li twassal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni hija superfluwa. Jidher li l-leġiżlatur ried jirreferi, b’“kompetizzjoni interna”, għall-kompetizzjonijiet imsejħa ta’ stabbiliment li l-għan tagħhom huwa li jippermettu, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet statutorji kollha li jirregolaw l-aċċess għas-servizz pubbliku Ewropew, ir-reklutaġġ, bħala uffiċjali, ta’ membri tal-persunal li diġà għandhom ċerta esperjenza tal-istituzzjoni u li wrew il-kapaċità tagħhom li jokkupaw l-impjiegi li għandhom jimtlew. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-termini tal-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferu biss għall-uffiċjali mniżżla “fuq il-lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, mingħajr ma jsemmu lill-uffiċjali mniżżla “fuq il-lista tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna”. Tali riferiment ma kienx ikun ġustifikat preċiżament għaliex ma hemmx stabbiliment ta’ membri tal-persunal li huma diġà uffiċjali.

Biex ikun applikabbli l-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hemm bżonn li jkun hemm trasferiment minn “kategorija ta’ qabel” lejn il-“kategorija l-ġdida”, meta tintemm jew kompetizzjoni li twassal għat-tfassil ta’ “lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, jew kompetizzjoni interna ta’ stabbiliment, li jkollha l-effett li twassal għal tali trasferiment minn kategorija għal oħra. B’hekk, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, kemm fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji kif ukoll ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni, il-leġiżlatur injora r-regola ġenerali fil-qasam ta’ klassifikazzjoni ta’ uffiċjali ġodda reklutati, stabbilita fl-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif supplimentat mill-Artikolu 12(3) jew mill-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tal-kandidati li għaddew imniżżlin f’lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u reklutati, rispettivament, bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, u wara l-1 ta’ Mejju 2006, billi rriżerva l-benefiċċju tal-klassifikazzjoni fi grad differenti minn dak indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni lill-membri tal-persunal reklutati bħala uffiċjali bi prova li diġà għandhom esperjenza tal-istituzzjoni u li juru, fl-aħħar tal-kompetizzjoni msemmija iktar ’il fuq, il-kapaċità tagħhom li jokkupaw impjiegi f’kategorija superjuri.

(ara l-punti 48, 49, 54 u 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Bergé vs Il‑Kummissjoni, T-40/96 u T‑55/96, punti 45 u 46; 12 ta’ Novembru 1998, Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, T‑294/97, punt 51

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Mejju 2010, Peláez Jimeno vs Il‑Parlament, F-13/09, punti 40, 41, 46 u 47

2.      Id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi espressament la prinċipju tal-unità tal-karriera u lanqas prinċipju tal-karriera. A fortiori, il-prospetti tal-karriera għal membru tal-persunal temporanju li jsir uffiċjal ma humiex rikonoxxuti b’mod ġenerali mid-dritt tal-Unjoni. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi biss li l-membru tal-persunal temporanju għandu jżomm l-anzjanità tal-iskala li jkun kiseb meta jkun ġie maħtur bħala uffiċjal.

L-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004, jipprovdu, għall-membri tal-persunal temporanju, il-possibbiltà li jkomplu l-karriera tagħhom bħala uffiċjali, b’mod konformi mal-proċeduri statutorji u, f’dan il-każ, l-anzjanità tal-iskala miksuba fil-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju tinżamm jekk il-membru tal-persunal inkwistjoni jkun ġie maħtur uffiċjal fl-istess grad immedjatament wara dan il-perijodu.

Minn naħa, xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jillimitaw ruħhom sabiex jiżguraw l-anzjanità tal-iskala lill-membru tal-persunal temporanju maħtur uffiċjal fl-istess grad u, min-naħa l-oħra, li l-kontinwità tal-karriera tiġi żgurata b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal. Finalment, għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li, fir-rigward ta’ dispożizzjoni tranżitorja, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirrikonoxxux lill-membri tal-persunal temporanju l-possibbiltà li jiġu maħtura uffiċjali fil-grad li kellhom jekk il-grad li kellhom kien superjuri għal dak li għalih ġiet ippubblikata l-kompetizzjoni li għaddew minnha.

(ara l-punti 61, 69 u 70)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Marzu 2008, Toronjo Benitez vs Il‑Kummissjoni, F‑33/07, punt 87

3.      Id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi tipprovdilu garanziji preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkondizzjonali u konkordanti, li jemanaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli.

Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni.

Għalkemm huwa minnu li posta elettronika ta’ kollega tal-uffiċjal ikkonċernat, li “tikkonferma li l-klassifikazzjoni bħala uffiċjal ser tkun fl-istess grad/skala bħal dik ta’ membru tal-persunal temporanju”, hija informazzjoni preċiża, madankollu din l-informazzjoni ma tiġix mill-Awtorità tal-Ħatra, li hija biss hija awtorizzata li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-uffiċjali.

(ara l-punti 98, 99, 101 u 102)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il‑Kummissjoni, T‑273/01, punt 26; 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, punt 96

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Settembru 2010, De Luca vs Il‑Kummissjoni, F‑20/06, punt 102; 28 ta’ Ottubru 2010, Sørensen vs Il‑Kummissjoni, F‑85/05, punt 84