Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Mejju 2007 - Korjus vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża F-43/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Nina Korjus (Lussemburgu, Il-Lussemburgu) (rappreżentant: J. Ortlinghaus, Avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni dwar il-ħatra tar-rikorrenti, safejn din tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tagħha fil-grad skond l-Artikolu 13(1) ta' l-Anness XIII ta' l-Istatut;

terġa' tistabbilixxi l-karriera tar-rikorrenti (li jinkludi l-iżvilupp ta' l-esperjenza tagħha fil-grad kif irrettifikat, id-drittijiet għal promozzjoni tagħha u d-drittijiet għal pensjoni tagħha), mill-grad li għalih kellha tiġi maħtura abbażi ta' l-avviż tal-kompetizzjoni abbażi ta' liema hija ġiet imniżżla fuq il-lista tal-kandidati, jew fil-grad imsemmi f'dan l-avviż ta' kompetizzjoni jew fil-grad li jikkorrispondi għall-ekwivalent tiegħu skond il-klassifikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġdid sa mid-Deċiżjoni tal-ħatra;

tagħti lir-rikorrenti l-benefiċċju ta' interessi għad-dewmien abbażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew fuq it-total tas-somom li jikkorrispondu għad-differenza bejn it-trattament li jikkorrispondi għall-klassifikazzjoni tagħha skond id-deċiżjoni tal-ħatra u l-klassifikazzjoni li għaliha kellha tkun intitolata sad-data meta tingħata d-deċiżjoni ta' klassifikazzjoni regolari fil-grad.

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Wara li għaddiet mill-kompetizzjoni CJ/LA/321 fejn l-avviż ġie ppubblikat qabel l-1 ta' Mejju 2004, ir-rikorrenti ġiet reklutata wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej2. B'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (aktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal") emendat mir-Regolament imsemmi aktar 'il fuq, hija ġiet ikklassifikata fil-grad AD7 minflok il-gradi LA7 jew LA6 previsti mill-avviż ta' kompetizzjoni.

Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari l-ksur ta' l-Artikolu 5(5) ta' l-Istatut, tal-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' proporzjonalità, ta' amministrazzjoni tajba u ta' protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi kif ukoll ta' l-Artikolu 31(1) ta' l-Istatut, safejn, minn naħa, hija kienet ġiet reklutata fi grad aktar baxx minn dak indikat fl-avviż ta' kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta' persuni li għaddew mill-istess kompetizzjoni ġiet stabbilita f'livelli differenti minn dawk li ġew reklutati bihom qabel jew wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur ta' l-Artikolu 10 ta' l-Istatut, peress li l-Kumitat stabbilit minn din id-dispożizzjoni ma kienx ġie kkonsultat fuq il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-persuni li għaddew mill-kompetizzjoni fejn l-avviżi għamlu referenza għall-istruttura l-antika tal-karrieri.

____________

1 - ĠU C 221 A tat-3 ta' Awwissu 1999, p. 7.

2 - ĠU L 124 ta-27.04.2004, p. 1.