Language of document : ECLI:EU:F:2008:124

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

8 ta’ Ottubru 2008

Kawża F-44/07

Florence Barbin

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura għall-attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu fil-Parlament Ewropew – Illegalità tal-istruzzjonijiet li jirregolaw din il-proċedura – Eżami komparattiv tal-merti”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu F. Barbin titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tas-16 ta’ Ottubru 2006, li tattribwilha punt ta’ mertu wieħed għall-proċedura 2005.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 45)

2.      Eċċezzjoni ta’ illegalità – Portata – Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita

(Artikolu 241 KE)

1.      L-eżami komparattiv tal-merti bil-għan li jiġu mogħtija lil uffiċjal punti ta’ mertu jista’ jsir biss fi ħdan id-direttorat ġenerali ta’ assenjazzjoni tiegħu, fid-dawl tan-numru limitat ta’ punti ta’ mertu disponibbli għal kull direttorat ġenerali u b’kunsiderazzjoni għall-fatt li kull uffiċjal ta’ direttorat jew ta’ dipartiment eliġibbli għall-promozzjoni jikkompeti mal-uffiċjali l-oħrajn kollha tad-direttorat tiegħu jew tad-dipartiment tiegħu għal numru limitat ta’ punti ta’ mertu. Id-direttorat ġenerali inkarigat sabiex jagħti l-punti ta’ mertu huwa dak fejn l-uffiċjal qatta’ l-iktar perijodu ta’ assenjazzjoni twil matul is-sena ta’ referenza.

(ara l-punti 44 u 45)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Marzu 2006, Lantzoni vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑289/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑39 u II‑A‑2‑171, punti 68 u 69; 27 ta’ Settembru 2006, Lantzoni vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑156/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑189 u II‑A‑2‑969, punti 52 u 53

2.      Il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża. L-att ġenerali li ġiet invokata l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors u għandha teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni.

(ara l-punt 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 31 ta’ Marzu 1965, Macchiorlati Dalmas vs L‑Awtorità Għolja, 21/64, Ġabra p. 227, 245; 13 ta’ Lulju 1966, L‑Italja vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 32/65, Ġabra p. 563 u 594; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il‑Kummissjoni, T‑6/92 u, Ġabra p. II‑1047, punt 57; 3 ta’ Frar 2000, Townsend vs Il‑Kummissjoni, T‑60/99, ĠabraSP p. I‑A‑11 u II‑45, punt 53; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2006, Sanchez Ferriz vs Il‑Kummissjoni, F‑19/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑41 u II‑A‑1‑135, punt 57