Language of document : ECLI:EU:C:2019:282

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ April 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 1(2) – Kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva – Klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni territorjali lill-qorti ddeterminata skont regoli ġenerali – Artikolu 6(1) – Stħarriġ ex officio tan-natura inġusta – Artikolu 7(1) – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C‑266/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2018, fil-proċedura

Aqua Med sp. z o.o.

vs

Irena Skóra,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Aqua Med sp. z o.o., minn T. Babecki, radca prawny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García, M. Wilderspin u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), u s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Aqua Med sp. z o.o. u Irena Skóra dwar il-ġurisprudenza territorjali tal-qrati nazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors għall-ħlas tal-prezz tal-bejgħ ippreżentat mill-bejjiegħ jew fornitur kontra l-konsumatur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 93/13

3        It-tlettax u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jistipulaw li:

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra;

[…]

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.      Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6        L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat fit-termini segwenti:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012

7        L-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), jipprevedi:

“Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

 Id-dritt Pollakk

8        L-Artikolu 27 tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), li jinsab fit-Taqsima I, intitolata “Ġurisdizzjoni ġenerali” tal-Kapitolu 2 ta’ dan il-kodiċi, jipprovdi:

“1.      L-azzjoni għandha tinġieb quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li fil-ġurisdizzjoni tagħha jkun jaqa’ d-domiċilju tal-konvenut.

2.      Id-domiċilju għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodeks cywilny [il-Kodiċi Ċivili].”

9        L-Artikolu 31 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jagħmel parti mit-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni alternattiva”, tal-Kapitolu 2 ta’ dan il-kodiċi, jipprevedi:

“L-azzjoni koperta mid-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima tista’ titressaq skont id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ġurisdizzjoni ġenerali jew titressaq quddiem il-qorti indikata skont id-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt.”

10      Fl-istess Taqsima 2, l-Artikolu 34 tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“L-azzjoni intiża għall-konklużjoni ta’ kuntratt, għad-determinazzjoni tal-kontenut tiegħu, għall-modifika tiegħu jew għad-determinazzjoni tal-eżistenza tiegħu, għall-eżekuzzjoni tiegħu, għax-xoljiment tiegħu jew għall-annullament tiegħu, kif ukoll l-azzjoni intiża li titlob kumpens minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ħażina ta’ kuntratt, tista’ titressaq quddiem il-qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tiegħu. Fil-każ ta’ dubju, il-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt għandu jiġi kkonfermat permezz ta’ dokument.”

11      L-Artikolu 200 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi li l-qorti li tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni għandha tirreferi l-każ lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni.

12      Skont l-Artikolu 202 ta’ dan il-kodiċi:

“In-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li jista’ jiġi rrimedjat abbażi tal-kuntratt konkluż bejn il-partijiet għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti biss f’każ li tiġi invokata eċċezzjoni mill-konvenut, ippreżentata u debitament motivata, qabel ma tingħata risposta għall-ilmenti rigward il-mertu tal-kawża. Il-qorti lanqas ma għandha teżamina ex officio tali nuqqas ta’ ġurisdizzjoni qabel in-notifika tal-att promotur. Jekk ebda dispożizzjoni speċjali ma tkun tistipula mod ieħor, iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tar-rikors, kif ukoll il-vizzji fir-rigward tat-tipi ta’ proċedura, in-nuqqas ta’ mandat xieraq għar-rappreżentant, in-nuqqas ta’ kapaċità ġuridika tal-konvenut, nuqqas fil-kompożizzjoni tal-korpi tiegħu jew in-nuqqas ta’ azzjoni tar-rappreżentant legali tiegħu, jistgħu jiġu eżaminati ex officio mill-qorti fl-istadji kollha tal-kawża.”

13      Id-Direttiva 93/13 ġiet trasposta fid-dritt Pollakk fil-Kodiċi Ċivili. Il-punt 23 tal-Artikolu 3853 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li huma b’mod partikolari kkunsidrati bħala klawżoli inġusti l-klawżoli li jeskludu l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki jew li jagħtu ġurisdizzjoni lil qorti tal-arbitraġġ li tinsab fil-Polonja jew fi Stat ieħor jew lil awtorità oħra, kif ukoll il-klawżoli li jimponu li tiġi adita qorti li, skont il-liġi Pollakka, ma għandhiex ġurisdizzjoni territorjali.

14      L-Artikolu 454 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“1.      Jekk il-post tal-provvista ma jkunx indikat u lanqas ma jirriżulta mill-karatteristiċi tal-obbligu, din għandha tiġi eżegwita fil-post fejn, fil-mument tat-tnissil tal-obbligu, id-debitur kellu d-domiċilju tiegħu jew is-sede tiegħu. Madankollu, il-pagamenti għandhom isiru fil-post fejn il-kreditur kellu d-domiċilju tiegħu jew is-sede tiegħu fil-mument tal-eżekuzzjoni tal-obbligu; jekk il-kreditur ikun biddel id-domiċilju jew is-sede tiegħu wara t-tnissil tal-obbligu, dan għandu jħallas l-ispejjeż żejda ta’ kunsinna kkawżati minn din il-bidla.

2.      Fil-każ fejn l-obbligu jkun marbut mal-impriża tad-debitur jew tal-kreditur, hija s-sede tal-impriża li tiddetermina l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Aqua Med hija bejjiegħ jew fornitur li għandu s-sede tiegħu f’Opalenica (il-Polonja). Fid-29 ta’ Ottubru 2016, hija kkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju ma’ I. Skóra, il-konsumatur, iddomiċiljata f’Legnica (il-Polonja), ta’ saqqu, oġġett li bih tiksi s-saqqu biex tipproteġih u mħadda għall-prezz ta’ 1992 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 465).

16      Skont il-klawżola li tinsab fil-punt 4 tal-Kapitolu 9 tal-Kundizzjonijiet ġenerali, li jagħmlu parti integrali mill-imsemmi kuntratt ta’ bejgħ, “[i]l-qorti li għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim bejn il-partijiet għandha tkun il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ”.

17      Peress li ma rċevietx, fiż-żmien miftiehem, il-prezz tal-bejgħ, Aqua Med adixxiet lis-Sąd Rejonowy w Nowym Tomyślu (il-Qorti Distrettwali ta’ Nowy Tomyśl, il-Polonja), li fil-ġurisdizzjoni tagħha taqa’ s-sede tagħha. Hija tqis li l-kawża inkwistjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni territorjali ta’ din il-qorti skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jgħid li l-azzjoni intiża għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għandha titressaq quddiem il-qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tiegħu. Skont Aqua Med, il-ħlas kellu, skont l-Artikolu 454 tal-Kodiċi Ċivili, jiġi eżegwit permezz ta’ trasferiment fil-kont bankarju tagħha, lis-sede tagħha.

18      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Ottubru 2017, is-Sąd Rejonowy w Nowym Tomyślu (il-Qorti Distrettwali ta’ Nowy Tomyśl) iddikjarat ex officio li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti distrettwali li fil-ġurisdizzjoni tagħha jaqa’ d-domiċilju tal-konvenuta. Din l-ewwel qorti ddeċidiet li, peress li dan kien kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, kellu jiġi applikat mhux biss id-dritt nazzjonali iżda wkoll id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350), li minnha jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jeżaminaw ex officio l-klawżoli inġusti fil-kuntest tal-kuntratti konklużi minn bejjiegħa jew fornituri mal-konsumaturi, inklużi l-klawżoli dwar il-ġurisdizzjoni.

19      Għalhekk, l-imsemmija qorti qieset li l-Artikolu 202 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li ma jippermettix l-istħarriġ ex officio tal-ġurisdizzjoni mill-qorti adita, jagħmilha impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li tiġi implimentata l-protezzjoni legali mogħtija lill-konsumatur mid-dritt tal-Unjoni.

20      Skont dan l-istħarriġ ex officio, is-Sąd Rejonowy w Nowym Tomyślu (il-Qorti Distrettwali ta’ Nowy Tomyśl) eżaminat il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha u qieset li l-klawżola kuntrattwali li tippermetti l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprovdi li l-bejjiegħ jew fornitur jista’ jippreżenta rikors kontra konsumatur quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha taqa’ s-sede ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur hija inġusta.

21      Għalhekk, is-Sąd Rejonowy w Nowym Tomyślu (il-Qorti Distrettwali ta’ Nowy Tomyśl) injorat il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni u applikat dispożizzjoni legali, jiġifieri l-Artikolu 27(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jirregola l-ġurisdizzjoni ġenerali, b’tali mod li l-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jaqa’ d-domiċilju tal-konvenuta ikollha l-ġurisdizzjoni territorjali.

22      Aqua Med appellat mid-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza quddiem is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja), billi invokat ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

23      Din il-qorti għandha dubji dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 għar-raġuni li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni tagħmel riferiment għal dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw irrispettivament mill-eżistenza tagħha. Stħarriġ ex officio, mill-qorti adita, tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha iwassal, f’dan il-każ, għall-analiżi kritika tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ din il-ġurisdizzjoni f’kawżi dwar kuntratti ta’ konsum. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jagħtix lill-qrati nazzjonali tali setgħa u jekk din taqax taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju jkollha tinjora l-liġi nazzjonali, li tkun tqieset kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49), u tapplika r-regola l-iktar favorevoli għall-konsumatur, f’dan il-każ dik ġenerali li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jkun jaqa’ d-domiċilju tal-konvenut.

24      Insostenn ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jgħid li l-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur biss għandhom ġurisdizzjoni fil-każ ta’ azzjoni mibdija, kontra l-konsumatur, mill-parti l-oħra tal-kuntratt.

25      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-inklużjoni ta’ klawżola għall-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni bħal dik inkwistjoni f’kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur jista’ jkun qarrieqi fil-konfront ta’ dan tal-aħħar, inkwantu jista’ jissuġġerixxilu b’mod żbaljat li din il-klawżola hija favorevoli għalih.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-verifika ex officio, mill-qorti nazzjonali, tal-klawżoli kuntrattwali konklużi mal-konsumatur għad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-tilwima, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13] u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] (Kawża Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350), għandha tinkludi wkoll il-verifika ta’ klawżoli kuntrattwali li, filwaqt li ċertament jirregolaw il-kwistjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim bejn partijiet, jagħmlu dan biss fis-sens li jirreferu għal-leġiżlazzjoni tad-dritt nazzjonali?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-verifika magħmula mill-qorti għandha tagħti lok għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fis-sens li tiggarantixxi lill-konsumatur protezzjoni li tirriżulta mill-kontenut tad-Direttiva [93/13], jiġifieri l-possibbiltà ta’ teħid ta’ konjizzjoni tat-tilwima mill-qorti li tinsab l-eqreb lejn il-post ta’ domiċilju/residenza abitwali tal-konsumatur?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-punti 22 u 23 tas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, u din hija sitwazzjoni li twassal biex dan jaderixxi għall-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, id-Direttiva 93/13 tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmu li jiżgura li kwalunkwe klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali tkun tista’ tiġi mistħarrġa bil-għan li tiġi evalwata n-natura possibbilment inġusta tagħha (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria, C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 50). F’dan il-kuntest, l-għan imfittex mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ma jkunx jista’ jintlaħaq fil-każ li l-konsumaturi jkunu obbligati li jinvokaw huma stess in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur tkun tista’ tiġi żgurata biss jekk lill-qorti nazzjonali tiġi rrikonoxxuta l-fakultà li tevalwa ex officio tali klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 26).

28      Madankollu, tali eżami ex officio mill-qorti nazzjonali jista’ jintalab biss jekk din tkun klawżola kuntrattwali li tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tagħha. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatorji statutorji jew regolatorji m’għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

29      Skont it-tlettax-il premessa tal-istess direttiva, l-espressjoni “disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji” li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 tkopri wkoll ir-regoli li, skont il-liġi nazzjonali, għandhom japplikaw bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma jkunx hemm ftehim dwar arranġamenti oħra.

30      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim bejn il-partijiet kontraenti, tagħmel riferiment għal-liġi nazzjonali applikabbli.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, li jikkonċerna l-klawżoli li jirriflettu d-dispożizzjonijiet mandatorji statutorji jew regolatorji, jistabbilixxi esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, suġġetta, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun mandatorja (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għalkemm hija l-qorti nazzjonali f’kull każ ineżami li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tivverifika l-issodisfar ta’ dawn il-kundizzjonijiet, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti l-kriterji li jistgħu jippermettulha tiddeċiedi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Nagyszénás Településszolgáltatási Nonprofit Kft., C‑182/17, EU:C:2018:91, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva prevista fl-Artikolu 1(2) tagħha testendi ruħha għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti irrispettivament mill-għażla tagħhom u għal dawk id-dispożizzjonijiet li huma applikabbli awtomatikament, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti mill-partijiet f’dan ir-rigward. Din l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti, liema bilanċ il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippreżerva b’mod espliċitu (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 43).

34      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratti konklużi, ma’ dawn tal-aħħar, minn bejjiegħa jew fornituri, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-klawżola tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija fformulata f’termini ġenerali ħafna, b’tali mod li, minn naħa, huwa permess li wieħed jistaqsi dwar l-utilità tagħha peress li hija tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li, kif tippreċiża din il-qorti, japplikaw irrispettivament mill-eżistenza ta’ din il-klawżola. Min-naħa l-oħra, fil-verità, l-imsemmija klawżola ma tirrifletti l-ebda dispożizzjoni nazzjonali speċifika, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom tagħmel riferiment jipprevedu sett ta’ regoli li jirregolaw il-modalitajiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, u l-bejjiegħ jew fornitur jista’ jagħżel dik li hija l-iktar favorevoli għalih.

36      Minkejja li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmel riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-preżunzjoni li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti ma tistax tiġġustifika esklużjoni ta’ din il-klawżola mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, f’każ bħal dan, għandha tiġi evalwata l-formulazzjoni ta’ din il-klawżola kuntrattwali u l-effetti tagħha fuq l-aspettattivi tal-konsumatur.

37      Fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, minn dak li ntqal jirriżulta li klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tinftiehem bħala li tirriproduċi dispożizzjoni nazzjonali.

38      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali applikabbli f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet kontraenti.

 Fuq it-tieni domanda

39      Għalkemm it-tieni domanda ma tirrigwardax speċifikament l-interpretazzjoni ta’ test preċiż tad-dritt tal-Unjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni, b’kunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Surgicare, C‑662/13, EU:C:2015:89, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, id-domandi tas-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) intiżi sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ protezzjoni li jgawdu minnu l-konsumaturi kif ukoll ir-rimedji ġudizzjarji li għandhom dawn tal-aħħar, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi inkluż fost l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom l-imsemmija qorti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdilha interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 45).

41      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli proċedurali, li għalihom tagħmel riferiment klawżola tal-kuntratt, li jippermettu lill-bejjiegħ jew fornitur jagħżel, fil-każ ta’ rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni allegat ta’ kuntratt mill-konsumatur, bejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq id-domiċilju tal-konvenut u dik li għandha ġurisdizzjoni fuq il-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt.

42      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u tal-kompetituri, jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

43      Fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, u kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fuq in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħa jew fornituri (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni territorjali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 93/13 ma fiha ebda dispożizzjoni espressa li tiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

45      Minkejja li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li għalih tagħmel riferiment il-qorti tar-rinviju f’dan il-kuntest, jipprovdi li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni internazzjonalment biex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni mressqa kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt hija dik tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tapplika f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ sitwazzjoni transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punti 46 u 47).

46      Madankollu, u kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jeħtieġ li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-konsumatur jislet mid-Direttiva 93/13.

47      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, fuq diversi aspetti u billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod kif il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn il-proċeduri jaqgħu, għalhekk, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn jipprevedu dritt għal rimedju effettiv, kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

49      F’dak li jikkonċerna d-dritt għal rimedju effettiv, għandu jitfakkar li dan għandu japplika kemm fuq il-livell tal-identifikazzjoni tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u kif ukoll fir-rigward tal-modalitajiet proċedurali marbuta ma’ tali kawżi (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Il-qorti nazzjonali għandha, f’dan il-kuntest, tevalwa jekk id-dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tiggarantixxix id-dritt għal rimedju effettiv u għandha twettaq din l-evalwazzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali.

51      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni jnaqqsu eċċessivament id-dritt tal-konsumaturi għal rimedju effettiv jew l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 93/13.

52      Bħala prinċipju, dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi, b’mod alternattiv, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-konsum ma tistax, fiha nnifisha, twassal għal restrizzjoni eċċessiva tad-dritt tal-konsumatur għal rimedju effettiv. Fil-fatt, tali ġurisdizzjoni ma teskludix il-possibbiltà għall-konsumatur li jipparteċipa fil-proċedura mibdija kontrih u jinvoka d-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, kwalunkwe qorti hija obbligata li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ta’ kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumatur kontra l-klawżoli inġusti.

53      Madankollu, fost il-mezzi adegwati u effettivi li għandhom jiggarantixxu lill-konsumatur dritt għal rimedju effettiv għandu jkun hemm il-possibbiltà li dan jintervjeni fil-kuntest ta’ azzjoni mibdija kontrih minn bejjiegħ jew fornitur, f’kundizzjonijiet proċedurali raġonevoli, b’tali mod illi l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari termini, spejjeż jew distanza, li jnaqqsu l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fil-fatt, il-modalitajiet proċedurali li jwasslu għal spejjeż għoljin wisq għall-konsumatur jista’ jkollhom il-konsegwenza li dan jiġi skoraġġut milli jintervjeni, b’mod utli, biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu quddiem il-qorti adita mill-bejjiegħ jew fornitur. Dan jista’ jkun il-każ jekk il-fatt li tiġi adita qorti li tinsab ’il bogħod wisq mid-domiċilju tal-konsumatur iwassal sabiex dan ikollu jsostni spejjeż għall-mobbiltà wisq għoljin li jkunu ta’ natura li jaqtgħulu qalbu milli jidher fil-proċedura mibdija kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punti 49 sa 59).

55      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

56      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regoli proċedurali, li għalihom tagħmel riferiment klawżola tal-kuntratt, li jippermettu lill-bejjiegħ jew fornitur jagħżel, fil-każ ta’ rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni allegat ta’ kuntratt mill-konsumatur, bejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq id-domiċilju tal-konvenut u dik li għandha ġurisdizzjoni fuq il-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, sakemm l-għażla tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ma tkunx tikkawża, għall-konsumatur, kundizzjonijiet proċedurali tali li jkunu ta’ natura li jillimitaw b’mod eċċessiv id-dritt għal rimedju effettiv mogħti lilu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali applikabbli f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet kontraenti.

2)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regoli proċedurali, li għalihom tagħmel riferiment klawżola tal-kuntratt, li jippermettu lill-bejjiegħ jew fornitur jagħżel, fil-każ ta’ rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni allegat ta’ kuntratt mill-konsumatur, bejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq id-domiċilju tal-konvenut u dik li għandha ġurisdizzjoni fuq il-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, sakemm l-għażla tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ma tkunx tikkawża, għall-konsumatur, kundizzjonijiet proċedurali tali li jkunu ta’ natura li jillimitaw b’mod eċċessiv id-dritt għal rimedju effettiv mogħti lilu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.